Indewbu l-katavri

Nappella biex din il-proposta barbara mhux biss tiġi abbandunata imma lanqas biss titqiegħed għad-diskussjoni
Nappella biex din il-proposta barbara mhux biss tiġi abbandunata imma lanqas biss titqiegħed għad-diskussjoni

Missirijietna ta’ Żmien il-Ħaġar bnew id-dolmen b’ġebel kbir biex fihom b’qima liema bħala jidfnu l-għeżież tagħhom. L-Eġizzjani tellgħu l-piramidi għall-mejtin u kienu jimlew l-oqbra bl-istess affarijiet li dawk li mietu kienu jieħdu gost bihom. Bħall-Eġizzjani kulturi oħra vvintaw proċessi kumplikati ta’ mumifikazzjoni biex juru t-twemmin f’ħajja oħra wara l-mewt u biex il-mejtin jibqgħu jgħixu għal dejjem.

Saddam Hussein kien jaħraq ħajjin l-għedewwa politiċi tiegħu u jxerred l-irmied mad-demel għax-xtieli tal-ġonna tal-palazzi tiegħu. Ibnu Uday kien jagħmel l-istess u ġieli difen ħajjin avversarji politiċi fil-konkos. L-istess jagħmlu tal-mafja - jdewbu l-mejtin fl-aċtu u jitfgħuh fid-drenaġġ. Għamlu hekk ukoll in-Nazisti lil katavri tal-kampijiet tal-konċentrament.

Bla dubju qed tinnutaw id-differenza bejn iż-żewġ eżempji. Tal-ewwel hu sinjal ta’ ċiviltà mentri tat-tieni hu barbariżmu pur. Għax kif jgħidu l-antropologi u dawk kollha li jistudjaw il-kulturi tal-bniedem wieħed mis-sinjali ewlenin ta’ bniedem ċivilizzat hu l-kult tal-mejtin u r-rispett fid-dfin. Il-filosfi jispjegaw li waħda mid-differenzi kbar bejn il-bniedem u l-annimal hija li tal-ewwel jidfen il-mejtin tal-ispeċi tiegħu mentri tat-tieni le.

Għalhekk kien ta’ xokk kbir meta smajt li waħda mill-proposti biex nindirizzaw il-problema ta’ nuqqas ta’ spazju fiċ-ċimiterji hija l-alkaline hydrolysis tal-katavri. Din mhijiex il-kremazzjoni li meta ssir tajjeb turi rispett mhux biss lejn l-għeżież tal-mejtin imma anke lejn ir-reliġjonijiet u fil-fatt anke l-Knisja Kattolika issa aċċettata. L-alkaline hyrdolysis bil-Malti pur tfisser iddewweb il-katavri u tifflaxxjahom ġod-dranaġġ bħal ma tagħmel f’loki wara li tinqeda.

Possibbli wasalna għal dan l-istat f’Malta? Għalija x-xokk hu ikbar meta għal tant u tant snin smajna l-kantaliena dwar l-umiljazzjoni tad-dfin tal-partitarji tal-Partit Laburista li għax kienu s-suldati tal-azzar indifnu fil-miżbla. X’sar minnha dik ir-retorika? Dan in-nuqqas ta’ rispett lejn il-katavri hu agħar minn din l-umiljazzjoni li ta lil-Laburisti Monsinjur Mikiel Gonzi. Għax din l-alkaline hydrolysis se ssir għal raġunijiet purament materjalisti u finanzjarji. Din se tibda ssir minħabba li m’għandniex riżorsi għaċ-ċimiterji u rridu niffrankaw il-flus. Hi umiljazzjoni ikbar lill-klassi tal-ħaddiema għax issa d-differenza tal-klassi se titkompla wara l-mewt. Is-sinjur għax għandu l-flus jagħżel dfin dinjituż u l-fqir ikollu jirrassenja ruħu li jdewweb il-mejtin la flus m’hemmx. Umiljazzjoni doppja.

Iddewweb il-katavri hi għal kollox differenti mill-kremazzjoni. L-irmied jista’ jitqiegħed ġo vażun u żżommu d-dar jekk trid. Jien personalment ma togħġobnix u anzi ġismi jqumli xewk xewk. L-irmied tista’ tidfnu f’qabar normali jew ixxerdu fil-baħar. Hawn min jagħżel li jindifen fil-baħar bħal ma għamel Congreve li tiegħu hemm il-mafkar ħdejn it-tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Din il-hydrolysis hi xi ħaġa għal kollox differenti fl-iskop u fil-metodu minkejja li tinstema’ speċjali għax kelma tqila.

Imma issa drajna nitkellmu hekk biex nimpressjonaw. Saħansitra t-terminu klassi tal-ħaddiema m’għadux moda u qegħdin nitkessħu billi minflok ngħidu l-middle class. Bħal meta minflok żibel ngħidu rubbish u minflok borża taż-żibel ngħidu garbage bag għax tal-ewwel jintnu u tat-tieni jfuħu. B’min jaħsbu li ħa jitmejlu jekk jgħidulna li din l-alkaline hydrolysis għax tinstema’ kelma tqila u bl-Ingliż allura hi xi ħaġa rispettuża?

Minn qiegħ qalbi nappella biex din il-proposta barbara mhux biss tiġi abbandunata imma lanqas biss titqiegħed għad-diskussjoni. Is-soluzzjoni għan-nuqqas ta’ spazju fiċ-ċimiterji nafu x’inhi. Jitkabbru ċ-ċimiterji fejn ikun hemm iktar oqbra tal-komun. Għalkemm Malta żgħira għad baqa’ postijiet fejn jistgħu jikbru ċ-ċimiterji u saħansitra jsiru oħrajn ġodda. Hekk jew hekk iċ-ċimiterji jekk ikunu ppjanati sewwa jistgħu jkunu bħal ġonna b’għadd ta’ siġar sabiħ taċ-ċipress u arbuxxelli oħrajn. Jiġuni f’moħħi ċ-ċimiterji tal-militar li ħallew l-Ingliżi bħal ma huma ta’ Braxia u ta’ Buqana bejn l-Imdina u Ta’ Qali. L-istess ċimiterju tal-Addolarata mimli siġar u mogħdijiet. Għax ma nikkuppjawx l-eżempji tajbin minflok ma naddottaw metodi li aktar jixbhu l-kefrija tan-Nażisti?

More in Il-punt