Sfida fl-edukazzjoni
Minn Claudette Abela Baldacchino
Ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet dan l-aħħar. Ħadt gost nara fuq il-mezzi soċjali ġenituri jfaħħru r-riżultati ta’ wliedhom. Imma ħsibt fit-tul, għaliex jien kont ukoll studenta matul iż-żmien. Min jaf x’ħassew dawk it-tfal u żgħażagħ li forsi weħlu f’xi suġġett u raw dawk il-posts kollha tifħir mill-ġenituri ta’ sħabhom. Għaldaqstant, minn hawnhekk nagħmel kuraġġ lil dawk it-tfal jew żgħażagħ li forsi weħlu minn xi suġġett. Taqtgħux qalbkom. Nagħmel kuraġġ lill-ġenituri tagħhom ukoll u nappellalhom biex anke huma jagħmlu kuraġġ lil uliedhom.
Nazzarda ngħid li wasal iż-żmien li tassew jittieħdu miżuri drastiċi fir-rigward ta’ dak li nemmen li huwa l-aktar fattur kruċjali fil-kamp edukattiv. Nitkellem ma’ bosta ġenituri li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja u li jibagħtu lil uliedhom f’diversi skejjel kemm pubbliċi kif ukoll privati. Dejjem joħroġ sentiment komuni; li l-kurrikulum mhux adegwat biex jipprepara lit-tfal u ż-żgħażagħ għall-isfidi tal-lum u ta’ għada. Hemm frustrazzjoni kbira dwar kemm it-tfal qed ngħallmuhom jaħsbu filwaqt li l-ġirja kontra l-ħin sabiex jitgħallmu bl-amment hija frustrazzjoni mhux biss għalihom iżda wkoll għall-ġenituri tagħhom. Anke f’livell avvanzat ta’ tagħlim għad hemm din it-tendenza li jkollna kurrikulum vast ħafna mimli b’dettalji esaġerati u bi ftit opportunità ta’ ħsieb kritiku jew ta’ approfondiment fis-suġġett.
L-istress qed jikber fuq kulħadd, u nemmen li għandna opportunità li nirriflettu u naraw kif nistgħu nirranġaw din is-sitwazzjoni. Iddejjaqni bil-kbir li nisma’ stejjer ta’ tfal, anke ta’ età żgħira, li tant diġà huma stressjati li jitkellmu dwar qtiegħ ta’ qalb. Nara statistiċi dwar tfal u żgħażagħ li qegħdin ifittxu refuġju fid-drogi u fix-xorb. Nisma’ bi stejjer ta’ tfal u żgħażagħ li qegħdin jikkawżaw ġrieħi fuqhom infushom. Dan kollu mhux sew u aħna bħala soċjetà għandna obbligu li nieħdu dawk il-miżuri kollha sabiex inwaqqfu din it-tendenza. Forsi tgħiduli qed niġġeneralizza. Jista’ jkun, iżda dawn huma kollha realtajiet.
Nemmen li hemm bżonn ta’ rieda ċara li jkun fl-aħjar interess ta’ kulħadd li s-sistema edukattiva ma tibqax iffukata biss fuq firxa wiesgħa ta’ informazzjoni iżda aktar fuq it-tagħlim tal-għodda meħtieġa għall-proċess ta’ analiżi u ħsieb. Hemm bżonn li nfasslu sistema li tiffoka fuq anqas materjal iżda b’aktar profondità. Fi kliem ieħor ninħtieġu sistema edukattiva li tassew tagħti lill-istudent il-possibbiltà li jitgħallem u jikber.
Hemm bżonn li nagħtu lok għal aktar żvog għal kreattività, għal kurżità naturali li jkollhom it-tfal sabiex jesploraw u jistaqsu. Iż-żmien tal-edukazzjoni li tiffoka biss fuq fatti mitgħallma bl-amment għadda. Nemmen ukoll li spiċċa ż-żmien li niġġudikaw kemm taf studenta skont kemm tkun kapaċi tirriproduċi fil-karta tal-eżami dak li ġiet mgħallma fil-klassi. Nemmen li sabiex jiġu megħluba l-isfidi tas-seklu 21 għandna bżonn ta’ persuni li jkunu kapaċi jaħsbu, janalizzaw u jieħdu d-deċiżjonijiet.
Meta nitkellmu dwar il-qasam edukattiv, hemm bżonn li ma ninsew qatt li l-iskejjel mhumiex xi garaxxijiet fejn nipparkjaw lil uliedna għal numru ta’ sigħat kuljum. Hemm bżonn li nifhmu wkoll li l-għalliema mhumiex xi parking attendants inkarigati sabiex jaraw li għal dawk is-sigħat dawn it-tfal ma jiġrilhom xejn.
L-iskejjel tagħna għandhom potenzjal enormi, jeħtieġ ngħelbu l-isfidi. Ikun tajjeb li nevalwaw dak li se jsir mis-sena skolastika li jmiss meta se jkun hemm suġġetti lill-istudenti kollha tal-ewwel sena fl-iskejjel medji. Is-suġġetti jvarjaw minn edukazzjoni fiżika, home economics, arti, mużika u disinn u teknoloġija. Nittamaw li dan kollu jkun għall-aħjar.
PES WOMEN
Huwa ta’ nkoraġġiment kbir nara lill-Forum Żgħażagħ Laburisti għaddejjin bl-inizjattiva tal-kamp tas-sajf taħt il-kappa tal-IUSY – l-International Union for Socialist Youth. Hija inizjattiva li se tiġbor fiha eluf ta’ żgħażagħ biex flimkien jiddiskutu, joħorġu bl-ideat u anke jikbru fil-politika. Dan huwa lok għal żvog, għal kreattività. Nemmen li f’dan il-festival li tant ilhom jippreparaw għalih l-FŻL se jkun hemm punti li wieħed għandu jevalwa biex jiddiskuti l-mod ta’ kif bih qed tinbidel is-soċjetà b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ. U la qed nitkellem dwar il-kamp tas-sajf tal-FŻL ma nistax ma nsemmix kif għal din l-akbar attività tal-FŻL se tkun qed tattendi wkoll il-President tan-Nisa tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej Zita Gurmai. Zita kienet kollega wkoll fil-Parlament Ewropew. Tkellimna kemm-il darba jien u hi dwar pajjiżna, dwar dak li qed jiġi introdott minn Gvern Laburista, fosthom ħarsien tat-tfal b’xejn għat-tfal taħt it-tliet snin. Zita kienet ukoll issorprendiet ruħha għaliex filwaqt li pajjiżna sa ftit ilu kien fl-aħħar tal-lista fejn jidħlu l-miri ta’ Barċellona dwar iċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal taħt it-tliet snin, illum jinsab fil-quċċata u sar l-għira tal-Ewropa. Miż-żjara tal-PES Women, il-President Zita Gurmai, se nieħdu l-opportunità aħna wkoll bħala NL – Nisa Laburisti u fit-22 t’Awwissu se nkunu qed norganizzaw konferenza bit-tema “Women - Leaders in an evolving society’’. Hija tema kurrenti li żgur se tħalli lok għal diskussjoni mhux biss bejn il-membri tal-eżekuttiv tagħna, iżda wkoll bejn dawk kollha li se jattendu għal din il-konferenza. Qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nkabbru l-koperazzjoni li diġà teżisti mal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej anke f’oqsma ta’ ugwaljanza. Din hija sfida kbira quddiemna, madankollu nħarsu ’l quddiem biex dawn ir-relazzjonijiet jitkattru u jħallu r-riżultati meħtieġa.
Claudette Abela Baldacchino hija l-President tan-Nisa Laburisti