Issa Għawdex għandu l-Pjazza l-Ħamra
Pjazza li swiet aktar minn miljun Ewro
Ix-Xagħra, barra li tiftaħar bl-eqdem tempju fid-dinja (Il-Ġgantija) issa tista’ tiftaħar ukoll li għandha l-uniku pjazza ħamra fil-gżejjer Maltin meta fir-restawr li għadu kif sar fil-pjazza, li sewa tliet kwarti ta’ miljun ewro, ġie deċiż li jsir tarmak aħmar. Tarmak li jsebbaħ mħux ftit lil din il-pjazza u li jagħtiha dehra reali. Fil-fatt, barra l-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska dan it-tarmak aħmar ifakkarni ħafna fit-triq The Mall ta’ Londra li twassal għal Buckingham Palace u r-Royal Mile f’Edinburgh l-Iskozja li wkoll twasslek għal palazz tar-Reġina fl-Iskozja.
Fil-fatt, dan it-tarmak kien deċiż li jsir aħmar flok madum tat-terracotta għax minħabba l-fatt li jgħaddu ħafna karozzi minn hemm, dan il-madum jista’ jsirlu aktar ħsara u l-aħmar imqabbel mal-griż tal-ġnub jgħin ukoll lix-xufiera li jkunu jafu li jsuqu fejn hemm l-aħmar. Kien hemm żewġ għażliet jew tarmak griż inkella aħmar u l-Kunsill tax-Xagħra għażel l-aħmar, anke jekk sewa aktar, “ħalli nuru l-klassi tal-pjazza tagħna,” qalilna s-sindku Joe Cordina bi tbissima.
Iżda fil-pjazza tax-Xagħra, ma sarx biss it-tarmak aħmar, iżda l-pjazza ingħatat litteralment wiċċ ġdid, biz-zuntier tal-knisja b’kollox. Kien ilu jinħass il-bżonn li z-zuntier tal-Knisja jiġi restawrat u rranġat. Ix-xogħlijiet bdew bit-tneħħija tas-sistema antika tad-dawl, u t-tneħħija taż-żewġ statwi fid-daħla taz-zuntier, li ttieħdu għar-restawr. Ġie mneħħi l-madum tas-siment li kien jiksi z-zuntier u l-materjal ta’ taħtu, u saret sodda tal-konkrit u waterproofing membrane biex tevita problemi ta’ umdità. Iz-zuntier ġie miksi b’madum travertin, f’żewġ kuluri biex ġie ffurmat tapit li jwassal għall-bieb prinċipali tal-Knisja. It-taraġ, li kien ukoll tas-siment, gie mneħħi u reġa’ ġie ffurmat bit-travertin.
Il-balavostri li kienu tas-siment, flimkien mas-soprabank u l-pilastri li kienu fi stat ħażin ġew maħduma ġodda fil-ġebla Maltija. Reġgħu saru fanali ġodda fuq kull pilastru. Dawn kienu hemm fl-antik imma kienu tneħħew, u reġgħu ġew maħduma kopji eżatta tal-antiki. Ġie restawrat il-ħajt taz-zuntier u s-sottobank li kienu miksija bis-siment, tnaddfu u tkaħħlu mill-ġdid. Fl-aħħar nett, reġgħu tpoġġew f’posthom l-istatwi restawrati.
Il-proġett kien wieħed ħolistiku li kellu l-għan ewlieni li jtejjeb l-infrastruttura ġewwa ċ-ċentru tax-Xagħra kif ukoll iservi biex itejjeb il-prodott turistiku f’dan il-lokal. Il-proġett kien jikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta' vjal it-Tmienja ta' Settembru, bdil ta' mains u servizzi tal-ilma, pavimentar tal-porfido fil-pjazza nnifisha, kisi b’asfalt kulur terracotta li jikkumplimenta l-assi tal-pjazza nnifisha. Barra minn hekk, ġie mibni culvert madwar il-pjazza biex ikunu jistgħu jitneħħew il-cables li hemm mal-faċċati tal-bini fil-pjazza nnifisha u b’hekk tingħata prominenza lill-faċċati tal-bini.
Waqt ix-xogħlijiet, inkixfu numru ta' entraturi li jagħtu għal xelters ta' żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn l-entraturi ġew integrati fid-disinn biex ’il quddiem ikunu jistgħu jinfetħu għall-pubbliku.
Dan ix-xogħol kollu serva biex tissebbaħ waħda mill-isbaħ pjazez li hemm f’Għawdex. Ta' min jgħid li din il-pjazza hi t-tieni l-iktar pjazza li fiha jsiru attivitajiet f’Malta u Għawdex.
Il-proġett kollu ġie jiswa 'l fuq minn €1 miljun li minnhom ħareġ €720,000 mill-MInisteru għal Għawdex, il-Kunsill ġab €232,458 li tħallsu mill-fondi Ewropej li ġab l-istess Kunsill billi applika mill-fondi ‘Leader’ li bihom tħallsu l-pavimentar, l-għamara tal-pjazza u l-culverts. Il-kumplament tħallas mill-Ministeru għal Għawdex fejn kien anke sar ftehim mal-Ministeru għal Għawdex (Eko-Gozo) li l-Ministeru jħallas għall-ispejjeż tal-materjal involut fil-proġett taz-zuntier, għall-valur ta’ €106,820. B'kollox ġiet tiswa €1,059,278.
Nhar it-Tlieta li ġej fit-8.30 p.m. se jsir il-ftuħ uffiċċjali tal-Pjazza l-Ħamra.