L-Ukranja: bejn il-Punent u l-Lvant
Minn Karl Littlejohn
Fl-1991 Len Karpinski fuq il-Moscow News kien qal li ħafna Russi huma konvinti li mingħajr l-Ukranja mhux talli ma jkunx hemm Russja dominanti, imma lanqas Russja ma jkun hemm.
Għal ħafna Russi l-Ukranja hi f’qalbhom għal raġunijiet storiċi, kulturali u ta’ identità. Din teħodna żgur lura fis-seklu 9 meta kienet ġiet imwaqqfa l-Kievan Rus, li kien territorju li jestendi mill-Baltiċi sar-reġjun tal-Baħar l-Iswed. Il-Kievan Rus huwa mifhum li ta l-leġittimità għal eżistenza tar-Russja, u ngħid għaliex. Fis-seklu għaxra n-neputi tal-prinċipessa Olga ta’ Kiev, Vladimir il-Kbir, fid-988 ipproklama l-Kievan Rus bħala stat nisrani. Dan tal-aħħar huwa mifhum li tat il-bidu għal Knisja Ortodossa Russa. Storiċi magħrufa bħal ngħidu aħna Nikolai Karamzin u Sergey Solovyev kienu jsostnu li l-Great Duchy ta’ Vladimir li kienet prinċipalità mwaqqfa fil-Kievan Rus fl-1157, u li wkoll hi mifhumha fejn twieldet il-lingwa Russa, wara żviluppat fil-Great Duchy ta’ Moscow u b’hekk ġiet ikkunsidrata s-suċċessura kulturali tal-Kievan Rus. Kienu dawn l-istoriċi, fost oħrajn, li emmnu li r-Russja bdiet mill-Kievan Rus.
Fl-aħħar tas-seklu 17, wara l-gwerer ta’ Ażov, ir-Russja taħt it-tmexxija ta’ Pyotr Alexyevich jew magħruf aħjar bħala Pietru l-Kbir ħarġet bħala forza potenti marittima fil-Baħar l-Iswed. Qabel is-seklu 20 ħafna mill-Ukranja tal-lum kienet magħrufa bħala ‘Little Russia’ (Malorossiya bir-Russu) għar-Russi. Il-kelma ‘Ukranja’ kienet bdiet tintuża minn bosta kittieba fis-seklu 17 biex jippruvaw iqajmu kuxjenza nazzjonali Ukrena. Il-kelma ‘Malorossiya’ hi offensiva ħafna għan-nazzjonalisti Ukreni tal-lum.
Wara l-gwerra Russo-Ottomana fl-1774, ir-Russja ħadet parti sostanzjali fin-naħa ta’ fuq tal-Baħar l-Iswed, parti li saret magħrufa bħala ‘ Novorossiya’ li ’l quddiem inkludiet l-iżvilupp ta’ portijiet bħal dawk f’Nikolayev u Odessa. Dan tal-aħħar kien sar l-ikbar port kummerċjali u ekonomiku għall-imperu Russu. Kien fl-1783 li l-Krimea ġiet magħquda mal-imperu Russu taħt it-tron ta’ Katrina l-Kbira. Fl-istess sena, Sevastopol - belt fil-Krimea - bdiet tiżviluppa u ġiet port militari maġġuri fil-Baħar l-Iswed għar-Russja.
Kif wieħed jista’ josserva l-Ukranja tfisser ħafna għar-Russi mil-lat storiku, kulturali u ta’ identità u hi magħġuna sew fin-nostalġija tagħhom. Ħafna Russi ma jistgħux jirrikonoxxu l-fatt li l-Ukranja hi stat indipendenti maqtugħ mir-Russja. Din ġiet imsejħa bħala d-‘Divorce Syndrome’ mill-eks dipolmatiku Russu Aleksandr Bovin. Skont hu, hu kien jaf li l-Ukranja hi indipendenti u reġjun bħal Krimea kienet f’art barranija, imma emozzjonalment kien isibha diffiċli biex jafaċċja din ir-realtà. Bovin jirrimarka wkoll li ħafna mit-tensjonijiet bejn Moska u Kiev, huma minħabba li din id-‘divorce syndrome’ hi sew fl-elites Russi. Jemmen li kien hemm żewġ possibiltajiet għar-relazzjonijiet bejn l-Ukranja u r-Russja: jew li r-Russja taċċetta li l-indipendenza Ukrena kienet żball, li kien hemm misinterpretazzjoni fil-passat, u t-tama li din is-sitwazzjoni tiġi riversjata, jew inkella taċċetta li l-Ukranja hi stat indipendenti, tmexxi d-destin tagħha u r-Russja jkollha tadatta ma’ dik it-tip ta’ Ukranja.
Mis-seklu 20 ’l hemm anke l-mexxejja u d-diplomatiċi tal-Punent irrikonoxxew l-importanza tal-Ukranja għall-eżistenza tar-Russja. Fil-bidu tas-seklu għoxrin il-Ġeneral Ġermaniż Paul Rohrbach qal li biex telimina t-theddida tar-Russja lill-Ewropa, u speċjalment lill-Ġermanja, trid tneħħi kompletament l-Ukranja Russa.
Anke Zbigniew Brzezinski li kien il-konsulent tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni ta’ Jimmy Carter, emmen li l-Ukranja m’għandhiex tintilef la mill-Punent u lanqas mir-Russja. Brzezinski kien jemmen ukoll li mingħajr l-Ukranja, ir-Russja tispiċċa bħala imperu, imma jekk l-Ukranja tibqa’ hemm (mar-Russi), ir-Russja awtomatikament tiġi imperu.
Fl-eqqel tal-kriżi li għaddejja bħalissa fl-Ukranja, in-NATO u l-Punent għandhom interess biex iqaċċtu l-Ukranja mir-Russja. Il-Punent jemmen f’dak li jemmen Brzezinski biex jinkoraġixxi Ukranja ‘indipendenti’ u ’l bogħod mir-Russja. Niftakru li l-Ukranja hi f’qagħda ġeostrateġika tajba li fiha ħafna benefiċċji għall-Punent. Din kienet fiċ-ċentru tad-duttrina ta’ Brzezinski għax kien emmen li r-Russja kellha tiġi eskluża, u b’hekk kienet iktar faċli għal Punent biex jikkontrolla l-‘Eurasian Balkans’ li testendi mill-baħar Caspian li fih ħafna riżorsi naturali bħal gass u ż-żejt, saċ-Ċina.
L-importanza tal-Ukranja hi kemm għal punent, kif ukoll għar-Russja. Għaldaqstant fuq il-karta jidher li għandhom interessi differenti. L-argument li l-Ukranja qiegħda f’qagħda ġeostrateġika tajba ma jistax jiġi mwarab. Fejn għar-Russja l-Ukranja tfisser l-istorja, il-kultura u ultimament l-identità li sawritha, għal Puntent hi kruċjali għall-espansjoniżmu lejn il-Lvant u l-Asja, u biex iwaqqaf il-qawmien tar-Russja. Ta’ min wieħed ifakkar li l-interessi tar-Russja jistgħu jmorru lil hinn mill-istorja u l-identità fl-Ukranja.