L-Otters jitolbu li jsir x-xogħol fuq il-breakwater mill-aktar fis
L-uniku club tal-waterpolo f'Għawdex sofra danni kbar flimkien ma' ħwienet u ristoranti f'Marsalforn minn meta tkisser il-breakwater
Fil-jiem ta’ l-14 u l-15 ta’ Lulju 2016, irjeħat qawwija ħakmu l-ġżejjer tagħna. Iz-zoni l-aktar milquta kienu dawn li huma soġġetti għar-riħ Majistral fosthom għalhekk il-bajja ta’ Marsalforn.
Għal bidu ta’ Ġunju ta’ din is-sena, il-klubb tal-waterpolo tal-Otters ASC wara diversi ġimgħat ta’ ħidma intensiva mid-diversi membri tal-kumitat varaw ‘pitch’ ġdid tal-waterpolo li tniżżel ġewwa l-bajja ta’ Marsalforn u rrestawraw in-netting li timpedixxi l-bram mill-jidħol ġo l-istess pitch. Aparti x-xogħol involut sabiex dan il-pitch jiġi armat intefqu somom kunsidervoli sabiex dan il-pitch jinxtara u jinġieb mill-esteru.
Dawn l-isforzi kollettivi li saru fuq medda ta’ diversi ġimgħat għosfru f’jumejn meta l-mewġ ikkawża ħsara estensiva lill-istess pitch.
Din il-ħsara għandha diversi effetti fuq il-klubb. Primarjament il-klubb preżentement ma jistax iżomm sessjonijiet ta’ taħriġ għal players tagħhom f’nofs l-istaġun tal-waterpolo li fih Otters ASC jikkompetu ma’ diversi timijiet f’Malta. Għaldaqstant il-kompetivita’ tal-istess tim u l-preparazzjonijiet għal logħob futuri se jieħdu daqqa ta’ ħarta.
Aparti minn hekk is-sessjonijiet tas-Swimming School li l-Otters ASC jorganizza kull Sajf a benefiċċju ta’ aktar minn 100 tifel u tifel preżentement huma mhedda serjament a kawża ta’ dan il-maltemp u l-istat li fih jinsab il-pitch.
Minn meta l-breakwater li kien hemm fiz-zona tkisser a kawża tal-elementi li jaħkmu l-inħawi d-danni kkawżati mill-mewġ qawwi żdied kunsiderevolment a dannu kemm ta’ Otters ASC kif ukoll tad-diversi ħwienet u restauranti li hemm Marsalforn.
Il-klubb Otters ASC ilu jitlob lill-Awtoritajiet konċernati li x-xogħol fuq il-breakwater għandu jsir kemm jista’ jkun malajr sabiex għal-inqas titaffa l-problema tal-mewġ qawwi li jaħkmu l-inħawi u mill-ġdid jinsistu dwar il-ħtieġa li ssir pixxina f’ Għawdex.