Studja l-Univers t’hemm fuq u jsib is-serħan fl-Univers tal-qiegħ
- Żagħżugħ li jistudja l-galassji, isib it-trankwillità f’qiegħ il-baħar, idoqq il-pjanu u jieħu ritratti ta’ kollox
Joseph Caruana hu żagħżugħ ta’ 29 sena minn Għajnsielem li għandu d-dottorat fl-astrofiżika u jgħallem dan is-suġġett fl-Università ta’ Malta. Joseph ggradwa fil-BSC fl-Università ta’ Malta kompla l-istudji tiegħu għal tliet snin fl-Università ta’ Oxford l-Ingilterra fejn ġab id-dottorat b’riċerka ffukata fuq il-formazzjoni tal-galassja. Wara kompla jirriċerka għal Post Doctorate fl-Extragalactic Astrophysics fl-istitut tal-Astrofiżika f’Potsdam fil-Ġermanja għal dawn l-aħħar erba’ snin. Joseph kien jagħti lectures fl-Università ta’ Oxford lill-Undergraduates.
Meta wieħed jisma’ l-kelma astrofiżika mill-ewwel jidħol f’moħħok li quddiemek se ssib ġenju li moħħu fl-istilel, iżda Joseph bi tbissima mill-aktar umli qalli mill-ewwel, “dik perċezzjoni. Kull min ħa linja ta’ riċerka, ikun xi jkun is-suġġett kollha l-istess”. Tlabtu jgħidli eżatt x’inhu xogħlu bħalissa fejn qalli li filwaqt li jgħallem l-Università ta’ Malta, hu tiela’ u nieżel il-Ġermanja u l-Ingilterra fejn jingħaqad ma’ kollaboraturi oħra fil-qasam tal-astrofiżika biex jagħmlu riċerka u jġib data li jkun hemm bżonn. “Illum il-ġurnata m’għandekx bżonn teleskopju mwaħħal m’għajnejk biex tistudja l-Univers, iżda jkollok kamera apposta li tiġbed ritratti importanti u minnha tiġbor id-data li jkollok bżonn. Għalkemm ġieli jkollok bżonn tmur tara mit-teleskopju fejn dawk kbar jinsabu l-Hawai u ċ-Ċili fuq vulkani. Għax hemm issib arja stabbli, elevazzjoni għolja ħafna, u m’hemmx ‘light pollution’. Tal-Hawai mort fuq Mauna Kea fejn inġazzajt bil-bard xħin kont hemm fuq, u fil-każ taċ-Ċili użajt servizz fejn id-‘data’ li kelli bżonn ġiet mibgħuta lili mit-teleskopju. Fi kwalunkwe każ, hemm proċess t'applikazzjoni kompetittiva biex wieħed jingħata l-ħin fuq dawn it-teleskopji.”
Iżda minn fejn bdiet din il-ġibda lejn l-Univers? “Għandi żewġ memorji ċari ħafna. Waħda minnhom meta kelli sitt snin kont miexi ma’ ommi u missieri t-telgħa tal-belveder bejn Għajnsielem u l-Qala li ma kienx fiha dwal dak iż-żmien. Dan għenni biex rajt sema miżgħuda bl-istilel u jien staqsejt lil ommi ‘dawk x’inhuma, dawk x’inhuma?’ u kif mort id-dar bdejt infittex. Il-memorja l-oħra kont qed nilgħab mal-art waqt l-aħbarijiet fuq it-TV fejn ġabu xi filmati antiki ta’ astronawti fuq il-qamar u jien ħsibt li dawk qegħdin fil-qamar u l-ġenituri tiegħi qaluli li dawk kienu fuq il-qamar u mhux ġo fih u bdejt naħseb u naħseb kif dawk setgħu jżommu fuq il-qamar u ma jaqgħux. Nemmen li minn hemm bdejt dejjem nistaqsi u ngħarrex fuq l-Univers u li hemm fih.”
Mistoqsi kemm hu iebes l-istudju tal-astrofiżika Joseph qalli, “ifhimni qed titratta fuq mistoqsijiet kbar. Irid ikollok bażi solida fil-matematika. Issa jien fil-primarja u sekondarja kont nobogħdu l-matematika għax f'dak il-livell ħafna drabi jiġi mgħallem bħala xi ħaġa mekkanika u ħafna drabi taħdem "example problems" li normalment wieħed isib fil-finanzi u accounts u jien ma kelli qatt interess li nsir bankier u kont insibu ‘boring’. Imma dejjem kont nistaqsi pereżempju ‘Għaliex’ l-ewwel naħdmu l-formola fil-brackets, imbagħad inkompluha man-numri ta’ barra l-brackets. Il-matematika sabiħa meta tidħol vera fiha, meta tibda tipprova ssolvi problema. Tifhem l-‘għaliex’. Kont inħobb ħafna x-xjenza, l-bijoloġija u l-fiżika fejn għamilt żmien kont anke nixtri kotba tal-mediċina u waħdi nistudja l-mediċina meta kont għadni fis-sekondarja.”
Joseph qal ukoll li meta ddeċieda jistudja fl-astrofiżika ħafna ppruvaw jaqtgħulu qalbu għax kienu jgħidulu li f’dan il-qasam mhux se jsib xogħol, “iżda jien moħħi hemm kien.” Qal li ironikament ma kienx iħobb jistudja għall-eżamijiet u kien dejjem jittrateni, iżda s-suġġett kien iħobbu, kien jaqra fuqu u ma jagħmlux bħala studju. “Jien dejjem ngħid lill-istudenti li importanti li jkollok il-passjoni fis-suġġett, li tkun tridu u lest li tagħmel is-sagrifiċċji għax tħobb is-suġġett.”
Staqsejtu kemm jgħin li tkun Għawdxi, “Li tkun Għawdxi jippreparak, għax meta jkollok biss 18-il sena u tattendi l-Università f’Malta tibda ħajja li tgħix waħdek, fejn wara l-Università trid issajjar, tnaddaf u taħsel ħwejġek int. Dan ippreparani meta mort nistudja u ngħix barra l-pajjiż waħdi.” Mitlub jgħidli sabx differenza bejn l-Università ta’ Malta u dik ta’ Oxford, Joseph qal li d-diferenza hi li r-riżorsi huma kbar, “kull università tvarja, kull università għandha l-modi tagħha. Mil-lat individwali m’hemmx differenza, la l-pajjiż li ġej minnu u lanqas l-Università li ġej minnha ma jagħmlu differenza fejn wieħed jitkellem ma’ individwu ieħor fuq l-istess suġġett li jkun qed jistudja. Iżda Oxford li kellha sabiħ hi s-sistema tal-kulleġġi. Għandek id-dipartiment tiegħek iżda fil-kulleġġi se tiltaqa’ ma’ studenti minn oqsma oħra u filgħaxija niltaqgħu għall-ikel (dik is-sala li saret kopja simili tagħha għall-films ta’ Harry Potter) u waqt l-ikel tiddiskuti topiċi u titgħallem suġġetti oħra minn studenti li tiekol magħhom u tqatta’ xi serata magħhom. U din is-sistema tista’ ssibha biss f’Oxford u Cambridge.”
Iżda Joseph ma jgħixx biss fil-‘qamar’ iżda hu persuna mimli ħajja fejn anke jdoqq il-pjanu u anke f’dan is-settur iggradwa. “Meta kelli xi ħames snin kelli pjanu tat-tfal u kont nisma' l-innu Malti u ndoqqu bl-udit. Ommi staqsietni jekk irridx nitgħallmu u jien weġibtha fl-affermattiv. Jiġifieri jien tgħallimt dak li ridt u kont inħobb u qatt ma ġejt sfurzat nitgħallem xi ħaġa li ma ridtx. Ommi bdiet tgħallimni l-bażi tal-mużika għax kienet taf it-teorija u wara lili u lil oħti bagħtitna nitgħallmu b’mod professjonali l-pjanu.” Iżda anke fil-mużika, Joseph jużaha biex iwieġeb l-għaliex, għax skont hu l-mużika ssir tafha b’mod differenti meta ddoqqha milli meta tismagħha. “Jien noqgħod nara nota, nota u nibda nsib loġika għal dak li ddeċieda l-kompożitur biex jaħdem dik il-biċċa mużika. Iva nistaqsi ħafna l-‘għaliex’ u nfittex il-patterns ta’ kull biċċa mużika, iżda ma naħsibx li jien biss nagħmel hekk iżda kulmin jdoqq u jħobb il-mużika.”
Joseph minn età żgħira fittex għaliex hemm l-istilel, għaliex jiddu, għaliex ma jaqgħux eċċ eċċ. Din l-għaliex ġew imwieġba fl-istudju li għamel u r-riċerka li għadu jagħmel? “X’inhi stilla sibtha mill-ewwel fi ktieb. Għad għandi ktieb fis-sensiela tal-ladybird jismu ‘The Planets’ u niftakar li dak iż-żmien Pluto kienet meqjusa bħala pjaneta kien hemm biss paragrafu wieħed fuq Pluto u kienet tidher fl-istampi bħala tikka. Ma konna nafu xejn dwarha. Illum, eżatt din is-sena sirna nafu eżatt kif tidher din il-pjaneta Pluto meta ttellgħet probe li ħadet ritratti spettakolari u wrietna l-ġeografija ta’ din il-pjaneta li m’għadhiex tissejjaħ pjaneta fejn rajna silġ, canyons u ritratti tal-għaġeb.
“L-univers hu tant enormi u tant hemm xmux (stilel) u tant għandhom pjaneti jduru magħhom li tgħid hu impossibbli li m’hemmx ħajja xi mkien ieħor. Jekk hemmx ħajja fl-Univers hi mistoqsija differenti minn dawk li jgħidulek li niżlu l-aljeni jew UFO’s, dik żgur li mhux vera. Però jekk tistaqsini hemmx ħajja fl-Univers kważi tgħid li bilfors li hemm. Il-ħajja hi reżiljenti, anke f'postijiet b'temperaturi għoljin ħafna hemm speċi ta’ ħajja li tgħix hemm u tadatta għal dak l-ambjent li tipproduċi enerġija biex iżżomm ħajja u dan juri kemm il-ħajja tadatta. Issa jekk hemmx ħajja intelliġenti ma nafux, nittama li hemm.”
Ħafna drabi meta bniedem jistudja x-xjenza, donnu jitbiegħed mit-twemmin ta’ kreatur li ħoloq id-dinja u l-Univers. Hawn Joseph qalli li fil-każ tiegħu, “Jien ngħid li m’għandix raġuni għalfejn nemmen li l-univers gie kkrejat minn kreatur. Inqis il-mistoqsija ta' jekk hemmx kreatur bhal kwalunkwe mistoqsija ohra, bhal perezempju kif jiffurmaw il-galassji, kif jevolva l-univers, ecc. Mhux kull mistoqsija giet imwiegba - ghad ghandna hafna mistoqsijiet, u għalhekk għadna nirriċerkaw.”
Joseph għandu filosofija tal-ħajja u l-mewt fejn qalli li l-mewt tfisser li għext, “aħna fortunati li esperjenzajna l-ħajja... hemm potenzjal għal ħafna iktar persuni, però dawn qatt ma ġew... iċ-ċelloli qatt ma ngħaqdu u għalhekk dawn qatt ma eżistew.”
Joseph esperjenza l-Univers ta’ fuqna permezz tat-teleskopju iżda sentejn ilu esperjenza Univers ġdid, “Minn meta kont żgħir kont naffaxina ruħi bil-bugħaddasa. Meta kbirt kont dejjem imħabbat bl-istudji iżda sentejn ilu ħadt kors fl-għadds u hemm isfel ġenninni. Kull meta nkun hawn sajf jew xitwa ninżel nogħdos. Hemm sabiħ wisq. Tara dinja u ħajja oħra, ħajja sabiħa u hemm isfel tinsa kollox, anke kull problema li forsi jkollok fuq wiċċ il-baħar jitlaq kollox. Meta tinżel fil-qiegħ inti ‘weightless’ u tħossok parti minn univers ieħor.”
U dan xorta mhux kollox għax Joseph għandu delizzju kbir tal-fotografija fejn jieħu ritratti professjonali ta’ kollox, fuq l-art, fis-sema u f’qiegħ il-baħar. Fejn anke hawn id-delizzju beda minn meta kien żgħir b’kamera li kellha ommu li kien iżarmahielha biex jara kif taħdem. Beda jiġbed ritratti tal-ispazju iżda llum l-pjaċir tiegħu jmur postijiet meta ma jkunx hemm nies u jiġbed ritratti ta’ landscapes.
Mistoqsi x’inhu t-tip ta’ divertiment li jħobb, meta jsib ħin, qalli li hu żagħżugħ normali li ġieli jmur xi party iżda l-istorbju żejjed idejqu, hu jħobb joħroġ ma’ ħbieb tamparu u jieħu xi drink f’xi pub, “qatt ma kont persuna tal-klabbs, storbju u dik ir-rassa ta’ nies.”
Fl-aħħar staqsejtu x’sab differenti f’Għawdex wara seba’ snin nieqes minn hawn, “Ħaġa li ninnota ħafna kemm Għawdex hu vojt miż-żgħażagħ għax kollha qegħdin Malta. Ma nafx hux perċezzjoni tiegħi iżda ħassejtha wisq minn meta rritornajt. Dan jista' jinbidel kieku jsir bħalma qed isir il-każ f'ħafna postijiet oħra, fejn wieħed iwettaq ix-xogħol tiegħu jkun fejn ikun, la darba jkun tip ta' xogħol li jista' jsir b'laptop. U b’hekk iż-żgħażagħ ma jkollhomx għalfejn jitilqu lejn Malta, speċjalment f’xogħol ta’ servizzi - u hawn Għawdex jista’ jkollu bażi soda ta’ din l-industrija mingħajr impatt negattiv ta’ bini u żvilupp li jeqred lil Għawdex. Jien lill-ambjent ta’ Għawdex irridu kif inhu. U meta nkun imsiefer nimmissja wisq u wisq il-baħar.”