“Baġit li jkompli jagħti valur miżjud lil Għawdex” - Refalo
Wara li sar il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella f’dan il-baġit ġew ivvutati €220,000 għall-manteniment tal-istess proġett.
Dwar Għawdex, importanti nsemmu li dal-baġit qiegħed jindirizza bis-serjetà l-kwistjoni tal-konnettività u l-aċċessibilità t’Għawdex. Rigward il-konnettività fiżika se jsiru eżamijiet ġeoloġiċi biex b’dan it-tagħrif ikun jista’ jinbena mudell ġeoloġiku ta’ taħt qiegħ il-baħar. Il-gvern qed jaħdem biex tinħareġ l-ewwel fażi tas-sejħa pubblika ta’ disinn, bini u l-operat għal sub seabed tunnel li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer. Kif ukoll se joħroġ dalwaqt l-offerta għas-servizz tal-fast ferry bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta.
Rigward il-kwistjoni tal-konnettività diġitali, il-gvern qiegħed iħabbar ukoll li ser jiġu vvutati €3.2 miljun għal Fibre Optic Cable alternattiv li se jippermetti investiment minn kumpaniji tal-IT f’Għawdex.
Dan jorbot bi sħiħ mal-investiment kofinanzjat minn miljuni ta’ ewro tal-fondi Ewropej ta’ €16-il miljun li ser jittrasforma s-sit tal-ħofra fix-Xewkija għal villaġġ tan-negozji ż-żgħar u medji (SME’s) u l-eks MDP għal Hub diġitali.
Dan mingħajr ma ninsew il-bidu tal-bini ta’ sptar ġdid mill-privat u l-iskola medika ta’ Barts. B’hekk ikollna kura aħjar u jinħoloq suq turistiku mediku ġdid.
Suq ieħor li nixtiequ nisfruttaw huwa t-turiżmu sportiv u għal dan il-għan se jiġi ffirmat dalwaqt MOU mal-bidder li jrid jibni l-pixxina. Din il-pixxina ser tintuża mill-istudenti, għaqdiet sportivi u anzjani tagħna.
Permezz ta’ kofinanzjament minn fondi Ewropej ukoll, ser inkunu qed invaraw l-ewwel mużew għal Għawdex li ser ikun attrazzjoni oħra fil-pakkett turistiku Għawdxi.
It-turiżmu f’Għawdex sejjer tajjeb ġmielu. Niċċa tat-turiżmu li kisret kull rekord hija dik fil-qasam tal-passiġġieri li jinżlu l-art minn cruise liners. Għaldaqstant wasal fil-fażi finali tiegħu, wara li saru l-istudji relattivi, l-abbozzar tat-tender għall-baga ġdida fix-Xlendi.
Ser inkomplu ngħinu lill-istudenti tagħna għalhekk ser tingħata għajnuna lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’istituzzjonijiet privati f’Malta .
Ix-xogħol infrastrutturali fuq it-toroq tagħna għaddej b’ritmu mgħaġġel. Filwaqt li lestejna diversi toroq fosthom 8thSeptember Avenue, ix-Xagħra sa Triq Vajringa, Għedrin, Dawwara, Ir-Rabat, u għaxar kilometri minn Ħondoq ir-Rummien il-Qala sa Ta’ Ċenċ is-Sannat. Pjazza San Franġisk se nkompluha wara li dis-sena beda x-xogħol fuq it-taraġ li jwassal għal Pjazza San Franġisk, lestejna il-Pjazza tax-Xagħra u għaddej b’ritmu qawwi x-xogħol infrastrutturali fil-Pjazza t’Għajnsielem. Ma’ dawn wieħed irid iżid il-bini li tiela’ biex tkun lesta d-dar tal-anzjani ġdida li ser tkun f’Għajnsielem stess.
Sabiex nixprunaw ukoll is-suq tal-propjetà f’Għawdex il-baġit qed inaqqas it-taxxa tal- boll minn 5% għal 2% għal min jixtri residenza f’Għawdex.
Fl-aħħar u mhux l-anqas issa li ġew ottenuti l-permessi se joħorġu l-offerti biex tinbena l-qorti l-ġdida u diversi livelli ta’ parkeġġ taħt l-istess qorti. Ftit passi bogħod se tinbena wkoll skola primarja ġdida tar-Rabat minħabba li dik eżistenti m’għadhiex biżżejjed għad-domanda attwali.
Finalment wara li sar il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella, proġett li ħalla impattt pożittiv fuq l-eluf tal-viżitaturi, lokali u barranin, li kuljum iżuru ċ-Ċittadella. F’dan il-baġit ġew ivvuttati €220,000 għall-manteniment tal-istess proġett.