L-Involviment taż-Żgħażagħ fl-Isport
minn Alex Cutajar
Bla dubju ta’ xejn, wieħed mis-setturi li jolqot ħafna ż-Żgħażagħ Maltin u l-Għawdxin huwa s-settur tal-Isport u ta’ kif wieħed iżomm ruħu ‘fit’. Illum il-ġurnata, qegħdin isiru iżjed kampanji minn naħat differenti biex issir promozzjoni sabiex in-nies, speċjalment żgħażagħ, jiġu involuti fil-qasam tal-isport u jżommu ruħhom attivi. Skont statistika li saret fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ obeżità madwar l-Ewropa. Din hija sitwazzjoni ferm inkwetanti, meta tqis li fiż-żminijiet li ġejjin, din iċ-ċifra mistennija tikber mhux ħażin. Għalhekk, issa qiegħed jinħass iżjed il-bżonn li tinħoloq soċjetà iżjed konxja fuq l-obeżità u azzjonijiet differenti dwar kif wieħed jista’ jikkumbattiha. Hu propju għal dan l-għan li qiegħed jiġi iżjed promovut l-isport.
Li żżomm ruħek attiv, ma jfissirx li hemm bżonn tkun atleta professjonali. Illum hawn ħafna tipi ta’ sport li wieħed jista’ jieħu sehem fihom mingħajr ma jieħu żżejjed ħin mill-ħin liberu tiegħu u mingħajr ma jgħeja żżejjed. Apparti mill-futbol, li bla dubju ta’ xejn huwa l-aktar sport ipprattikat ġo pajjiżna, hawn varjetà ta’ tipi ta’ sport ieħor. Ħafna nies ukoll saru jattendu regolarment xi gym fil-lokal. Iktar kemm tinħoloq din il-kuxjenza li wieħed irid iżomm iżjed ruħu f’saħħtu, iżjed qegħdin jispontaw ċentri tal-isport f’lokalitajiet differenti.
Ħadt l-opportunità nistaqsi lill-Onorevoli Chris Agius, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, fejn staqsejtu jekk ikkumparata ma’ stati oħra fl-Unjoni Ewropea, jaħsibx li Malta għandhiex biżżejjed żgħażagħ attivi fl-isport. Is-Segretarju Parlamentari qalli fuq dan ir-rigward ma tantx għandna statistika aġġornata, għax l-aħħar statistika saret fl-2008 u wieħed ma tantx jista’ jibbaża fuqha. Irreferini wkoll għal rapport fuq sondaġġ li sar fl-2005/2006 mill-World Health Organisation li juri li tfal/żgħażagħ ta’ bejn il-ħdax u t-tlettax-il sena li jagħmlu eżerċizzju siegħa kuljum huwa inqas mill-medja tal-pajjiżi miġbura flimkien. Fl-età ta’ ħmistax-il sena l-perċentwal jogħla u joqrob ferm lejn il-medja. Dawn l-istudji wrew ukoll li s-sess femminili huma lanqas li jippratikaw sport jew jagħmlu eżerċizzju fiżiku.
Fl-opinjoni tiegħi din hija ferm inkwetanti. Biex Malta tnaqqas ir-rata tal-persuni bi problema ta’ obeżità, trid tinbidel il-mentalità tal-ġenerazzjoni moderna, dik taż-żgħażagħ. Naħseb li għad fadal ħafna x’isir f’dan il-qasam biex żgħażagħ jiġu iżjed inkorraġġuti jipprattikaw l-isport u jżommu ruħhom aktar f’saħħithom. Skont kif semmieli s-Segretarju Parlamentari, mir-riżultat li ħareġ fir-rapport tal-Eurobarometer, ippublikat fix-xahar ta’ Marzu 2014 huwa inkwetanti l-fatt li 75% mill-Maltin ta’ kull età qatt ma għamlu xi forma ta’ eżerċizzju jew prattikaw xi sport, wara żieda qawwija li saret mis-sena 2009 ’l hawn!
Biex iżjed tinħoloq soċjetà b’kuxjenza fuq l-isport, illum l-isport qiegħed jidħol iżjed fis-sistema edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Ma nemminx li biżżejjed li wieħed ikollu s-Suġġett tal-Edukazzjoni fiżika fl-Edukazzjoni akkademika ta’ kuljum, iżda hemm bżonn li wieħed jivvinta f’iżjed alternattivi biex it-tfal jidraw iżjed attivi. F’pajjiżi partikolari barra minn Malta, hija ħaġa obbligatorja li l-istudenti jagħmlu jieqfu mill-iskola akkademika u jipprattikaw informalment xi tip ta’ sport, biex iżommu ruħhom attivi wkoll fid-dinja tal-iskola, dik li għalihom hija t-tieni dar tagħhom.
Meta ħadt opinjoni mingħand il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport, l-Onorevoli Robert Cutajar, dwar l-inklużjoni tal-isport fis-sistema edukattiva, dan qalli li jemmen li s-sistema edukattiva f’dawn l-aħħar snin setgħet għamlet ħafna iżjed fl-inklużjoni tal-isport. Żied jgħidli li n-nuqqas ta’ lezzjonijiet kemm fil-primarja kif ukoll fis-sekondarja, fejn jidħol eżerċizzju fiżiku lit-tfal tagħna huma xhieda għal dan kollu. Dan minkejja li kien inkluż fil-Kurrikulum Nazzjonali. Jemmen ukoll li iktar milli nħajru t-tfal u ż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fl-isport, wieħed irid jaħdem biex ibiddel il-kultura tagħna l-Maltin li l-isport mhux qiegħed hemm bħala passatemp.
Karatteristika sabiħa li l-qasam tal-isport għandu huwa l-varjetà. Mhux kulħadd iħossu komdu u jħobb l-istess tip ta’ sport. Mill-esperjenza tiegħi wara s-sekondarja, ħafna ħbieb milli kelli waqfu kull forma ta’ sport għax ħassew li forsi mhux tajbin daqs ħaddieħor jew ma jħobbux biżżejjed sport partikolari. Jien kont wieħed minnhom, u għalhekk mort biex nipprattika sport ieħor, dak li nħossni iktar komdu u nieħu iżjed gost nipprattikah – il-baskitbol. Naħseb li fix-xandir nazzjonali għandu jsir iżjed xogħol biex nagħtu iżjed promozzjoni lil dawn it-tipi ta’ sport ‘żgħar’ ukoll.