Maria Dimech: L-ewwel tfajla president tal-GUG wara nuqqas ta' 5 snin

'Iż-żgħażagħ Għawdxin iħarsu lejn Malta bħala l-futur tagħhom, dan għaliex m’għandomx għażla oħra'

Studenta tal-liġi, Maria Dimech mir-Rabat Għawdex, hi l-ewwel tfajla li bdiet tmexxi l-Għaqda tal-Istudenti Universitarji Għawdxin. Din l-għaqda studenteska Għawdxija ilha snin tmexxi lill-istudenti Għawdxin flimkien biex iwasslu l-ilmenti tagħhom, u kultant żmien ikun hemm bidla sħiħa fl-organizazzjoni u din id-darba fl-ogħla organu ta’ din l-għaqda, tfaċċat Maria.

“L-ambizzjoni tiegħi bħala studenta universitarja hi li jirnexxili nilħaq u naħdem f’xogħol relatat mal-kors li qed nattendi. Iżda minn perspettiva ta’ president, nixtieq li aħna bħala GUG immexxu lill-Għawdex ’il quddiem u li nkunu qrib l-istudenti, b’hekk inkunu ta’ għajnuna għall-istudenti tal-futur, kif kienu ta’ għajnuna għalina l-istudenti tal-passat,” bdiet tgħidilna Maria li kompliet ukoll tgħid li ddeċidiet li tikkontesta għall-presidenza għax kif rat l-opportunità, ħaditha. “Sirt parti mill-GUG sena ilu bħala PRO. Affaxinajt ruħi kif organizazzjoni ta’ studenti kapaċi tikseb affarijiet għall-istudenti Għawdxin li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ student Għawdxi. U kien dan il-fattur li ħeġġiġni biex nikber f’din l-organizazzjoni biex b’hekk nipprova nikseb dak li nemmen li l-istudent Għawdxi għandu bżonn.”

Staqsejt lil Maria jekk il-GUG jirrapreżentax lill-istudenti Għawdxin kollha inkella xi parti minnhom fejn hi wieġbet bla tlaqliq li huma leħen l-istudenti Għawdxin kollha, “tant li aħna rappreżentati fl-MCAST u anke fl-ITS.” Il-president żagħżugħa kompliet tgħid ukoll li l-irwol tal-GUG huwa li jirrapreżenta lill-istudenti Għawdxin. “L-Għaqda tagħmel minn kollox biex tiġġieled għar-riżorsi u għall-interessi tal-istudenti Għawdxin. Dan ifisser li l-GUG tiffaċilita l-ħajja tal-istudenti Għawdxin. Eżempji ta’ kisbiet matul dawn is-snin minn dawk ta’ qabilna kienu li rnexxilhom jagħmlu pressjoni biżżejjed biex l-Għawdxin jibdew joqogħdu għall-eżamijiet f'Għawdex. Ħaġa oħra importanti li ksibna hi sussidju fuq akkomodazzjoni għall-istudenti.”

Għaqdiet studenteski oħra f’Għawdex jgħidu li l-GUG hi fergħa oħra tal-Partit Nazzjonalista, u għal dan, il-president twieġeb, “Nista’ nassigurak li dan mhux minnu. Il-GUG hija organizazzjoni imparzjali. Il-GUG taħdem ħafna mal-partiti politiċi, tħejji laqgħat ma’ ministri u anki shadow ministers. Hu impossibli li organizazzjoni li tirrapreżenta lill-istudenti Għawdxin kollha tkun taħdem biss ma’ partit politiku wieħed, għax dan ikun ifisser li x-xogħol ta’ din l-għaqda mhux iseħħ kif suppost.”

Mitluba tikkumenta għaliex hemm organizazzjonijiet studenteski oħrajn bħall-Pulse li jkunu mmexxija minn xi Partit, Maria qalet li jkun żbaljat jekk wieħed iħallat organizazzjoni bħall-Pulse mal-GUG. “Il-Pulse hi organizazzjoni bħal kull organizazzjoni oħra li hemm fl-Università. Nemmen li għandhom fergħa għalihom għar-raġuni li jemmnu f'ċerti prinċipji u jirrapreżentaw ammont ta’ studenti, kif tagħmel kull organizazzjoni oħra. Però l-għaqda tal-PULSE hija għaqda apparti mil-GUG.”  

Jekk taħsibx li hu żball li l-istudenti jħarsu minn lenti ta’ politika partiġġjana flok jingħaqdu u jiġġiedlu għall-benefiċċji taż-żgħażugħ Għawdxi, Maria dlonk wieġbet, “iva nemmen li huwa żball. Meta jkollok grupp ta’ nies/studenti li jaffaċċjaw l-istess diffikultajiet u jinqasmu  fi gruppi differenti, l-għan idum aktar ma jintlaħaq. Wieħed irid iżomm f’moħħu li wara l-partiti politici, jkun hemm studenti li jkollhom l-istess għan fir-rigward tal-istudenti, dan għaliex kull student Għawdxi jaffaccja l-istess problemi. Għalhekk huwa fatt li jekk dawn is-sezzjonijeit minn kull grupp politiku jingħaqdu, żgur li leħinhom se jinstema’ iżjed, u b’hekk ikunu iżjed effettivi.”

Staqsejtha kif taħsibha hi dwar dan id-diskors ta’ ‘brain drain’ minn Għawdex. “Nemmen li parti mill-brain drain huwa riżultat ta’ globalizazzjoni. Illum il-ġurnata, huma ħafna dawk li jfittxu biex jagħmlu esperjenza barra mill-post ta’ fejn ikunu jgħixu. Dan għaliex saret iżjed faċli li tmur f’pajjiż ieħor issib xogħol jew studenti jistudjaw f’università barranija. Però nemmen li l-istudenti Għawdxin, dan ikollhom jgħaddu minnu għar-raġuni li m’għandhomx għażla oħra u mhux għax dejjem jixtiequ jagħmlu dan. Huwa vera l-fatt li l-istudenti Għawdxin isibuha bħala esperjenza li jmorru jgħixu ’l bogħod mill-familji biex jistudjaw jew jaħdmu, iżda nemmen li kieku kellhom għażla huma ftit dawk li huma lesti jitilqu l-familji u jmorru jistudjaw ’il bogħod minn darhom. Nemmen li l-fatt li Għawdex mhix il-gżira prinċipali, il-politiċi ma jagħmlux dak kollu li jistgħu biex iżidu x-xogħol għaliex jiena ċerta li kieku l-istudenti għandhom għażla, huma ftit dawk li jemigraw lejn Malta.”

Il-politiċi Maltin, qabel kull elezzjoni jwiegħdu lill-Għawdxin: mina, pont, xogħol, fast ferry eċċ. X’taħseb Maria bħala żagħżugħa dwar dawn il-wegħdiet? “Il-wegħdiet li jagħmlu l-partiti politiċi lill-Għawdxin huma ħafna, il-mina, ix-xogħol u l-fast ferry dejjem ikunu parti kbira mill-pjan tagħhom għal Għawdex. Il-fatt li l-politici jwiegħdu dawn l-affarijiet, ifisser li jafu eżatt x’inhuma n-nuqqasijiet tal-Għawdxin. Nemmen però li kieku jkun hemm għaqdiet iffurmati minn żgħażagħ Għawdxin li lesti li jagħmlu pressjoni fuq dawn il-pjani tal-politiċi, dejjem tgħin biex ikun hemm tibdil jew tal-inqas, bidu ta’ pjan. Eżempju semmejna l-mina, il-Front Favur il-Mina li huwa magħmul minn tliet studenti Għawdxin, għen biex jibda jsir l-istudju fuq l-istruttura tal-mina u hekk jibda jkun hemm xi forma ta’ pjan. Hu żvantaġġ però li huma ftit dawk iż-żgħażagħ li lesti li jagħmlu pressjoni fuq dak li għandu bżonn isir għal Għawdex. Għalhekk, waħda mill-aġenda ta’ din is-sena tal-organizazjoni hi li tipprova tinvolvi iżjed studenti f’kampanji li se naħdmu fuqhom matul is-sena.”

Il-president il-ġdid tal-GUG, qaltilna li l-prijorità taż-żagħżugħ Għawdxi hi “li jkun hawn biżżejjed xogħol għal min jiggradwa u kif diġà għidt, jekk ikollu għażla u mhux bilfors ikollu jemigra lejn Malta. Iż-żgħażagħ ma jridux li Għawdex jitlef l-identità tiegħu, u għalhekk irridu nsostnu li meta jsir xi żvilupp f'Għawdex, naraw li l-identità ma tkunx qed tintilef. Ħaġa oħra li ż-żgħażagħ Għawdxin isibu li hawn nuqqas f'Għawdex hu il-fatt li l-ħruġ hu limitat ukoll. Jekk ikun hawn xi żagħżugħ li jiddeċiedi li joħroġ xi mkien f'Għawdex, għażla ma tantx ikollu, u din hija raġuni oħra għalfejn iż-żgħażagħ jemigraw lejn Malta. Iżda jien nemmen li jekk jkun hawn xi forma ta’ pjan jew bidla fil-mentalità, il-ħruġ ma jibqax limitat, u b'hekk iż-żagħżugħ Għawdxi jkun jista’ jgawdi u jgħix il-ħajja ta’ żagħżugħ mingħajr ma jkollu joqgħod imur Malta.”

L-ezekuttiv il-ġdid tal-GUG: President: Maria Dimech Bachelor of Laws (HONS)-   Vice-President: Francesco Caruana Bachelor of Laws (HONS)-   Administration Secretary: Rebakah Marie Attard Masters in Advocacy   
Information Secretary: Jessica Said Earth systems   Financial Officer: Chloe Portelli B. Commerce Management and Marketing   Public Relations Officer: Andrea Said Masters in English   Events Officer: Rachel Galea Bachelor of Commerce   International Officer: Anna Sultana Bachelor of Laws (Hons)   Education Officer: Joseph Mifsud Bachelor of commerce economics and public policy   Social Policy Officer: Manuel Xuereb Masters in European law, politics and economics,   Social Media Officer: Luke Vella Bachelor of Communications with Theatre Studies  Marketing Officer: John Clyde Grima Bachelor in Mechanical Engineering
L-ezekuttiv il-ġdid tal-GUG: President: Maria Dimech Bachelor of Laws (HONS)- Vice-President: Francesco Caruana Bachelor of Laws (HONS)- Administration Secretary: Rebakah Marie Attard Masters in Advocacy 
Information Secretary: Jessica Said Earth systems Financial Officer: Chloe Portelli B. Commerce Management and Marketing Public Relations Officer: Andrea Said Masters in English Events Officer: Rachel Galea Bachelor of Commerce International Officer: Anna Sultana Bachelor of Laws (Hons) Education Officer: Joseph Mifsud Bachelor of commerce economics and public policy Social Policy Officer: Manuel Xuereb Masters in European law, politics and economics, Social Media Officer: Luke Vella Bachelor of Communications with Theatre Studies Marketing Officer: John Clyde Grima Bachelor in Mechanical Engineering

Tlabtha kif taħsibha li l-membri universitarji jinfiltraw fil-partiti politiċi biex forsi jirnexxilhom jibdlu l-mentalità politika Għawdxija. Maria tgħid li “l-bidla dejjem ġid iġġib magħha. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li ż-żgħażagħ huma l-futur tal-pajjiż. Hu għalhekk li nemmen li partit politiku jrid ikun iffurmat minn membri li jkollhom esperjenza f’dan is-settur u wkoll minn żgħażagħ li għadhom jibdew id-dinja tax-xogħol, b’hekk jkun hemm ekwilibriju u d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu iżjed għaqlin.”

Maria taqbel li s-suċċess f’Għawdex ikompli jitkejjel skont kemm jiġu Maltin f’Għawdex?Le, ma nemminx li s-suċċess hu determinat minn kemm jiġu Maltin. Nemmen li t-turiżmu in ġenerali hu l-akbar sors li jgħin biex ikun hawn suċċess f’Għawdex. Li hemm bżonn kbir li jsir f’Għawdex huwa li jiġi implimentat it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex. Dan ikun ta’ suċċess kbir għal diversi raġunijiet. L-iżjed waħda importanti hi dik li jiżdied ix-xogħol f’Għawdex.  Jekk ikollu jiġi implimentat dan il-fibre optic cable, ikunu iżjed dawk il-kumpaniji li jfittxu biex jiftħu f’Għawdex, u b’hekk jiżdied ix-xogħol, li hija l-ħolma ta’ kull żagħżugħ Għawdxi.” Però jidher li l-żgħażagħ Għawdxin iħarsu lejn Malta bħala futur u jħallu l-gżira tagħhom għall-vaganzi. “Iva, ż-żgħażagħ Għawdxin iħarsu lejn Malta bħala l-futur tagħhom. Dan għaliex m’għandhomx għażla oħra. Huma ftit dawk l-iffortunati li malli jlestu l-kors tagħhom isibu xogħol fil-gżira Għawdxija. Għalhekk, li kieku f’Għawdex jiżdied ix-xogħol, ikunu ftit dawk l-istudenti li jibqgħu jaraw lil Malta bħala l-futur tagħhom u jħallu l-gżira tagħhom bħala post li jiġu għall-vaganzi.” Maria Dimech temmet billi qalet li temmen li ż-żgħażagħ Għawdxin għandhom jibdew imexxu l-politika Għawdxija f’Għawdex fejn wasal iż-żmien li jsir partit għal Għawdex ibbażat fuq strutturi sodi, b’ideal li jkun ġej miż-żewġ partiti ewlenin iżda li jaħdem biex Għawdex ikun verament parti minn Malta u mhux estensjoni.  “Il-fatt li gżira tkun immexxija minn żgħażagħ li jesperjenzaw in-nuqqasijiet li hawn f’Għawdex ikun l-ideal. Dan għaliex ikunu jafu x’hemm bżonn isir u ma jsirx. Il-fatt li jkun hemm partit ad hoc għal Għawdex dejjem tgħin biex Għawdex jimxi ’l quddiem. Il-fatt li l-partit ikun ġej minn żgħażagħ taż-żewġ partiti, tgħin iżjed biex ikun hemm iżjed ideat u soluzzjonijiet li jistgħu jsiru biex Għawdex u l-Għawdxin ikunu f'pożizzjoni aħjar.”

 

 

More in G?awdex