Il-Palma tad-Deheb għal The Travellers
Unur annwali għal min jiddistingwi ruħu fil-qasam mużikali
Ta' kull sena l-Kumitat li jieħu ħsieb itella' l-Festival San Lawrenz ġewwa San Lawrenz Għawdex, qabel il-jiem tal-Festa ad unur ta' San Lawrenz jippremja bl-unur "Il-Palma tad-Deheb" lil xi żagħżugħ jew żagħżugħa jew group ta' żgħażagħ li jkun iddistingwixxew ruħhom fil-qasam mużikali. Ir-rebbieħa ta' dan l-unur għal din is-sena huma l-Grupp Travellers.
The Travellers, grupp mużikali magħruf l-aktar għad-debutt tiegħu bid-diska “Sempliċità”, vara l-ewwel EP tiegħu, li jinkludi ħames diski oriġinali bil-lingwa Maltija f’April li għadda. Il-grupp ingħaqad fl-2013 b’mira li joħloq xi ħaġa differenti fix-xena mużikali versatili li għandna ġewwa Malta.
Clayton (Bassist), Joseph (Trumbetta), Chris (Kantant), u Andrew (Kitarrist), kienu l-membri oriġinali li bdew dan il-grupp. Aktar tard fl-2013 ingħaqdu magħhom Sylvano (Saxophone) u finalment Michael (Drums). Hawnhekk jimmarka l-bidu ta’ The Travellers.
Il-membri kollha tal-grupp ġejjin mill-gżira Għawdxija, li jinkludu Rabat, Xagħra, Kerċem, Għasri u n-Nadur. Dawn iż-żgħażagħ jaqsmu l-fliegu diversi drabi matul il-gimgħa minħabba fini ta’ xogħol u skola, għalhekk l-isem tal-grupp kien l-aktar wieħed adattat għalihom.
Il-grupp beda jaħdem fuq materjal b’mużika kontemporanja li fl-istess ħin tinkludi l-istrumenti tar-ram u lirika Maltija. Dan il-proċessqanqal kurżità kbira fil-membri stess u beda bħala esperiment biex jaraw kif il-melodija kontemporanja tista’ titqabbel ma’ lirika Maltija.
Minn dakinhar ‘l hawn, The Travellers varaw tliet singles bl-isem ta’ “Sempliċità”, “Dak li Int”, u “Xemx u Xita” liema tlieta spiċċaw kollha fil-quċċata tal-klassifika mużikali lokali kemm tar-radju lokali kif ukoll tal-PRS. L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett kien li jinbidel il-kunċett tal-ilsien Malti fil-mużika kontemporanja fil-gżejjer Maltin.
Dan kollu ma jfissirx li l-grupp ser jirristretta ruħu għal mużika blilsien Malti biss, però qed iħarsu ‘il quddiem għal-futur tagħhom u x’jista’ jġib miegħu!