40 Għajnselmiż iwasslu l-prodott Għawdxi f’Tolfa
50,000 viżitatur iduqu l-ġbejniet, ħobż biż-żejt, qagħaq tal-għasel, bonkunċini u ġulepp tal-ħarrub
Madwar 40 Għajnselmiż għażlu li jħallsu l-passaġġ minn buthom u jilqgħu l-istedina li jżuru r-raħal ċkejken ta’ Tolfa ftit ’il barra minn Ruma u jattendu għal hekk imsejjaħ Tolfarte. Tolfarte hi attività li ssir kull sena fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu minn artisti tat-triq u fl-istess ħin hi festa ta’ kulturi u arti. Dan il-festival ikun imqassam fuq tlett ijiem fi tmiem il-ġimgħa u għalih jattendu ’l fuq minn 50,000 persuna (kif turi l-paġna ta-ġurnal li joħroġ f’dan ir-reġjun).
Tolfa li jinsab fir-reġjun tal-Lazio għandu ġemelaġġ ma’ Għajnsielem li ilu għal dawn l-aħħar 14-il sena u fl-aħħar 12-il sena dan il-villaġġ organizza dan it-Tolfarte li għalih ikunu mistiedna l-Għajnselmiżi bil-kunsill ta’ Tolfa jieħu ħsieb l-akkomodazzjoni u l-ikel tal-mistiedna tiegħu. Min-naħa tagħhom l-Għawdxin jirreċiprokaw din l-istedina billi jistiednu lit-Taljani għall-festa tal-Madonna ta’ Loreto li se jattendu għaliha madwar 80 persuna minn Tolfa.
Is-sindku Franco Ciangura, flimkien mal-kunsilliera kollha tal-lokal, l-eks-sindku għal 21 sena, Frans Cauchi u diversi żgħażagħ li huma involuti fil-volontarjat u xi persuni oħra jitilgħu mhux biss biex igawdu l-ġmiel ta’ dan ir-raħal, iżda wkoll li jwasslu l-prodott Għawdxi f’din iż-żona. B’hekk l-Għajnselmiżi jkunu qed iwasslu t-tradizzjonijiet Għawdxin u l-istess raħal tagħhom.
Waqt dawn it-tlett ijiem ta’ festa li saret bejn is-6 u 8 t’Awwissu ħadu sehem madwar 150 artist tat-triq ta’ kull tip, min jilgħab bin-nar, min idoqq, maġija, kantanti u gruppi tal-mużika, pitturi u artiġġjanat. Fost dawn kien hemm il-prodotti Maltin biex iduqhom min irid: ġbejniet, ħobż biż-żejt, gallett, biskuttini tar-raħal, qagħaq tal-għasel, qubbajt, tin taċ-ċappa, bonkunċini, ġulepp tal-ħarrub, xorb alokoħoliku magħmul mill-bajtar tax-xewk u rummien. Kienu l-eluf li tħajru jduqu dawn il-prodotti Għawdxin u t-togħma ntlaqgħet b’mod tajjeb immens.
Franco Ciangura għall-ewwel darba tela’ bħala sindku u ppreżenta l-bandiera ta’ Għajnsielem lis-sindku ta’ Tolfa, Luigi Landi. Interessanti wkoll il-fatt li barra l-eluf ta’ Taljani li żaru din il-festa kien hemm ukoll delegazzjonijiet mill-Kroazja, in-Norveġja u l-Kosovo