Il-politika tal-PN u xi jridu n-nies
Dr Mario de Marco jitkellem dwar kif il-PN jerġa' jikseb lura l-fiduċja tan-nies meta jerġgħu jibdew jaraw fih gvern alternattiv
X’iridu n-nies
Il-PN għandu jaħdem fuq diversi binarji sabiex jikseb lura l-fiduċja tal-poplu.
Qabel xejn il-poplu jrid jara fil-PN partit li jirrifletti aħjar fil-politika tiegħu s-sinjali taż-żminijiet mingħajr ma neċessarjament jabbanduna l-prinċipji bażiċi tiegħu. Il-politika tal-Partit għandha tiġi aġġornata sabiex tkun waħda aktar viżjonarja li tirrifletti mhux biss l-aħħar xejriet ekonomiċi, iżda wkoll sabiex tirrifletti l-fatt li s-soċjetà Maltija qiegħda tinbidel mhux biss fil-mod ta’ kif inhi komposta, iżda wkoll fil-mod ta’ kif taħseb.
Il-politika tal-PN għandha mhux biss tagħti aktar spazju liż-żgħażagħ, iżda trid fuq kollox tirrifletti dak li għalih jaspiraw iż-żgħażagħ. Meta pajjiż javvanza ekonomikament fi spazju relattivament qasir, ħafna drabi hemm konsegwenzi fuq aspetti importanti fil-ħajja ta’ kuljum bħall-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema.
L-iżvilupp ekonomiku ma jistax ikompli jsir a skapitu tal-ħarsien ambjentali. It-tkabbir kummerċjali ma jistax isir a skapitu tad-drittijiet tal- ħaddiema b’talbiet għal aktar flessibilità fil-mod tal-impjiegi. Il-Partit għandu jkompli jaħdem sabiex l-immaġini tal-Partit maqsum li kellna fil-passat, tispiċċa darba għal dejjem. Fil-PN irid ikun hemm spazju għal kulħadd li jrid jaħdem b’mod ġenwin.
Fl-istess ħin il-Partit irid isaħħaħ l-organizzazzjoni tiegħu. Il-fiduċja ma tintrebaħx biss b’politika attraenti, ma tintrebaħx biss b’immaġini ta’ partit magħqud. Tintrebaħ fuq kollox jekk għandek partit organizzat li lest li jaħdem sabiex iwassal il-politika tiegħu lin-nies, u jikkonvinċi n-nies. Iżda n-nies iridu ż-żmien tagħhom sabiex jerġgħu jagħtu l-fiduċja lura lill-PN. Iridu ż-żmien sabiex ikunu konvinti li l-bidla li qed issir fil-PN hija waħda ġenwina. Iridu ż-żmien tagħhom sabiex ikunu konvinti li l-Partit Laburista (PL) ma jixraqlux aktar il-fiduċja li ngħatalu.
Il-PN għandu joqgħod attent sabiex isib il-bilanċ meqjus bejn dawk li jriduh aktar fundamentalist u aktar affermattiv fil-pożizzjonijiet li jieħu kontra l-Gvern Laburista, u dawk li jriduh aktar moderat fil-pożizzjonijiet li jieħu. Ħafna drabi l-ewwel pożizzjoni tkun tal-hard core supporters u t-tieni pożizzjoni tkun ta’ dawk illi kienu tilfu l-fiduċja tagħhom fil-PN, iżda lesti li maż-żmien jerġgħu jagħtuha lura. Il-poplu donnu jrid stili ta’ politika differenti u diverġenti, skont is-setturi u skont iċ-ċirkostanzi.
Fl-aħħar mill-aħħar il-PN jibda jikseb lura l-fiduċja tan-nies meta n-nies jerġgħu jibdew jaraw fih gvern alternattiv. Disa’ xhur biss wara telfa elettorali ta’ 36,000 għadu wisq kmieni sabiex dan isir. Iżda llum n-nies huma ħafna anqas allaċjati mal-vot tradizzjonali tagħhom. Dawn huma parti mill-bidla li seħħet fis-soċjetà Maltija moderna. U din il-bidla tista’ twassal għal sorpriżi.
Is-sitwazzjoni finanzjarja
Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN mhijiex waħda feliċi. Biex inkun diplomatiku tista’ tkun aħjar. Ir-realtà hija li l-ebda partit politiku fl-Ewropa ma jgawdi minn xi sitwazzjoni finanzjarja b’saħħitha. Kien għalhekk għala fil-fatt numru ta’ pajjiżi waslu saħansitra sabiex jipprovdu għajnuna finanzjarja statali għall-partiti politiċi. F’Malta dan ma jeżistix bil-konsegwenza li partit politiku jrid jiddependi mill-kontributuri u attivisti tiegħu kif ukoll mill-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Dan jista’ jkun perikoluż. Partit għandu wkoll responsabbiltà mhux biss lejn il-partitarji tiegħu, iżda wkoll lejn il-ħaddiema tiegħu.
Huwa għalhekk kardinali x-xogħol siewi li sar f’dawn l-aħħar xhur b’mod partikolari mis-Segretarju Ġenerali Dr Chris Said sabiex iġib il-partit f’pożizzjoni li kull xahar jiġġenera biżżejjed finanzi sabiex iħallas l-ispejjeż tiegħu inkluż is-salarji tal-ħaddiema. Sar ħafna xogħol f’dan ir- rigward. Baqa’ xogħol x’isir għal dak li għandu x’jaqsam mal-problemi tal-passat.
Il-ħidma tiegħi bħala kelliem għall-ekonomija, investiment u negozji żgħar hija sa ċertu punt espansjoni tal-ħidma preċedenti tiegħi bħala ministru tat-turiżmu. It-turiżmu huwa wieħed mill-akbar kontributuri tal-ekonomija ta’ pajjiżna li jikkontribwixxi qrib l-25% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan ġabni f ’kuntatt mal-varji stakeholders ta’ dan is-settur sensittiv. Issa rrid nuża l-esperjenza li ħadt minn dan il-ministeru sabiex naħdem mas-setturi l-oħra bħall- fabbriki, service providers, żviluppaturi, nies tal-ħwienet u negozji żgħar, koperattivi; fuq kollox kull min b’mod jew ieħor jikkontribwixxi lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna. L-ekonomija hija l-kejl tas- saħħa ta’ kull pajjiż. Minnha jiddependu mhux biss l-impriżi, iżda wkoll l-introjtu tal-pajjiż li fuqu l-gvern tal- ġurnata jista’ jfassal il-politika soċjali, edukattiva, ambjentali, ta’ saħħa tiegħu. Mingħajr ekonomija b’saħħitha l-gvern ma jkunx f’pożizzjoni li jagħmel l-investiment fl-edukazzjoni u s-setturi l-oħra li aħna issa drajna li jsir ta’ kuljum. Jista’ jkollok l-isbaħ politika, l-aqwa programm elettorali. Sabiex tesegwixxi dik il-politika, dawk il-wegħdi elettorali, li kollha għandhom prezz fuqhom, trid ekonomija b’saħħitha.
Sabiex ikollok dan irid ikollok politika ekonomika ċara u moderna li tgħin u ssaħħaħ l-ispirtu imprenditorjali ta’ pajjiżna u tidentifika s-setturi ta’ attività ekonomika ġodda sabiex inressquhom lejn pajjiżna kif għamilna fil-passat bis-servizzi finanzjarji, bl-igaming, bil-fabbriki tal-elettronika u farmaċewtiċi, bil-backoffice services. Wieħed mis-setturi f ’pajjiżna li joffri potenzjali enormi huwa s-settur tal-ekonomija kreattiva. Xogħli għalhekk huwa li niltaqa’ ma’ stakeholders, nifhem aħjar dak li qed isir, nagħsar dak li qed isir mill-Gvern, nipproponi dak li nemmen li jista’ jsir aħjar.
Il-fatt li jiena issa mort lura nipprattika ta’ avukat, u ħafna mix-xogħol tiegħi huwa relatat mal-kamp legali kummerċjali, qed jgħinni sabiex inżomm ruħi aġġornat ta’ kuljum mas-settur tal-ekonomija u kummerċ.