Ewropa li temmen f’dak li tgħid
minn Claudette Abela Baldacchino
Matul dawn l-aħħar 13-il xahar ingħatajt opportunità sabiħa sabiex nattwa dak li nemmen. Għamilt dak kollu li stajt sabiex din il-fiduċja li fdani biha l-poplu Malti u Għawdxi nonoraha b’ħidma ma taqta’ xejn favur il-kunċett ta’ Ewropa Soċjali.
Kien għalhekk li fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew u b’mod partikulari fi ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi stinkajt sabiex nitfa’ dawl fuq temi li jolqtu direttament lin-nies, lill-familji.
F’din il-ħidma sibt appoġġ minn deputati Ewropej ġejjin minn diversi pajjiżi għaliex it-temi li qed jolqtu lilna l-Maltin mhumiex temi esklussivi tagħna imma li huma mferrxa madwar il-pajjiżi kollha Ewropej.
Meta nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-UE tħaddan il-mudell ta’ Ewropa Soċjali propju dan li nkunu qegħdin ngħidu.
Hemm bżonn li ma nitilfu l-ebda opportunità li ntambru dwar il-bżonn li l-politika u l-politiċi jaħdmu sabiex kull ċittadin Ewropew, ġej minn fejn ġej, ikollu kull opportunità li jimxi ’l quddiem u javvanza ekonomikament u soċjalment.
Hemm bżonn li naħdmu dejjem aktar sabiex ngħelbu l-pjaga kerha tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-kontinent tagħna.
Għalhekk nemmen li rridu nħarsu ’l quddiem biex ikollna Ewropa li verament tħares tassew lin-nies, li tiġġieled il-prekarjat, il-faqar, tħares liż-żgħażagħ, lill-anzjani, l-ambjent u l-arja ta’ madwarna u aktar.
Imma fuq kollox, Ewropa li temmen f’dak li tgħid. Ewropa ta’ valuri, ta’ solidarjetà, li taġixxi u li fuq kollox tħenn għaż-żgħir u l-batut.
Kwistjonijiet bħal tal-immigrazzjoni jridu jkunu fuq nett ukoll tal-aġenda. Din hija traġedja umana li l-ebda pajjiż ma jista’ jaffronta waħdu.
Il-Mediterran huwa reġjun partikolari. Huwa baħar imdawwar minn żoni ta’ konflitt, faqar, u problemi soċjali kbar.
Kont preżenti fi Strasburgu meta seħħet it-traġedja ta’ Lampedusa. F’dawn il-ġranet seħħew traġedji oħra u l-influss tal-immigranti kompla jikber.
Propju f’dawn il-ġranet qegħdin nisimgħu dwar dak li qed jiġri fl-Iraq fejn huwa stmat li fi ftit sigħat man-nofs miljun ruħ kellhom jaħarbu mill-għawġ li ħakem l-ibliet u l-irħula tagħhom bl-inkurżjoni tal-estremisti. L-ebda pajjiż ma jiflaħ għal dan l-influss waħdu!
Anki f’dan ir-rigward l-Ewropa trid turi li tassew temmen u tipprattika s-solidarjetà.
Fl-ewwel ta’ Lulju li ġej, meta l-attenzjoni ta’ bosta ser tkun fuq it-Tazza tad-Dinja li bħalissa qed tinżamm fil-Brażil, ser ikunu qed jieħdu posthom fil-Parlament Ewropew il-membri parlamentari l-ġodda li għadhom kemm ġew eletti f’Mejju li għadda.
Il-mod li jaħdem il-Parlament Ewropew huwa xi ftit differenti minn dak li jiġri fil-Parlament Malti. Fil-Parlament Ewropew l-aġenda tkompli minn sessjoni għall-oħra, minn Parlament għal ieħor. Għalhekk, il-Membri Parlamentari l-ġodda li ser ikunu qed jidħlu għal din il-ħidma matul is-sessjoni plenarja ta’ Lulju, ser ikomplu minn fejn ħallejna aħna l-Ewroparlamentari li l-mandat tagħna wasal fi tmiemu. B’dan il-mod, hemm sens ta’ kontinwità.
Filwaqt li nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lil Membri Parlamentari Ewropej kollha li għadhom kemm ġew eletti sabiex bl-isforzi tagħhom jaħdmu favur Ewropa aktar ġusta, nappellalhom sabiex fil-ħidma tagħhom matul is-snin li ġejjin iżommu dejjem f’moħħhom il-bżonn li f’kull ħaġa li ssir fuq livell Ewropew ma jintilef qatt il-kunċett li din il-ħidma trid tkun b’risq in-nies.
L-esperjenza għallmitni li huwa r-rwol tal-Membri Parlamentari Ewropej li jkunu l-ewwel difensuri tal-popli li jirrappreżentaw u li fejn meħtieġ m’għandhom jiddejqu xejn iduru fuq il-gvernijiet Nazzjonali fil-Kunsill kif ukoll fuq il-Kummissjoni Ewropea u jrażżnuhom fl-entużjażmu tagħhom li jindirizzaw il-krizi finanzjarja li ħakmet l-ekonomija Ewropea u dik mondjali matul dawn l-aħħar snin b’miżuri ta’ awsterità. Li ma nħallux l-Unjoni Ewropea titmexxa f’reġim tal-kalkjulator billi nħarsu biss lejn il-karta bilanċjali u ninsew li kull miżura li tittieħed tolqot fil-laħam il-ħaj ta’ mijiet tal-eluf jekk mhux miljuni ta’ persuni huwa d-dover li nemmen li kull Membru tal-Parlament Ewropew għandu jieħu fuqu sa mill-ewwel mument li jirfes l-għatba tal-Parlament fi Strasburgu jew Brussell.
Fiż-żmien li kelli l-opportunità li nkopri dan ir-rwol jien hekk ipprovajt nagħmel. Kien żmien qasir li tar malajr. Imma kien żmien ukoll li għallimni ħafna. Għaliex il-mod kif issir il-politika f’Malta għadu ’l bogħod ħafna mill-mod kif din issir fuq livell Ewropew. Inħares ’il quddiem b’tama kbira li fir-rwol il-ġdid tiegħi ta’ President ta’ Nisa Laburisti jkolli l-opportunità li npoġġi din l-esperjenza miksuba għall-aħjar interess ta’ Malta u l-Maltin u l-Għawdxin fl-iżvilupp ta’ politika anqas bipolari fejn id-djalogu u l-iskambju tal-ideat ikunu fiċ-ċentru ta’ kif infasslu l-politika fostna.