Vrus mhux miktuba


 

It-terremot fil-Knisja Maltija fis-sena 2014 jaf il-bidu tiegħu fit-30 sena ta’ żufjett ekklesjastiku tal-predeċessur tal-Arċisqof attwali
It-terremot fil-Knisja Maltija fis-sena 2014 jaf il-bidu tiegħu fit-30 sena ta’ żufjett ekklesjastiku tal-predeċessur tal-Arċisqof attwali

Kull mexxej imdaħħal fis-snin u li jkollu ħin jixtarr l-imgħoddi tiegħu jintebaħ b’toqob li seta’ sadd u ħalla miftuħa. Jiġri xi drabi jekk mhux ħafna drabi li toħroġ kitba aktarx fit-tul tfaħħar lill-mexxej u tintiseġ bil-għaqal biex jogħxa l-qarrej u jieħu pjaċir l-istess mexxej għall-kisbiet li jkun ġab jew li jaħseb li jkun ġab. Għalhekk jinkitbu l-awtobijografiji, il-memorji u l-bqija sejħilhom li trid.

Qajla iżda ssib miktub dak li b’rieda ħielsa, tkisser, tmermer u tfarrak mill-mexxej bl-għemil sħiħ jew nofs kedda tiegħu fil-ħajjiet ta’ dawk li jistrieħu fuqu jew aħjar iridu minnu biex jimxu ’l quddiem. 

Nibda bil-kleru għax darba ridt insir wieħed minnhom u saħansitra dħalt fil-mixtla f’tal-Virtù fejn jitrawmu huma. Sa tfuliti f’raħli dejjem kont rajt qassisin li nbnew u kibru għax kellhom taqsima ċkejkna jew imdaqqsa jew bla tarf ċar li fiha huma jiżirgħu l-imħabba tal-Vanġelu. Fil-Knisja f’dal-każ dik Kattolika Latina ta’ Malta sa żmien Mikiel Gonzi u ftit wara kull qaddej t’Alla – il-qassis – kellu roqgħa tiegħu li fiha jaħdem u għalhekk dik li aħna ngħidulha r-reliġjon Kattolika kienet b’xi mod tinħass fis-soċjetà Maltija. 

Kien għalhekk li kullimkien fl-erbat irjieħ ta’ Malta kien hemm l-Azzjoni Kattolika u qassis jieħu ħsiebha, kien għalhekk li kien hemm l-oratorju u qassis fih kuljum, kien għalhekk li kien hemm id-domus li kienet il-mimmi t’għajn il-qassis, kien għalhekk li kien hemm każin li qassis iżuru sikwit mhux biss fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, kien għalhekk li kien hemm viċi aktarx mill-pajjiż jew inkella tant midħla tan-nisġa tar-raħal jew tal-belt li tista’ tqisu wieħed minnhom għax sar jaf in-nies mit-twelid sat-tebut. 

Illum dan kollu spiċċa għax kif Ġużeppi Mercieca ħa tmun f’idejh fix-xahar tal-mejtin tas-sena 1976 bdew bil-mod il-mod u bil-pulit jitnaqqru dawn il-qassisin. Ir-responsabbiltà qisha ma baqgħetx fil-persuna tal-qassis għax meta miet jew tmejjel ħadha l-arċipriet jew il-kappillan li sar il-bniedem li għandu kollox f’idejh bil-barka ta’ fuq. 

Biż-żmien imma ġralhom bħal ħattaf li ried iżomm il-bajd kollu għalih u spiċċa biex għaffiġhom ma’ sidru biex ma jċedix imqar waħda. Għalhekk il-ħidmiet marru lura u ma baqax interess u ġibda daqstant lejn il-knisja tal-ġebel u tal-erwieħ. Bl-iskuża li ebda profeta mhu milqugħ f’pajjiżu l-viċijiet ma baqgħux minn raħalhom u kif idoqq nofsinhar u l-Ave Marija tarahom idabbru rashom lejn id-dar għax ix-xogħol ikun lest. 

Mercieca bla ma jaf, jew jaf imma jilgħabha li ma jafx, jew jaf imma jixtieq li ma jafx wara tletin sena ta’ ċaqliq bla sens ta’ qassisin qatagħhom minn għeruqhom u bidilhom f’impjegati. Ara hu baqa’ l-palazz tal-Imdina għax il-qdusija għal ħaddieħor riedha mhux għalih innifsu.

Meta kont żgħir Santa Marija kienet issaħħarni. Il-15 t’Awwissu għalija kien il-veru Jum Nazzjonali li kull Mosti jħobb, il-jum tal-memorja li jgħaqqadni ma’ missirijietna, il-jum il-ħelsien veru minn dan il-wied tad-dmugħ. Dari n-nies emmnu dan u minkejja li kien bil-but imtaqqab u bla qorq u żarbun taw b’imħabba l-uniku żewġ ħabbiet li kellhom u ġiebu statwa, mant, bradella, pittura jew kuruna huma ħassewhom magħqudin. Illum dan kollu jgħidulu nesperjenzaw il-komunità ħalli jaqbadna t-textix. 

Ġara iżda li fi żmien Mercieca dawn l-imberkin vari u statwi ma baqgħux dak li kienu dari jiġifieri x-xbihat tad-divin biex lil Alla, lil ommu u lill-qaddisin iħossuhom viċin u jgħaqqdu għalhekk lil bnedmin. Bil-mod il-mod il-vara saret l-għasluġ li r-rgħajja/ragħaj jużaw ħa jheddu lil min jemmen. Sa xbiha tal-feddej mgħobbi bil-għuda tqiegħdet f’niċċa fi triq ewlenija f’belt Pinto biex meta tgħaddi quddiemha tiftakar fit-trijonf ta’ ħakem li għalaqlek il-bieb f’wiċċek f’isem Alla. Mhux hekk biss imma tal-kurja jixluk li l-firdiet fis-soċjetà nibtu minħabba t-trikki trakki u l-kartapesta.

Bl-istess manjiera każini ta’ banda jħabirku għat-tisbiħ tal-festa kienu mwerwrin minħabba l-biża li l-festa titħassar minn xi kapurjun tal-knisja u demmhom taħt il-blat sakemm tgħaddi l-festa b’wiċċ il-ġid. X’jimpurtana mid-dritt ċivili li kull bniedem u kull nisrani għandu l-jedd li jfisser twemminu b’mod reliġjuż u mhux bilfors spiritwali kif jifhmu tal-Knisja? Bi spiritwali qed nifhmu li int taparsi temmen imma fil-fatt riżultat m’hemm xejn għax ikun iżjed stħajjil tal-moħħ milli verità.

Kristu ġie biex jgħaqqad il-bnedmin m’Alla u ma’ xulxin u biex għamel hekk l-aħħar qatra ta’ demmu tahielna fuq is-salib. Kien hemm min silet minn dan it-tagħlim u ħareġ bl-għajta ‘ilkoll aħwa fi Kristu’. Tgħid mhux hekk! Wara sittin sena tal-ġlieda politiko-reliġjuża l-Labour baqa’ antiklerikali daqs bħal qatt qabel u n-Nazzjonalisti qed jiddakkru minnhom. 

Dan hu s-suċċess tat-tattika ta’ Mercieca li hu kien jgħidilha prudenza. Iżda l-ikbar wirja ta’ kemm l-għajta lkoll aħwa fi Kristu kienet fjask hu kif il-qassisin stess illum wara l-isplużjoni tal-Imġarr saru qishom aġenzija tal-aħbarijiet. Sirna qisna dar mifruda li biex tkun taf x’qed ifassal u jippjana ħuk li joqgħod taħt l-istess saqaf jew jitqarben miegħek mill-istess mejda tal-Bambin trid titkixxef zekzik in-nies jew taqra artikli anonimi fil-gazzetti. L-għidut sar il-ħobża ta’ kuljum u hekk il-bxara saret qisha ċaqsa niexfa bla ruħ. Taqta’ minn hawn, taqta’ minn hemm, issodd hawn u jinfetaħ beraħ hemm bħal dgħajsa tagħmel l-ilma minn kullimkien. 

Dan hu l-wirt li sab ma’ wiċċu Pawlu Cremona li bis-sofferenza tiegħu t’issa qed juri kemm hu ragħaj għax it-tmexxija bis-salib turiha u mhux bil-Makjavelliżmu bħal ta’ qablu mlaqqma prudenza. It-terremot fil-Knisja Maltija fis-sena 2014 fi żmien Pawlu Cremona Dumnikan jaf il-bidu tiegħu fit-30 sena ta’ żufjett ekklesjastiku tal-predeċessur tiegħu. 

Dawn huma l-vrus li nħbew għax mhux ta’ quddiem in-nies. Dawn huma l-vrus miktuba bl-uġiegħ tan-nies, bid-dmugħ tal-qassisin, bil-krib ta’ nsara qalbhom maqsuma u oħrajn għax huma aħwa ma’ Kristu u mhux aħwa ma’ ħaddieħor. 

Qalleb il-ktieb ktibun tat-tifkiriet u ftakar li bejn vers u ieħor hemm l-għerien moħbija li fihom l-għadam u t-tbatija, hemm il-moffa tan-nuqqas ta’ mħabba, hemm it-telqa ta’ min twarrab għax emmen f’Alla. Aqleb u aqra u emmen li quddiem għajnejk m’hemmx is-sewwa magħruf. Ibni jekk int temmen itlob, jekk ma temminx ħu erba’ grokkijiet biex almenu jkollok l-ispirtu, mill-bqija jekk ma jinteressakx aqra dawn id-disa’ mitt kelma li nkitbu minn ruħ fil-purgatorju li sabet il-ħelsien. 

More in Il-punt