Marcello u Marlon Attard: Jisparaw u jsalvaw
- Biex jittrenjaw l-ġenituri tagħhom iħallsulhom €108 fil-ġimgħa....“F’ġurnata kwieta fil-Blue Lagoon insalvaw 5 ħajjiet”
Marcello u Marlon huma żewġ aħwa Għawdxin li jimxu wara l-passi ta’ xulxin anke jekk il-karattri huma ferm diversi. Marcello għandu 19-il sena u bħalissa jinsab l-Università jistudja għal BSC fin-nursing, filwaqt li Marlon għandu 17-il sena u qed jistudja l-istallazzjoni elettrika fl-MCAST.
Marlon li għandu karattru aktar ‘happy go lucky’ dejjem mexa wara l-passi ta’ ħuh Marcello li aktar jaħseb u jidħol fil-fond tal-problemi minn ħuh iż-żgħir. “Jien dejjem imxejt wara l-passi ta’ ħija l-kbir” qalli Marlon b’Marcello jwieġeb b’mod sarkastiku, “da żgur wara li nifrixlu s-sodda jien.”
Kienu battibekki ħelwin ħafna bejn żewġt aħwa li ma jgħaddux mingħajr xulxin tant li t-tnejn huma fost l-aqwa talenti fl-isparar tal-Iskeet u t-tnejn li huma jaħdmu bħala ‘life guards’ mal-ERRC fejn jieħdu ħsieb ħames bajjiet f’Għawdex bl-akbar xogħol ikun il-Blue Lagoon ta’ Kemmuna.
Huma l-uniċi żewġ żgħażagħ f’Malta u Għawdex li jirrapreżentaw lill-pajjiż fuq livell tal-‘juniors’ u kull kompetizzjoni li jieħdu sehem fiha dejjem iridu jikkompetu mal-adulti u xorta jġibu riżultati mill-aqwa tant li dan l-aħħar Marcello ġie l-ewwel fit-Tazza Indipendenza meta laqat 48 minn 50 plattina u ħuh Marlon kien it-tieni l-aktar li laqat b’46 minn 50 plattina. Interessanti li ż-żgħir jikkompeti f’kategorija A u bħalissa l-kbir li hu meqjus bħala atleta elite niżel fil-kategorija B minħabba li naqas li jikkompeti minħabba l-eżamijiet għall-Università.
“L-ewwel l-iskola, il-plattini jiġu wara” qalli Marcello fejn qal li sew hu kif ukoll ħuh għandhom ħolma li jridu jwettquha li mhux biss jirrapreżentaw lil Malta fl-Iskeet, “iżda rridu nirbħu l-midalji għal Malta”.
Hu fattur ukoll li f’dan l-Isport biex tilħaq l-ogħla livelli mhux biss it-talent li jwasslek. Iżda jrid ikollok flus biżżejjed biex titħarreġ. Fil-fatt il-ġenituri ta’ Marcello u Marlon joħorġu minn buthom €54 għal kull tifel kull ġimgħa biex jmorru jisparaw 3 darbiet fil-ġimgħa. Dan ifisser li jħallsu €108 fil-ġimgħa, kważi €6,000 fis-sena. Fil-fatt tkellimna ma’ missierhom, Richard li hu eks bodybuilder u weightlifter li ammetta dan kollu u qalli li dan jista’ jaffordjah għax jaħdem bħala mastrudaxxa għal rasu. Il-missier qalilna wkoll li hu mbuttahom għal dan l-isport għax jemmen li f’Malta nistgħu nirnexxu biss fl-Isport Individwali u dan l-isport hu wieħed mill-aktar nadif. Qalilna wkoll li dejjem sab xi għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex u anke mill-Kumitat Olimpiku. Barra dan is-snieter jiswew €1,800 kull wieħed u qed jaħseb biex jixtrilhom ieħor li jiswa madwar €5,000. Staqsejt lit-tfal jekk is-senter jagħmilx differenza: “It’s not about the gun...it’s you,” qalilna Marlon filwaqt li Marcello qal li qisek qed tqabbel Ferrari ma’ Peugeot, “it-tnejn iwassluk fejn trid iżda s-senter trid torbot qalbek miegħu.”
Staqsejt liż-żewġ tiraturi kif beda fihom din in-namra f’dan l-isport fejn marcello qalli li meta kellu 14-il sena missieru kien ħadu jispara għall-plattini għax hu kien jammira mmens lil William Cutajar, “Mill-ewwel darba li sparajt qatt ma tlaqt is-senter minn idi.” Marlon beda jilgħab il-futbol iżda meta ra lil ħuh jispara, tħajjar hu wkoll u minn ta’ 13-il sena ntefa’ f’dan l-isport ukoll. Il-fatt hu li ż-żgħir Marlon, ma tantx jaħsibha u beda jispara mingħajr ħafna biżgħat jew stress u fil-bidu beda jagħmel suċċess aktar minn Marcello li beda jsibha diffiċli jikkompeti ma’ ħuh li kulħadd kien ifaħħru u missieru stess beda qisu jaqta’ qalbu minnu, “Iżda għalkemm il-ġenituri tiegħi qishom qatgħu qalbhom minni, jien qatt ma qtajt qalbi u meta ħallewni waħdi mingħajr pressjoni bdejt inġib ir-riżultati li wassluni sa fejn ninsab illum,” qal Marcello. Min-naħa l-oħra Marlon qal li huma t-tnejn ambizzjużi, “ma ngħirux għal xulxin u nixtiequ li t-tnejn li aħna mmorru tajjeb imma kultant ikun hemm xi ftit rivalità.”
Għalkemm l-akbar rivalità bejniethom tidher li hi dwar il-ħwejjeġ għax Marcello jgerger meta Marlon juża l-ħwejjeġ tiegħu, “għax Marlon jittrenja l-weights u miftuħ aktar minni u allura jwessagħhomli”.
Fil-fatt it-tnejn li huma qaluli li għall-isport tagħhom bilfors iridu jżommu ruħhom fiżikament tajbin fejn il-ġisem irid ikun rilassat u mentalment iridu jkunu ppreparati mmens, “l-istress hu l-akbar għadu għall-isport tagħna, fil-fatt jien inbati meta jkolli xi eżamijiet fil-viċin.” Qal Marcello li minħabba l-istudju kien niżel jispara f’kategorija B, għax ma setax jitħarreġ biżżejjed. Marcello fil-fatt għandu karattru li jemozzjona ruħu ħafna u biex jispara jrid ikollu moħħu bla ħsibijiet xejn. Tant li lanqas irid lil ħadd jeħodlu ritratti waqt li jispara u jinduna hu għax jitfixkel.
Marcello qal ukoll li missierhom jimbuttahom wisq, anke jekk hu grazzi għalih li waslu f’dan il-livell, “kultant ikun qed jiżbalja u ma jindunax. Bħal fil-każ tal-istudju tiegħi fin-nursing, fejn dejjem jgħidli biex insib karriera oħra, iżda għalxejn jgħidli għax in-nursing inħobbu u hemm irrid nasal.”
Dan l-aħħar iż-żewġ tiraturi ħadu sehem f’Udine fil-Gran Prix tal-Juniors u għalkemm marru mhux ħażin, ma marrux tajjeb daqs kemm xtaqu, “stajna morna aħjar” qal Marcello. “Iżda jibqa’ l-fatt li wara li ġejna minn din il-Gran Prix l-iskors tagħna splodew.”
It-tnejn li huma faħħru l-għajnuna li jsibu mix-shooting range ta’ Malta li jżommulhom nofs prezz u anke mix-shooting range ta’ Għawdex fejn Joseph Borg li jmexxi x-shooting range taż-Żebbuġ ġieli jiftaħ għalihom biex jittrenjaw. “Iżda jkollna bżonn aktar ħin u għalhekk jien noqgħod Malta matul il-ġimgħa. Barra li nistudja Malta, jkolli iżjed ħin biex nitħarreġ fejn żidt ġurnata oħra ta’ taħriġ. Jidher li sew bħala xogħol kif ukoll bħala sparar Malta se tkun il-futur tiegħi u jekk nibni familja Malta, hemm nibqa.” Dak il-ħin qabeż ħuh iż-żgħir, Marlon u qalli bl-Ingliż, “Nothing replace Gozo”.
Iż-żewġ tiraturi qed jitħarrġu għas-Small Nations Games, għal World Cup tal-Juniors f’Awwissu u mill-Milied se jibdew taħriġ intensiv fejn iridu jisparaw 500 tir kull wieħed fil-ġimgħa. Barra hekk qabel is-Sajf fi ħsiebhom imorru training camp f’Lonato ma’ Garda.
LIFE GUARDS
Iż-żewġ żgħażagħ barra l-isparar u l-istudji tagħhom għandhom speċi ta’ ‘hobby’ jew xogħol ieħor, dik li jsalvaw in-nies mill-baħar meta jsibu ruħhom f’diffikulta. Huma fil-fatt jaħdmu mal-ERRC, NGO f’Għawdex li jieħdu ħsieb ħames bajjiet prinċipali f’Għawdex, li tinkludi Kemmuna. Qalulna li dan ma jagħmluhx għal qligħ ta flus, anke jekk jingħataw xi allowance tal-ħin li jqattgħu fil-bajjiet, “L-akbar xogħol jinsab il-Blue Lagoon fejn kuljum fis-sajf jkun hemm 3,000 persuna. U f’ġurnata kwieta jkollna madwar 5 persuni f’diffikulta li nsalvawhom mill-mewt. L-akbar problema huma n-nies Ażjatiċi u Afrikani li ma jafux x’inhu baħar jew xi jfisser baħar. Meta jarawh sabiħ jaqbdu u jinżlu u ma jindunawx kemm hemm kurrenti bejn Kemmuna u Kemmunett li jġorrok u jiġbdek, speċjalment f’ċertu rjiħat. Meta jkun hemm il-lifeguards kważi impossibbli li jmut xi ħadd u meta jmutu jkun b’xi attakk tal-qalb u mhux għax jgħerrqu.” qal Marcello. “Din is-sena mietu tnejn f’Mejju għax aħna bdejna xogħol minn nofs Ġunju u fil-fatt issa se nibdew minn nofs Mejju, eżatt minn meta jibdew il-laneċ imorru hemm bit-turisti. Sadattant Marcello qal li min imur Kemmuna għandu joqgħod attent li fin-nofs hemm speċi ta’ għolja tar-ramel fil-baħar li turik li qiegħed fil-baxx, iżda fil-ġenb tagħha jkun għoli u l-kurrent jiġbdek f’din il-biċċa fonda, “jekk tinġibed mill-kurrent nagħti parir biex wieħed ma jippruvax jgħum kontra l-kurrent iżda komplu għumu favur il-kurrent.”
Sew Marlon kif ukoll Marcello rrakkuntawli xi esperjenzi tagħhom meta salvaw xi nies f’diffikultà u kemm iħossu sodisfazzjon wara. “Barra hekk dan ix-xogħol iddixxiplinana u tgħallimna ħafna minnu.”