Fost il-ħsejjes tal-festa: il-ħsejjes tal-muturi
Ir-raħal ta’ Kerċem inbidel fi trakka naturali u selvaġġa għal muturi
Matul l-ijieli sajfin ta’ nhar il-Ġimgħa u s-Sibt, 29 u 30 ta’ Lulju, il-hemda fir-raħal sabiħ ta’ Kerċem inkisret bil-ħsejjes melodjużi ta’ festa ta’ lwien, mużika, kant, żfin, ikel u tradizzjoni mħallta ma’ ħsejjes dinamici u avventurużi ta’ muturi Trials, Enduro u Cross li ngħaqdu flimkien biex taw wirja eċċezzjonali u mill-isbaħ.
Il-Gozo Motocross Association organizzat it-tieni edizzjoni ta Xtreme Trials and EnduroCross - avveniment differenti minn tas-soltu fejn muturi Trials, Enduro u Cross ingħaqdu flimkien, ħarġu mill-ambjent naturali tagħhom u kkompetew flimkien ġewwa r-raħal ta’ Kerċem.
Għall-kompetizzjoni EnduroCross l-assoċċjazzjoni ħasbet li tarma trakka artifiċjali fi spazju miftuh, fejn numru t’ostakli fosthom zkuk, ġebel, tyres kbar u żgħar, rombli tal-cable tad-dawl, friegħi tas-siġar, għadajjar tal-ilma u diversi oġġetti oħra ġew poġġuti mal-art biex jipprovdu passaġġ minn fejn is-sewwieqa kellhom jgħaddu bil-muturi tagħhom. Din it-tip ta’ kompetizzjoni ġiet introdotta dawn l-aħħar snin fl-Amerika kif ukoll f’pajjizi Ewropej. Għall-gzejjer Maltin, din hija t-tieni darba li qatt kien hemm tentattiv biex dan l-avveniment iseħħ. Il-GMA ħadmet bla heda flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem biex mhux biss issir kompetizzjoni ta’ dan it-tip, imma wkoll tkun ta suċċess kbir.
Integrata fl-istess trakka kien hemm is-sezzjoni għal-muturi Trials. Hawnhekk tpoggew karozzi ‘scrap’, rombli kbar, blokki tal-konkrit u diversi ostakli oħrajn li flimkien offrew pjattaforma interessanti għal dawn is-sewwieqa li l-objettiv tagħhom mhix il-veloċità jew is-saħħa, imma t-teknika, il-bilanċ u l-ħila ta’ kemm wieħed kapaċi jżomm mingħajr ma jaqa’ u fl-istess waqt jgħaddi l-mutur tiegħu minn ostaklu għall-ieħor mingħajr ma jiżbalja.
Fil-kompetizzjoni EnduroCross il-Ġimgħa filgħaxija, taħt dawl artifiċjali, is-sewwieqa tellqu tnejn tnejn, bi ftit sekondi bejniethom u għamlu tliet heats ta’ żewġ laps il-waħda. F’korsa diffikultuża kienu diversi sewwieqa li sabuha ferm diffiċli jgħelbu l-ostakli kollha fl-inqas ħin possibbli. Joseph Scicluna, sewwieq Malti li ġab riżultati tajbin anke barra minn Malta, spiċċa fl-ewwel post b’ħin ta’ minuta u 8 sekondi, Bernard Sammut, b’minuta u 12-il sekonda, fit-tielet post daħal is-sewwieq Għawdxi Robert Spiteri b’ħin ta’ minuta u 20 sekondi, Damon Bonello u l-Għawdxi Steve Xuereb fir-4 u l-5 post rispettivament b’inqas minn sekonda differenza minn xulxin
Intant il-kompetizzjoni trials ġiet mirbuħa mis-sewwieq per eċċellenza Damon Bonello, Champion Trials 2016, segwit minn Joseph Scicluna u Ian Scicluna, fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Fi tmiem il-kompetizzjonijiet, is-sindku ta’ Kerċem Mario Azzopardi qal kelmtejn tal-okkazzjoni. Huwa rringrazzja lid-diriġenti tal-GMA u faħħar il-professjonalità tagħhom fit-twettiq ta’ dan l-avveniment. Il-President tal-Gozo Motocross Association, Frankie Xuereb, qassam it-trofej ta’ tifkira lis-sewwieqa parteċipanti kollha. Alvin Grech, CEO tal-Gozo Sports Board ippreżenta trofej lill-aħjar tliet partecipanti fis-sezzjoni Trials filwaqt li Horace Vella, chairperson tas-sotto kumitat ta’ Ta’ kercem Fiesta, Beer & wine Festival, qassam it-trofej lill-ħames rebbieħa fl-EnduroCross. Il-President tal-GMA, Frank Xuereb irregala tifkira lis-Sindku bħala apprezzament tal-għajnuna u s-sapport li wera l-Kunsill tiegħu matul il-preparazzjonijiet li wasslu biex dan l-avveniment ikun suċċess.
Fl-istess waqt, l-Assocjazzjoni tixtieq tavza li l-attivitajiet fit-trekk Ta’ Xħajma jerġgħu jibdew minn Settembru li ġej ’il uddiem, b’kampjonat ta’ 8 avvenimenti, numru ta’ ‘fun races’ u avvenimenti oħra matul l-istaġun kollu.