‘Gozo at Arms’
Dokumentarju dwar l-istorja militari f’Għawdex minn żmien il-Medju Evu sal-lum
Sitt xhur ilu kont laqqajtkom ma’ grupp ta’ żgħażagħ li ħolqu dar ta’ produzzjoni tal-filmografija f’Għawdex. Dar maħluqa minn Amadeo u Michael meta minn ħbiberija ta’ bejniethom, ħbiberija bejn żewġ persuni li kollox kien jindika li kien improbabbli li jistgħu joħolqu xi ħaġa bejniethom. Għax Amadeo kien ‘filmmaker’ dilettant li kellu l-ewwel impatt mal-films meta kellu ħames snin u kien ħa sehem fil-film ta’ Armand Assante ‘Odysseus’ filwaqt li Michael kien tabib b’pinna tajba spirat minn Bernard Cornwell u Jack London.
Dan kollu u aktar fid-dettal kont ktibtu sitt xhur ilu fuq dawn il-paġni dedikati lill-Għawdex u l-Għawdxin u kont ikkumentajt fit-tul fuq il-livell tal-attività artistika li bdiet tittella’ fil-gżira Għawdxija minn għadd ta’ żgħażagħ mehdija fil-qasam tal-filmografija. Ħafna drabi, dak li wieħed jitkeb, jaqrawh meta nkiteb u jekk ma ssegwihx kollox jintefa maż-żmien. Hawn min jibda u jieqaf, iżda mhux in-nies u d-dar tal-produzzjoni, Three Generations Down fejn għadhom qed jaħdmu ġmielhom u d-dar tal-produzzjoni tinsab għaddejja b’ċertu ritmu mgħaġġel din is-sena.
Għalhekk ħassejt li għal darb’oħra fuq dawn il-paġni nwassal dak li qed jaħmu u x’għamlu f’dawn is-sitt xhur li għaddew u x’għandhom f’moħħhom jagħmlu fix-xhur li ġejjin. Iktar kmieni, il-grupp nieda reklam kummerċjali għall-entità www.visitgozo.com, li indirizza s-suq tat-turist domestiku.
Il-materjal kien milqugħ ferm tajjeb mill-pubbliku onlajn u ta spinta oħra lill-pubbliċità ta’ din id-dar żagħżugħa Għawdxija. Fil-ġimgħa li għaddiet tnieda reklam ieħor, din id-darba għal kumpanija privata, però karatterizzat bl-istess elementi ta’ tribut lejn Għawdex, preżenti din id-darba b’reklamar tal-gżira bħala destinazzjoni internazzjonali; proġett li ra diversi uċuh ġodda, inkluż Jason Vella, li ngħaqad flimkien ma’ Marie Clare Grima u Manuel Xuereb fid-dipartiment tal-kamera, b’Felix Buhl u Donald Said jissieħbu fir-rigward ta’ produzzjoni.
It-tim żagħżugħ imbarka fuq sfida oħra dan is-sajf, fejn fi ħdan TGD qed jiġi prodott dokumentarju storiku fil-gżira Għawdxija. Id-dokumentarju jġib l-isem ta’ ‘Gozo At Arms’ u se jkun qed jindirizza l-istorja militari ta’ Għawdex. Il-produzzjoni se tindirizza l-avvenimenti l-kbar f’dak li hu militar, mill-Medju Evu sal-ġurnata tal-lum.
Il-produzzjoni se tinkludi kontributi minn storiċi, nies involuti f’dak li hu restawr u manteniment ta’ wirt storiku relatat, gruppi ta’ re-enactment, kif ukoll intervisti ma’ xi individwi Għawdxin involuti f’kunflitti riċenti madwar id-dinja.
Il-proġett daħal fil-produzzjoni iktar kmieni din is-sena u preżentament jinstab fl-aħħar fażijiet tal-fotografija prinċipali. Dovut għall-iskala ta’ dan l-proġett partikolari, kemm mis-sens loġistiku kif ukoll minn dak artistiku, id-dar tal-produzzjoni involviet numri akbar f’dak li hu crew, bl-ikbar tim ċinematografiku fuq proġett individwali mit-twaqqif ta’ TGD tliet snin ilu, li reġa’ nkluda lil Grima u Xuereb, fil-kumpanija ta’ Sean Attard, Nick Bugeja, u Luke Galea. L-istess proġett inġibed f’iktar minn tletin lokal f’Għawdex u mistenni jiġi finalizzat kmieni s-sena id-dieħla.
Nhar is-Sibt 13 ta’ Awwissu, T.G.D se jkunu qed itellgħu lejl artistiku fiċ-ċinema Citadel fir-Rabat Għawdex fejn se jiġu murija diversi produzzjonijiet friski, inklużi Spectrum u The Temples, kif ukoll produzzjoni komika indipendenti. Is-serata tibda fis-6 pm u l-qligħ se jmur kollu għall-fondazzjoni Puttinu Cares.
Kollox ma’ kollox, jidher li se tkun sena interessanti għal dak li hu filmografija fil-gżira Ghawdxija, fejn jidher biċ-ċar li din il-kwalita’ ta’ attivita qed tħalli impatt pożittiv fil-kamp artistiku lokali.
Tistgħu ssegwu iktar fuq ‘Night at the Flicks’ jew ‘Three Generations Down’ fuq il-paġni tagħhom fuq Facebook.