Issa jmiss Pjazza San Franġisk
Proġett li se jiswa €3 miljuni u l-funtana se tinbidel f'San Franġisk
Għawdex se jkompli jissebbaħ. Wara l-proġett taż-Żewwieqa, iċ-Ċittadella u l-pjazza tax-Xagħra, issa jmiss Pjazza San Franġisk. Il-pjazza li fiha jrid imur kull min irid jinqeda minn xi dipartiment tal-Gvern billi fiha hemm il-Ministeru għal Għawdex li jinkorpora fih kull dipartiment tal-gvern. Dawk kollha li jitilgħu f’din il-pjazza iridu jgħaddu minn speċi ta’ lembut, li biex jaqsam qed jitwaqqaf it-traffiku kollu li jgħaddi minn din il-pjazza (li mhux ftit), u dan il-proġett għandu jgħin fin-nuqqas ta’ traffiku u fl-istess waqt, it-tisbiħ tal-istess pjazza. Infatti, sal-lum għal dawk li jkunu jridu jinzlu bil-mixi, l-uniku aċċess minn Pjazza San Franġisk għall-parkeġġ u l-venda hija Triq taħt Putrijal, li apparti li hija triq traffikuża, hija dejqa ħafna. Minn din it-triq, jitilgħu l-karozzi privati u f'waqtiet jinżlu l-karozzi tal-linja għall-venda, li jkunu ġejjin minn diversi lokalitajiet, fosthom ix-Xlendi, is-Sannat u l-Munxar.
Bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol fuq il-proġett li eventwalment għandu jwassal biex jinbena taraġ u lift li se jgħaqqdu lill-Pjazza San Franġisk, waħda mill-pjazez ewelnin tal-Belt Victoria, ma' Triq Salvatore Psaila, il-venda tal-karozzi tal-linja u l-parkeġġ prinċipali tal-lokalità.
Is-sit fejn se jinbena dan it-taraġ kien proprjetà tal-Franġiskani u għalhekk kellha titħallas somma tajba għall-esproprjazzjoni tal-art. Sadattant beda t-tħammil u beda anke jitpoġġa l-pedament.
Dan il-proġett ħuwa stmat li se jiġi jiswa mat-€3 miljun fejn il-kostruzzjoni tat-taraġ u tal-lift huma fażi waħda minn dan il-proġett. Infatti, eżatt fejn it-taraġ se tinbena struttura li se tkun tinkorpora bini ta’ sala li se tinkludi esebizzjonijiet artistiċi u uffiċċju ta' informazzjoni għat-turisti.
Apparti minn hekk, dan il-progett se jkun ukoll estensjoni ta’ Pjazza San Franġisk. Fil-fatt ir-riġenerazzjoni ta’ din l-istess Pjazza se tkun it-tielet u l-aħħar fażi ta' dan il-proġett.
Din l-estensjoni se tagħti dimensjoni oħra lill-Pjazza San Franġisk kif ukoll l-arkittetura li fiha din l-istess pjazza. Fl-istess waqt, minn dan l-ispazju li se jinħoloq, wieħed se jkun jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ taċ-Cittadella u għalhekk se jkun parti minn ħolqa ta' proġetti li għandhom il-ħsieb li jippromwovu aktar it-turiżmu fir-Rabat t’Għawdex.
Se titneħħa wkoll il-funtana li hemm fin-nofs, u flokha ġej monument ġdid li se jieħu n-nofs tal-Pjazza. L-istatwa barokka ta’ San Franġisk se tkun maħduma mill-artist żagħżugħ Manwel Farrugia.