Ritratti Esklussivi | It-triq taċ-Ċittadella se tinbidel f'tapit spettakolari ta' fjuri
Infiorata spettakolari qed tinħadem bħalissa f'Għawdex bejn 5 pajjiżi fosthom l-Għarb ta' Għawdex biex jimmarkaw il-konferenza presidenzjali tas-CPMR

Minn kmieni dalgħodu fit-triq li tagħti għaċ-Ċittadella wieħed seta' jara diversi persuni u eluf ta’ fjuri jinħadmu biex mil-lejla sa nhar il-Ħadd din it-triq tkun spettakolari. ‘Alfombristas’ minn Spanja, l-Italja, il-Belġju, il-Messiku u l-Għarb Għawdex qed jaħdmu bla heda għal dan l-ispettaklu uniku li se jagħti aktar kulur lill-ġawhra taċ-Ċittadella t’Għawdex.










Din l-arti spettakolari hi l-ewwel darba li qed issir internazzjonalment fejn dawn il-pajjiżi ingħaqdu biex jagħtu lil Għawdex spettaklu uniku. Din l-infioriata ġiet kummissjonata mill-Ministeru għal Għawdex bil-kolaborazzjoni mal-Kunsill lokali tal-Għarb li huma rinomati bl-infiorata li jagħmlu u mill-Comision Gestora International de Entidades de Alfombristas de Arte Efimero fl-okkażjoni tal-Konferenza reġjonali tal-Presidenza li qed issir Għawdex bħalissa.

Matul il-ġurnata se jinħolqu 10 twapet li disa' minnhom se jkunu speċi ta’ ‘petal’ iffjurit filwaqt li l-10 tapit se jkun bil-bandiera tal-Ewropa bil-logos kollha tal-parteċipanti fil-konferenza tas-CPMR. L-Infiorata se tiġi inawgurata llejla fis-7.30 ta’ filgħaxija.