'Vot Kapitali miżeru għal Għawdex' – Chris Said
'Minn 20 proposta li kien hemm fil-baġit ta' sena ilu, waħda biss ġiet implimentata'
Il-kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, Chris Said saħaq li l-vot kapitali għal Għawdex reġa’ kien wieħed miżeru li fil-fatt hu ta’ €9 miljuni meta fis-sena 2014 dan kien ta’ €14-il miljun u skont Said fis-snin ta’ qabel kien ħafna iżjed.
Chris Said dwar il-baġit qal, “Verament li anke fejn jidħol Għawdex dan hu baġit kożmetiku ta’ gvern bla viżjoni. Said qal li l-ewwel ħaġa li għamel meta sema’ l-voti tal-baġit ta’ din is-sena hu li mar ifittex id-diskors tal-baġit li nqara s-sena ta’ qabel u qal li minn 20 proposta li kien hemm waħda biss twettqet, li hi żieda fl-allowance lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw f’Malta.
“Id-dsatax l-oħra jew ma twettaq xejn minnhom jew għadhom se jibdew” fejn elenka din il-lista ta’ proġetti u fejn waslu:
- Baga fix-Xlendi – ma sar xejn
- Restawr tal-Għar ta’ Calypso – ma sar xejn (issa reġa’ ssemma fil-baġit)
- Restawr tal-Mitħna tax-Xewkija – ma sar xejn
- Restawr tal-Akwedott – ma sar xejn
- Bini ta’ Qorti ġdid – ma nbeda xejn
- Mużew tal-Arti – ma sar xejn
- Fast Ferry Service – għadu ma ġiex introdott
- Air Link – ma ġiex introdott
- Dar tal-Anzjani – kellha tkun lesta sena u nofs ilu – għadu kemm nbeda l-bini
- Pixxina – ma nbeda l-ebda xogħol
“Barra hekk kull sena jgħosfor proġett jew iżjed milli kienu mwiegħda fil-programm elettorali. Fl-ewwel baġit ġejna mwiegħda kasino f’ Għawdex proġett li għosfor u ma sarx. Fl-ewwel u t-tieni baġit ġejna mwiegħda konnessjoni bl-ajru bejn Malta u Għawdex, saħansitra qalilna l-Ministru li ser ikollna konnessjoni ma’ ajruporti oħra fil-Mediterran. Mhux talli ma sarx talli l-idea għosfrot ukoll. Is-sena l-oħra u ta’ qabel wegħduna yacht marina u cruise liner terminal proġett ieħor li għosfor u ma ssemmiex iżjed. L-ebda kelma fuq dan,fil-baġit fuq proġett li skont il-Gvern stess hu tant important għal Għawdex. Kull darba jippruvaw inessuna dawn il-proġetti wara li jkunu ħabbruhom b’ tant pompa.”
Chris Said kompla jgħid ukoll dwar l-iskola primarja li se tinbena fir-Rabat fejn qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni hu fażull, “Kulħadd jaqbel li hemm bżonn skola primarja ġdida fir-Rabat, iżda huma l-ħafna li ma jaqblux mal-post magħżul fejn il-gvern iddeċieda li din tinbena fuq parti mill-playing field li qed tiġi rranġata minn fondi Ewropej, proprju f’wieħed mill-ftit spazji miftuħa li hemm fir-Rabat. Skola Primarja ta’ 600 student fl-aktar post traffikuż, parkeġġ, toroq il-ħin kollu bit-traffiku u venda tal-linja.” Chris said qed jappella lill-gvern biex jieqaf minn din id-deċiżjoni u l-gvern għandu jibni din l-iskola fejn diġà kien hemm il-permessi biex issir, ħdejn l-iskola sekondarja tal-bniet.
Il-kelliem Nazzjonalista lmenta wkoll li fil-baġit ma ssemma’ xejn dwar is-servizz bejn Għawdex u Malta għall-merkanzija li dawn ilhom bla servizz 10 xhur. “Servizz li kien jaqdi l-garr ta’ ħafna merkanzija minn u lejn Għawdex. Minkejja l-wegħda tal-Ministru għal Għawdex fir-risposti parlamentari tiegħu li ser tinstab soluzzjoni sal-lum dan is-servizz baqa’ mhux jingħata: 10 xhur bla servizz tant essenzjali. It-trakkijiet kollha issa jridu jaqsmu Malta u jgħaddu minn toroq ta’ karreġġata waħda bħal dawk tax-Xemxija u l-Mistra, bit-traffiku kollu mwaħħal warajhom. Il-Ministru Joe Mizzi qalilna nużaw il-baħar, iżda fejn kien hemm servizz bil-baħar twaqqaf.”