Il-lukandi f'Għawdex juru tnaqqis fit-turisti

It-tieni xahar li l-lukandi urew tnaqqis wara Xitwa fejn kellhom tkabbir sew fin-negozju

L-istatistika maħruġa mill-NSO f'Għawdex turi nuqqas ta' turisti fil-lukandi Għawdxin li hi ta' 4.5% u anke bħala iljieli li qattgħu f'Għawdex naqsu b'10.5% matul Ġunju li għaddha. L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija (il-GTA) qalet li dan in-nuqqas għandu jiġi analizzat bis-serjeta biex wiħed jara eżatt x'qed jiġri fix-xenarju turistiku Għawdxi, minħabba l-fatt li dan hu t-tieni xahar konsekuttiv li l-lukandi f'Għawdex urew tnaqqis, wara li fix-Xitwa li għaddiet dawn kellhom tkabbir ta' aktar minn 10%. Dawn l-istatistiċi jinkludu d-9 lukandi, il-guesthouses u l-villaġġi turistiċi li fihom hemm madwar 2,000 sodda jew aħjar 28% tas-sodod liċenzjati f'Għawdex. L-istess statistiċi ma jkoprux l-akkomodazzjoni li joffru l-farmhouses u l-appartamenti li dawk liċenzjati joffru 5,000 sodda f'Għawdex. Skont il-GTA dan juri li t-0turisti f'Għawdex qed jagħżlu l-appartamenti u farmhouses aktar mil-lukandi u dan bil-fatti għax dawn qed jgħidu li kellhom żieda fil-kirjiet tagħhom matul Mejju u Ġunju. Barra hekk in-nuqqasd ta' turisti fil-lukandi kien akbar f'lukandi 3 star, fil-guest houses u fil-villaġġi turistiċi. Barra hekk illum hemm 60 akkomodazzjoni B&B f'Għawdex u dawn mgħoddija ma' appartamenti jew farmhouses u mhux mal-lukandi. Dan barra l-lokalitajiet li m'humiex liċenzjati u qed jinkrew lit-turisti u għalkemm mhux liċenzjati isimhom jidher f'booking 'engines' fuq l-internet, anke jekk m'għandhomx permess. U dan qed joffru kompetizzjoni mhux ġusta lil min hu liċenzjat u jħallas il-permessi u taxxi li hemm bżonn.

Għalhekk il-GTA qed jitolbu li fil-baġit li ġej ikun hemm sforz biex is-settur tal-lukandiera f'Għawdex jissaħħaħ u b'hekk il-lukandi itejbu anke mhux biss is-servizz tagħhom iżda wkoll jagħtu dehra ġdida lil lukandi tagħhom. Barra hekk il-GTA qed titlob li jkun hemm data eżatta tal-akkomodazzjoni kollha li hemm Għawdex. Għax b'hekk biss wieħed jista jkejjel is-suċċess fit-turiżmu f'Għawdex.

 

 

More in G?awdex