Libertà revokata għall-Għawdxi akkużat li importa 15 kilo kokaina
Il-Qorti rrevokat il-libertà proviżorja li kienet ingħatat lil Joseph Rodney Grima, l-Għawdxi akkużat li daħħal 15-il kilo kokaina
Il-Qorti għadha kif irrevokat il-libertà proviżorja li kienet ingħatat lil Joseph Rodney Grima ta’ 23 wara li kien akkużat li importa u kellu fil-pussess tiegħu 15-il kilo kokaina, li daħħal moħbijin f’karozza li huwa niżżel minn Sqallija.
Grima, residenti f’Għajnsielem, Għawdex, kien ittella’ l-Qorti nhar l-Erbgħa li għadda fuq akkużi li daħħal l-imsemmija droga, wara li din instabet f'Mercedes li kienet qed tinġarr minn Sqallija fuq vapur.
Skont il-prosekuzzjoni, Grima talab servizz ta’ ‘towing’ wara l-karozza kellha xi ħsarat mekkaniċi. Infatti jidher li l-ħsara kienet ikkawżat mid-droga, li kienet moħbija fit-tank tal-petrol.
Nhar il-Ġimgħa, l-Imħallef Antonio Micallef Trigona ta l-libertà proviżorja lil Grima fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
Iżda l-Avukat Ġenerali immedjatament appella, wara li argumenta fost affarijiet oħra, li Grima jista’ jbabas il-provi. Dalgħodu, l-imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba tal-AĠ u ordnat l-arrest ta’ Joseph Rodney Grima.
L-avukati Mario Mifsud, Joe Giglio, William Cuschieri u Alfred Abela qegħdin jiddefendu l-akkużat.