Qattajt ġurnata ma' Miriam Dalli f'Għawdex

“Hu pożittiv li tara t-tkabbir ekonomiku li Għawdex qed jesperjenza"

Mark Grech ifiehem lil Miriam Dalli dwar l-ewwel 5 star Boutique Hotel f’Malta u Għawdex
Mark Grech ifiehem lil Miriam Dalli dwar l-ewwel 5 star Boutique Hotel f’Malta u Għawdex

Dil-ġimgħa ġejt mistieden li nakkumpanja lill-membru Parlamentari Ewropea f’isem is-Soċjalisti, Miriam Dalli f’mawra f’Għawdex. Mawra li fiha Miriam Dalli tkellmet ma’ diversi imprendituri u nies li jaħdmu fis-settur tal-kummerċ Għawdxi.

B’hekk il-membru Parlamentari Ewropew setgħet tara u tmiss b’idejha dak li l-imprendituri Għawdxin qed jinsġu biex Għawdex jirbaħ fuq l-insularità doppja. Fil-fatt waqt il-laqgħat tagħha ma’ diversi setturi tal-kummerċ, Dalli qaltilna li baqgħet skantata għall-ideat modernissimi u innovattivi li l-Għawdxin qed joħolqu filwaqt li jippruvaw jieħdu minn dak li toffri l-Ewropa, mhux biss l-ideat iżda wkoll il-fondi. Miriam Dalli fil-fatt bdiet titlob lil kull wieħed u waħda li żaret l-kuntatti biex hi tkun tista’ tgħin minn Brussel.

“Huwa pożittiv li tara t-tkabbir ekonomiku li Għawdex qed jesperjenza, ” qalet Miriam Dalli. “Fl-istess ħin irridu nżommu f’moħħna l-insularità doppja li Għawdex ibati minnha għaliex f’każ bħal dan jibqa’ jkollok żgħażagħ li xorta jħossu li m’għandhomx futur fil-gżira tagħhom stess. Dan ifisser li hemm bżonn li anke l-politika Ewropea tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti ta’ gżira bħal Ghawdex u taddotta miżuri speċifiċi għal dan. Irridu nkunu innovattivi u permezz ta’ kollaborazzjoni akbar bejn il-gvern u l-privat jinħolqu intrapriżi ġodda biex ikun hemm impjiegi ġodda għall-Għawdxin u b’mod partikolari għaż-żgħażagħ.”

 

Il-proġett GOZITANO

Tiddiskuti il-proġett ta' 12-il miljun Ewro ma' Abraham Said
Tiddiskuti il-proġett ta' 12-il miljun Ewro ma' Abraham Said

L-ewwel laqgħa kienet ma’ Abraham ta’ ‘Vini e Capricci’ li ħalla lil MEP Laburista ferm interessata bil-proġett li qed jinħema fil-kumpless ‘Gozitano’ fejn bl-għajnuna ta’ grupp ta’ bdiewa u raħħala qed jaħdmu biex dan il-kumpless isir ‘state of the art’ fi żmien tliet snin. Proġett li għalih talbu fondi ta’ €12-il miljun mill-Unjoni Ewropeja u li Miriam Dalli wegħditu li se tgħin mal-Kummissjoni Ewropeja biex dawn il-fondi jingħataw. Il-proġett li se jkun uniku f’Malta u Għawdex se jkun ta’ turiżmu Gastronomiku, fejn turisti jkunu jistgħu joqogħdu fil-post, jgħixu mal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u ta’ ikel artiġġjanali Għawdxi, ikunu jistgħu jduquh u anke jixtru. Se tkun speċi ta’ lukanda agrituristika iżda li tisejjaħ turiżmu gastronomiku.

Skont Abraham se jkun hemm anke speċi ta’ ħanut tal-laħam fejn il-laħam li jiġi mibjugħ minn hemm ikun ġej minn annimali li jkollhom dieta speċjali. Qalilna wkoll li se jsiru anke torti tal-lampuki u tal-ġbejniet li se jissejħu t-torta tal-kunjata, “għax ir-riċetta se ttihieli l-kunjata tiegħi stess” qalilna Abraham waqt li Miriam Dalli weġbitu bi tbissima li hi sabiħa li l-kunjata tkun daqshekk apprezzata anke mir-raġel ta’ bintha. Abraham qalilna li dan se jkun żvilupp rurali qawwi f’dan il-kumpless u se jħaddem madwar 80 Għawdxi u Għawdxija. Miriam Dalli qaltlu li dan hu investiment tajjeb li għandu jkompli mal-wegħda tal-gvern li jkun hemm aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

 

“Ħadt gost nara proġett bħal dak propost minn Gozitano. Turiżmu staġjonali mhux se jsolvi l-isfidi t’Għawdex imma hemm bżonn ta’ investiment u innovazzjoni li jħarsu wkoll is-sostenibilità ambjentali tal-gżira Għawdxija. Fil-Parlament Ewropew se nkompli nwassal dan il-fatt biex naraw li ċ-ċirkostanzi speċifiċi t’Għawdex ikunu indirizzati kif suppost." Qaltilna Dalli meta tlabnieha l-kummenti tagħha wara din il-laqgħa li ħadet kważi siegħa. “Ħadt gost nara l-isforz li imprendituri Għawdxin qed jagħmlu biex jippromwovu l-innovazzjoni f’Għawdex. F’dinja li l-ħin kollu tinbidel setturi tradizzjonali jridu jżommu lilhom infushom aġġornati u jaddataw maż-żminijiet. L-investiment fi ħsibijiet innovattivi jista’ jgħin setturi sħaħ f’Għawdex biex jibqgħu kompetittivi. Il-proġett li l-Gozitano f’Għawdex jinbidel f’post fejn jista’ jiġi attirat turiżmu gastronomiku li jippromwovi l-prodotti tal-ikel tradizzjonali Għawdxi mhux biss jistgħu jagħtu spinta lit-turiżmu f’Għawdex imma jistgħu jgħinu lir-raħħala u lill-bdiewa Għawdxin jibqgħu kompetittivi u jkomplu jaħdmu l-art tagħhom b’mod sostenibbli.”

 

Il-Birra Artiġjanali ‘Lord Chambray’

Samuele tal-birra Lord Chambray jitlob lil Miriam Dalli tgħin biex il-bdiewa Għawdxin jibdew jiżirgħu x-xgħir fl-għelieqi  tagħhom
Samuele tal-birra Lord Chambray jitlob lil Miriam Dalli tgħin biex il-bdiewa Għawdxin jibdew jiżirgħu x-xgħir fl-għelieqi tagħhom

 

L-MEP Soċjalista marret ukoll iżżur il-birrerija artiġjanali ta’ Samuele, it-Taljan li ddeċieda li jinvesti f’Għawdex fl-unika birra artiġjanali li qatt kien hawn f’pajjiżna, Lord Chambray. Birra li rebħet diġà diversi unuri madwar l-Ewropa bl-aħħar waħda li hi magħmula mill-fjura tal-kappar u korjandru tirbaħ l-unur fil-Ġermanja li hi l-birra artiġjanali Numru Wieħed fid-dinja. L-imprenditur Taljan li għad għandu 29 sena issa ilu sentejn diġà jintroduċi din il-birra artiġjanali f’Għawdex fejn wara li dawwarna madwar il-fabbrika, dewwaqna wkoll il-birra u beda jfehemna kif u ma’ xiex għandha tinxtorob. Qalilha wkoll dwar il-problemi li għandu biex iġib il-prodotti agrarji bħax-xgħira minn barra meta jemmen li l-bdiewa Għawdxin jistgħu jkabbru x-xgħir wara li jinqata’ t-tadam u hu lest li jixtrih. Miriam Dalli wegħditu li se tagħmel laqgħa mal-bdiewa u mal-għaqda tagħhom u l-ministeru f’Għawdex biex tara kif il-bdiewa Għawdxin jistgħu japrofittaw minn iżjed xogħol. Samuele qal li għandu f’moħħu li jkabbar il-produzzjoni tal-birra għal miljun u nofs flixkun fis-sena.

Dwar din l-esperjenza Miriam Dalli qalet, “Il-proċess li l-birrerija artiġjanali Lord Chambray tadotta fil-produzzjoni tagħha hu interessanti mil-lat ambjentali. Interessanti l-fatt li din il-birrerija taħdem fuq il-ħsieb li tnaqqas l-iskart li tiġġenera billi tuża affarijiet riċiklabbli. Interessanti l-mod kif l-ilma għall-produzzjoni jiġi riċiklat u kif materjal organiku jiġi użat għal aktar minn darba. Dan huwa l-ħsieb li fuqu hija bbażata d-diskussjoni dwar circular economy fil-Kumitat tal-Ambjent biex jiġi ġġenerat l-anqas ammont ta’ skart possibbli. Interessanti tara dan il-ħsieb jiġi attwat fir-realtà minn kumpanija li hija bbażata f’Għawdex.”

 

L-ewwel Boutique Hotel 5 star

 

Miriam Dalli titkellem ma’ salesgirl tal-Bortex li jinsab fid-Duke’s Shopping Centre
Miriam Dalli titkellem ma’ salesgirl tal-Bortex li jinsab fid-Duke’s Shopping Centre

Minn hawn tlaqna niltaqgħu ma’ Mark Grech li hu d-direttur tal-kumpless ‘The Duke’ u Maria Farrugia li hi l-amministratur ta’ dan il-kumpless tax-xiri fejn dawru lill-membru Parlamentari Ewropea ma’ kull ħanut f’dan il-kumpless b’Miriam Dalli issib ħin li titkellem mal-proprjetarji u anke salesgirls ta’ kull ħanut b’dawn kollha jgħidulha kemm kienet sena tajba għan-negozji f’Għawdex din is-sena, bit-turisti Maltin u anke barranin baqgħu jfittxu lil Għawdex is-sena kollha.

Mark Grech stieden lil Miriam Dalli biex titla’ fejn dawk li kienu penthouses se jinbidlu fl-ewwel boutique hotel 5 star f’Malta u Għawdex. Lukanda fuq il-kumpless bi 30 kamra kollha spazjużi b’uħud minnhom anke bil-jacuzzi. Ix-xenarju li tgawdi minn dawn il-kmamar jaqtagħlek nifsek, speċjalment jekk kif tqum quddiemek tara s-sbuħija taċ-Ċittadella. Mark Grech qal li din il-lukanda se tkun lesta sa Frar li ġej u se tkun unika u ferm ċentrali. Dwar dan il-proġett Miriam Dalli qalet li t-turiżmu f’Għawdex qed jiżdied “u maż-żieda fid-domanda jiżdied ukoll il-bżonn ta’ aktar postijiet tal-akkomodazzjoni. L-iżvilupp li qed isir fid-Duke’s fir-Rabat Għawdex hu xhieda tad-domanda u tal-istabilità ekonomika li teżisti fil-gżira Għawdxija. Boutique Hotel ġdida ta’ kwalità fil-qalba t’Għawdex żgur li se tgħin biex ikunu attirati aktar turisti lejn Għawdex. Ħadt gost nara l-fiduċja li l-iżviluppaturi ta’ din il-lukanda għandhom u kif qed jinvestu biex joħolqu aktar xogħol fil-gżira Għawdxija.”

 

More in G?awdex