‘Arrivederċi’ Għawdex sa ma nerġgħu niltaqgħu
John Busuttil se jkun qed jirraporta minn Brussel għal dawn iż-żminijiet tal-Presidenza
Għaddew ’il fuq minn tliet snin minn meta ddeċidejt, grazzi għall-edituri tal-ILLUM li nwassal il-leħen tal-Għawdxi fuq dawn il-paġni li kienu ferm popolari mal-Għawdxin. Kull bidu fih it-tmiem jgħidu, u anke din ir-rubrika tintemm illum. Iżda l-waqfa mhux suppost li se tkun dejjiema, iżda nsellem lill-Għawdxin sa ma nerġgħu niltaqgħu.
Quddiemi tfaċċat opportunità oħra, sfida ġdida, għax iva biex wieħed jilqa’ sfidi ġodda m’hemmx età. L-isfidi fil-ħajja jintemmu biss meta wieħed jiddeċiedi li jieqaf jiffaċċja sfidi. Personalment għalija, għadu ma wasalx dak il-mument u għalhekk mhux talli se naqsam il-fliegu din id-darba, iżda se mmur lil hinn mill-gżejjer tagħna.
Se ntir lejn Brussell fejn tinħema l-politika Ewropea, u fiż-żmien meta Malta jkollha l-presidenza tal-Ewropa, jien se nkun hemm nirrapporta minn Brussell dak li nkun qed nesperjenza u dak li jkun qed jinħema minn wara l-kwinti.
Bħalma f’dawn is-snin laqqajtkom ma’ diversi Għawdxin u l-ħajja f’Għawdex, issa se nlaqqagħkom ma’ diversi Maltin u anke Għawdxin li jinsabu Brussell jaħdmu bla waqfien ħalli dawn is-sitt xhur ikunu ta’ suċċess.
Għax wieħed għandu jkun jaf li għalkemm quddiem l-iscreens tat-televiżjoni u fil-paġni tal-kull ġurnal u siti jidhru l-Prim Ministru u l-ministri, warajhom hemm tim qawwi ta’ żgħażagħ u anke ftit akbar, ta’ Maltin u Għawdxin li jaħdmu bla heda għal Malta. Hemm mijiet u mijiet li jqattgħu sigħat twal quddiem il-laptops biex kollox jimxi fuq ir-rubini, iżda dawn ftit jew ħadd jafhom.
Se nipprova li f’dawn ix-xhur li ġejjin inlaqqagħkom ma’ ħafna minn dawn il-Maltin u nsiru nafu aktar dwar xi tfisser il-presidenza għal Malta. Se nipprova nġibilkom Brussell f’Malta mhux biss politikament iżda anke l-ħajja tal-Maltin fil-belt kapitali Belġjana.
Nixtieq ukoll inwassal messaġġ lill-Għawdxin li dan mhux l-addio, iżda biss l-arrivederċi. Jiġifieri se ma nerġgħu niltaqgħu, għalkemm il-kuntatti ma’ Għawdex se jibqgħu u jekk ikun hemm xi nwasslu lill-qarrejja tagħna, se nkomplu nagħmluh, għax matul xahar jew ieħor, naqbeż qabża lejn Malta u Għawdex, speċjalment jekk nimmissjah wisq.
Din hi sfida ġdida għalija u bħal kull sfida ġdida ma tkunx taf x’se ssib quddiemek u aktar u aktar ma tafx kemm se tħoss in-nuqqas ta’ dak li tħalli warajk. Jibqa’ fatt li din lest għaliha, u preparat sa snieni. Issa jirnexxilix jew le, dak iż-żmien biss jista’ jagħtina parir. Se nħoss in-nuqqas mhux biss lil familja u lill-kollegi tiegħi tal-Illum, f’Malta u anke Għawdex, iżda wkoll il-qarrejja tal-paġni tiegħi Għawdxin u mhumiex, u għalhekk irrid li jirnexxili noħloq interess biżżejjed għalikom li tkomplu ssegwu l-kitba tiegħi fuq l-Illum.
Bil-ħaqq xorta se nkun insegwi dak li jkun għaddej f’Malta u Għawdex, permezz ta’ Facebook, il-portals tal-aħbarijiet u anke ta’ dawk li jgħadduli xi zekzik jew aħbar.
Sadattant ‘arrivederci’ u sa ma nerġgħu niltaqgħu.