L-atletika tiddomina fl-għoti tal-unuri f’Għawdex

Jingħataw l-unuri għall-aqwa sportivi Għawdxin

Ġimgħa ilu ġew mtella l-Gozo Sports Awards fejn l-Isportivi, atleti u uffiċċjali ġew mogħtija l-unuri li kien jixirqilhom. F’din is-serata li kienet organizzata b’mod mill-aqwa fejn attendew għaliha ‘l fuq minn 200 persuna, ġew ippremjati l-aqwa atleti tas-sena. L-atletika fil-fatt iddominat din is-serata fejn l-aqwa tliet unuri ntrebħu minn dan il-qasam; il-Maratoneta Charlton Debono bħala L-isportiv tas-Sena, it-trijatleta Felicienne Mercieca bħala l-Isportiva tas-Sena u l-uffiċċjal tas-sena lil Paul Camilleri li hu l-fundatur tal-Athletix Club u għalliem u kowċ tal-atletika.

L-unuri l-oħra ntrebħu minn Maria Farrugia, player tal-Football bħala żagħżugħa promettenti u Brandon Sultana li hu ċiklist bħala żagħżugħ promettenti. L-unur tat-team tas-sena ngħata lit-team femminili tal-Football Għawdxi li spiċċa unbeaten fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni f’Malta.

Ingħataw wkoll Premijiet Speċjali lil Nicole Grima (Special Olympics), l-amministratur veteran sportiv Michael Angelo Camilleri għal karriera sportiva tiegħu u lil Joe Bajada għal ħidma kbira li huwa wettaq u għadu jwettaq fil-qasam sportiv għal iktar minn 45 sena.

Barra minn dawn il-premjazzjonijiet, is-serata kienet imżewqa wkoll minn mużika mill-Band Għawdxija DCapital taħt it-tmexxija tas-Surmast Joseph Debrincat u bis-sehem tal-kantanti promettenti Għawdxin Jolene Samhan, Francesca Sciberras u Kelly Grima li taw interpretazzjoni ta’ diski bl-Ingliż u anke bil-malti li niżlu għasel ma’ dawk preżenti.

Interessanti l-fatt li Nathan Farrugia għamel preżentazzjoni dwar il-pixxina li se sa ftit xhur oħra se jibda x-xogħol fuqha u permezz ta’ grafika kompjuetrizzata wera kif il-Kumpless sportiv tar-Rabat Għawdex se jinbidel f’kumpless mill-isbaħ u jilqa fih il-pixxina li tant ilha mistennija mill-Għawdxin.

Fost il-persuni distinti preżenti għal din is-serata kien hemm il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, is-segretarju Parlamentari għall-anzjani u diżabilita, Justyne Caruana, is-segretarju Permanenti għal Għawdex, John Borg, iċ-Chairman tal-Gozo Sports Board, George Fenech u dak ta’ Sport Malta Dr. Luciano Busuttil, u l-kapijiet eżekuttivi rispettivi ta’ Gozo Sports Board u Sport Malta, Alvin Grech u Mark Cutajar. Is-segretarju Parlamentari għall-Isport, Chris Agius ma setax jattendi minħabba l-aċċident li kellu dan l-aħħar iżda bagħat messaġġ permezz tal-video conference li ntlaqa tajjeb minn dawk preżenti fejn awgura lill-atleti kollha.

Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Ministru Refalo ħabbar inizjattiva ġdida li dawk il-ġenituri li għandhom tfal u atleti li jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics ser ikollhom ississudjati il-biljetti tal-Gozo Channel b’xejn bil-karrozza b’kollox biex ikunu jistgħu jniżżlu Malta lill-uliedhom għat-taħriġ. 

Ir-rebbieħa:

Sportiv tas-Sena:- Charlton Debono - Altetika

Charlton Debono kien fl-aqwa forma fiżika matul l-2016 fejn ħareġ rebbieħ f’kull maratona tal-5, 8 u 10 kilometri u nofs li ha sehem fihom, madwar 20 waħda fejn ukoll wettaq rekords ġodda f’uħud minnhom. Fil-preżent għadu l-aqwa f’Malta għall-long distance athlete. Ħa sehem f’iktar minn okkażjoni waħda barra minn xtutna fosthom fin-Nofs Maratona ta’ Valencia fi Spanja fejn spiċċa fit-33 post minn fost 13,000 maratoneta fejn waqqaf rekord Nazzjonali.

Sportiva tas-Sena:- Felicienne Mercieca – Triathlon

Felicienne Mercieca li matul il-karriera tagħha lagħbet kemm il-Basketball kif ukoll il-football, dan l-aħħar hija ffokat fuq it-Triathlon u f’temp ta’ sena saret waħda mill-aqwa Tri-atleti ġewwa Malta. Anke fil-qasam ċiklistiku, hija spiċċat fit-tielet post tal-kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial. Mercieca hija l-ewwel u l-unika tfajla Għawdxija li tieħu sehem fit-Triathlon u ġiet ippremjata bit-tielet post fil-Malta Triathlete tas-Sena għad-diversi suċċessi li kisbet.

Uffiċjal tas-Sena:- Paul Camilleri – Atletika

Paul Camilleri matul l-aħħar sena kien involut f’diversi inizjattivi fejn ikkordina tournament Triangolari għal darbtejn li ospita ‘il fuq minn disgħin atleta minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Organizza ukoll avvenimenti atletiċi, kif ukoll huwa l-Head Coach ta’ l-Athletix AC u jgħallem l-atletika fis-Saturday Club Day u matul il-ġranet tal-ġimgħa wara l-ħinijiet skolastiċi.

Żagħzugħa Promettenti:- Maria Farrugia – Football

Maria lagħbet ma’ Gozo FC fejn rebħet il-kampjonat tan-Nisa tat-Tieni Diviżjoni tal-MFA u ngħatat l-Unur bħala l-Aħjar Player U/16 mill-Gozo Youth FA. Bħala unuri individwali hija spiċċat bħala l-Aqwa Skorer kemm fl-U/16, kif ukoll fit-Tieni Diviżjoni tal-MFA. Maria fis-sena 2016 ntagħżlet mat-tim Nazzjonali Malti tal-U/16 fejn ħadet sehem f’diversi logħbiet fejn anke skurjat doppjetti kontra r-Rumanija u l-Montenegro.

Żagħzugħ Promettenti:- Brandon Sultana – Ciklizmu

Brandon Sultana kiseb diversi suċċessi fil-qasam Nazzjonali taċ-Ċikliżmu fl-2016, fl-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni tiegħu. Huwa rebaħ it-titlu ta’ Champion Nazzjonali ta’ Malta tal-Junior tal-Mountian Bike, kif ukoll kellu suċċessi fit-tiġrijiet organizzati mill-Malta Cycling Federation fejn  fil-Kampjonat tar-Road Race spiċċa fit-tieni post, filwaqt li f’dak tat-Time Trial ikklassifika fit-tielet post. 

Tim tas-Sena:- Tim Feminili Għawdxi tal-Football

It-tim tan-Nisa ta’ Gozo FC spiċċaw champions tat-tieni diviżjoni bi 52 punt, 12 il-punt vantaġġ fuq Swieqi United. Huma lagħbu 18 il-partita fejn rebħu 17 u ġew draw fil-logħba l-oħra. B’hekk huma spiċċaw il-kampjonat bla telfa 

Premju Speċjali:- Nicole Grima (Special Olympics)

Nicole Grima, tfalja ta’ 14 il-sena ilha għal dawn l-aħħar 12 il-xahar titħarreġ ma’ Special Olympics Malta. Hija titrenja l-Għawm fil-pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, kif ukoll fl-Atletika u l-Football ġewwa l-gżira ta’ Għawdex flimkien ma’ atleti oħra ta’ Special Olympics. F’Ġunju li għadda, għall-ewwel darba, Nicole ħadet sehem fi Special Olympics Malta National Games fejn ħadet sehem fl-isport tal-Għawm u rnexxielha tirbaħ żewġ midalji, dik tad-Deheb fil-25 metru Freestyle u l-midalja tal-Bronż fil-25 metru Backstroke. Nicole qed tħares ‘l quddiem biex tkompli tgħolli l-livell tagħha b’iktar taħriġ speċifikat li tiddebutta fix-xena internazzjonali barra minn xtutna.

Rikonoxximent għal Karriera Sportiva:- Michael Camilleri

L-imħabba ta’ Michael Angelo Camilleri lejn l-isport trawmet u sabet żvog fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat fejn flimkien ma’ sħabu, kienu jilgħabu l-futbol, table tennis, billiards u anke xi cross-country qasira. Fl-1956 irreġistra mat-tim tas-Salesian Youths, iżda wara żewġ staġuni ssieħeb ma’ Victoria Hotspurs. Wara huwa beda jikkowċja lill-istess tim kemm dak tal-minors kif ukoll dak tal-kbar. Għamel żmien ġurnalista tal-football Għawdxi, kif ukoll beda jirrefja l-football tal-minors. Huwa serva wkoll fil-kumitat ta’ Hotspurs fejn għamel snin bħala segretarju tal-klabb u membru tal-kunsill tal-GFA. Michael huwa wkoll l-awtur tal-istorja tal-klubb ta’ Victoria Hotspurs.

Apprezzament Speċjali:- Joe Bajada

B’karriera sportiva ta’ iktar minn 45 sena Bajada ta s-servizzi tiegħu bħala Referee tal-football, Match Inspector, Direttur ta’ Tournaments Internazzjonali, Amministratur, Membru f’diversi Bordijiet Sportivi u anke Kummissarju Elettorali tal-MFA. Huwa ppublika diversi kotba dwar il-Football Għawdxi, kif ukoll Annwali tal-Għaqda Kittieba Sport. Serva għal għaxar snin bħala ċ-Chairman tal-Gozo Sports Board, kif ukoll kien f’diversi Bordijiet tal-Kunsill Malti għall-iSport, tal-MFA u l-GFA. Ħa sehem f’diversi seminars sportivi kemm lokalment kif ukoll Internazzjonalment. Kien onorat diversi drabi bħala l-Uffiċjal tas-Sena tal-GFA u mogħti l-Pin tad-Deheb mill-AIPS u sentejn ilu kien maħtur Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u delegat fil-European Cycling Union. Bajada fi Frar li għadda kien onorat bir-Rikonoxximent tal-Aħjar Sportiv Għawdxi waqt il-Malta Sports Awards.

 

More in G?awdex