It-triq iebsa tal-pensjonant
minn Albert J. Tabone
Bħala l-President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti bejn l-1993 u l-2006, kif ukoll l-ewwel bħala Segretarju u wara bħala ċ-Ċermen tal-Alleanza ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Pensjonanti (AOP) bejn l-2001 u l- 2009, ħadt sehem f’diversi laqgħat ma’ ministri dwar pensjonijiet. Sa kmieni fl-2013 bqajt nipparteċipa f’laqgħat simili bħala konsulent.
Jekk twarrab il-kliem sabiħ, tasal għal konklużjoni li ħafna politiċi jippreferu jaħarbu mill-bidliet serji meħtieġa biex pensjonanti tal-lum u ta’ għada jirċievu pensjoni adekwata li tippermettilhom iżommu l-livell ta’ għixien li kienu draw bih.
Dawn il-bidliet jinkludu li:
kull min qiegħed fuq il-pensjoni minima nazzjonali jirċievi pensjoni ta’ mhux anqas minn 60% tad-Dħul Medjan Nazzjonali. B’hekk jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ f’riskju ta’ faqar.
issir ġustizzja ma’ dawk li mill-1979 sal-lum, effettivament qegħdin jiċċaħdu minn ammont ugwali għal pensjoni tal-post li jkunu qed jirċievu.
li l-ogħla pensjoni li titħallas mis-Sigurtà Soċjali ma tibqax maqtugħa għal kollox mil-livell ta’ pagi eżistenti fil-pajjiż minn żmien għal żmien.
Dan hu ftit ’il bogħod mill-proposti xejn realistiċi li għamlu l-burokratiċi tal-Bank Dinji u tal-Unjoni Ewropea li m’għandhomx għaliex jinkwetaw meta jmiss lilhom li jirtiraw, għaliex l-iskemi tagħhom huma indiċjati u marbuta mal-livelli salarjali.
Li ma jkunx hemm riskju ta’ faqar meta d-dħul ma jkunx anqas minn 60% ta’ Dħul Medjan Nazzjonali ġie stabbilit minn Nazzjonijiet Uniti u mill-Organizzazzjoni għal Ko-operazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD). L-istess formula hi aċċettata u applikata mill-Unjoni Ewropea. F’sottomissjonijiet li saru mill-AOP lill-Grupp ta’ Ħidma dwar Pensjonijiet fl-2004, saret talba biex il-formula tkun applikata f’Malta minnufih.
Fil-fatt, il-liġi tal-2006 daħħlet Pensjoni Minima Nazzjonali Garantità (PMNG) ta’ 60% tad-Dħul Nazzjonali Medjan. Sfortunatament tapplika biss għal dawk li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara. Fi kliem ieħor, se jibbenefikaw dawk li jirtiraw mill-1 Jannar 2027 ’il quddiem. Jekk xi ħadd li twieled fil-1962 ikorri fuq ix-xogħol u jkollu jirtira kmieni jieħu l-PMNG li llum tfisser madwar €175 fil-ġimgħa.
Imma koppja miżżewġa mweldin qabel l-1962, tieħu biss l-Pensjoni Minima Nazzjonali ta’ madwar €135 fil-ġimgħa. Din id-differenza ta’ €40 fil-ġimgħa tagħmel il-koppja tal-aħħar foqra. Altru minn koppja f’riskju ta’ faqar!
“L-aktar inġust kien it-tnaqqis mill-ammont ta’ pensjoni tas-Sigurtà Soċjali ta’ xi dħul minn xi pensjoni tas-servizz”
Min jiggverna donnu ma ntebaħx li l-pensjonanti tal-lum u dawk li se jirtiraw sal-31 Diċembru 2026 ukoll għandhom dritt jgħixu ħajja diċenti, u li l-Istat għandu obbligu jassigura dan.
L-introduzzjoni tal-pensjoni ta’ żewġ terzi tal-paga għal kulħadd fl-1997 kienet miżura meħtieġa. Biss bħal miżuri oħra ta’ dak iż-żmien kellha elementi negattivi. L-aktar inġust kien it-tnaqqis mill-ammont ta’ pensjoni tas-Sigurtà Soċjali ta’ xi dħul minn xi pensjoni tas-servizz (jew tal-post). Dan kien serq sfaċċat min-naħa tal-Istat. Serq li għadu jsir sal-lum u jibqa’ sejjer sakemm titneħħa din l-inġustizzja b’emenda fil-liġi. Billi jitnaqqsu €200 f’sena, kif sar mill-2013, ma naslu qatt.
Niġu għaċ-ċajta tal-pensjoni ta’ żewġ terzi! Għalkemm il-liġi titkellem dwar żewġ terzi, għal ħafna snin l-ogħla pensjoni li kienet tingħata kienet anqas minn żewġ terzi tal-Ogħla Dħul Pensjonabbli (ODP). Minn Jannar 1981, l-ODP sar €15,723. Minkejja li l-friża fuq il-prezzijiet u l-pagi spiċċat fl-1988, l-ODP beda jiżdied biss mill-2005 meta ma setax isir mod ieħor minħabba ż-żiediet annwali għall-għoli tal-ħajja (COLA).
Mill-2005 l-ODP beda jiżdied bl-ammot ta’ COLA kull sena. Peress li din tinħadem fuq l-inflazzjoni fuq il-paga soċjali (il-paga minima magħduda mal-assistenza soċjali), min jirtira b’paga ogħla mill-paga soċjali jmur minn taħt, għax kull sena li tgħaddi jara l-livell tal-għejxien tiegħu jitbiegħed dejjem aktar minn dak li kien imdorri bih.
Biżżejjed li wieħed jgħid li kieku mill-1981 l-ODP żdied bir-rata ta’ l-inflazzjoni, kieku llum jaqbeż €34,000, ftit anqas mid-doppju tas-€17, 700 li nieħdu llum. Biż-żidied tal-COLA biss, kien jaqbeż il-€21,000. Hawn ukoll meħtieġa il-ġustizzja!
L-AOP u l-għaqdiet ta’ pensjonanti, għamlu proposti dettaljati biex il-qagħda titranġa tul medda ta’ snin. Mhux lok hawn li nidħol f’dettalji ta’ x’ġie propost. Nassigurakom li konna responsabbli f’dak li tlabna. Ġa għaddew 17-il xahar mill-elezzjoni tal-2013 u s’issa ftit jew xejn ma rajna progress fejn għandhom x’jaqsmu l-pensjonijiet.
Jekk fl-estimi għas-sena 2015 ma jingħatax bidu għal soluzzjonijiet għal kull waħda mit-tliet problemi li semmejt fil-bidu, wieħed ikollu raġun jikkonkludi li altru li kull persuna tgħodd, altru li ħadd m’għandu jitwarrab.
M’hemmx għalfejn infakkar li progress ekonomiku għandu sinifikat biss jekk jiġi utilizzat għall-benefiċċju ta’ soċjetà kollha kemm hi inklużi l-pensjonanti. Forsi mhux żejjed ngħid li hi pensjoni adekwata tal-ewwel kolonna li tista’ tiżgura għejxien ta’ livell xieraq lil persuni rtirati. Lanqas ma nkun qed nonqos jekk ngħid li pensjoni tat-tielet kolonna hi biss għal min għandu l-mezzi biex ifaddal. Hemm għexieren ta’ eluf li ma jistgħux ifaddlu. U dan la għax huma għażżenin u lanqas għax ma pruvawx ifaddlu.
Nittamaw li fl-aħħar it-triq iebsa li l-pensjonant kellu jimxi s’issa tittaffa u l-ġustizzja soċjali li ilha tant imwiegħda, fl-aħħar titwettaq u kemm jista’ jkun malajr. Stennejna biżżejjed!