'Għawdex b'sehem importanti matul il-Presidenza Maltija'
Il-Ministru Helena Dalli f’laqgħa mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex dwar is-sehem ta’ Għawdex fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE
F’laqgħa tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-MCESD u li għaliha attendiet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli, issemma’ kif Ministeri differenti se jkunu qed itellgħu numru sostanzjali ta’ konferenzi u laqgħat tekniċi f’Għawdex. Fost l-oħrajn il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali se jkun qed itella’ żewġ konferenzi f’Għawdex fis-settur tal-mediċini.
Konferenzi oħra organizzati mill-Ministeru t’Għawdex se jiffukaw direttament fuq il-bżonnijiet tal-gżejjer u se jinvolvu l-Kumitat tar-Reġjuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll konferenza msejħa Enterprise for Islands.
Il-Ministru Helena Dalli fissret kif ħafna mit-temi li se jkunu diskussi matul il-Presidenza Maltija jolqtu liċ-ċittadini Maltin fil-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant, id-deċiżjonijiet li se jittieħdu se jkollhom impatt fuqna lkoll.
Filwaqt li ħeġġet għall-parteċipazzjoni u l-interess tal-pubbliku f’dak li se jkun għaddej, Dr Dalli fissret din l-esperjenza bħala waħda li pajjiżna se jitgħallem ħafna minnha.
Il-Ministru Dalli tenniet il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tersaq aktar viċin in-nies, f’mument fejn uħud miċ-ċittadini Ewropej mhumiex jarawha aktar relevanti għalihom. Qalet li dan se jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Gvern fis-sitt xhur li ġejjin.
“Bħala Presidenza, nistgħu nservu biex nibnu mill-ġdid din il-konnettività mal-poplu li bħalissa naqset ħafna,” qalet il-Ministru Dalli.
Dan isir ukoll billi nuru r-ruħ soċjali tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex Joe Muscat qal li l-Presidenza se sservi ta’ opportunità ta’ promozzjoni għal Għawdex għal mijiet ta’ delegati u ġurnalisti li se jżuru l-gżira. Huwa appella lill-Gvern biex fejn hu possibbli, jinkludi wkoll lil Għawdex fil-mawriet kulturali li se jkunu offruti lid-dinjitarji u rappreżentanti barranin.
Iċ-Chairman tal-MCESD John Benċini fisser is-sinifikat tal-laqgħa fejn membri fi ħdan il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex li ġejjin minn setturi differenti qed ikollhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar il-kontribut ta’ Għawdex tul il-presidenza Maltija. Dan anke fl-isfond tal-potenzjal kulturali kbir li toffri l-gżira Għawdxija.
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll minn rappreżentanti tal-Ministeru t’Għawdex.