Lezzjonijiet għal-lasta!
Ma tgħallmu xejn mhux biss għaliex il-prodott mhu ġdid xejn iżda wieħed li ppruvaw jikkupjaw mill-Partit Laburista
Matul tmiem il-ġimgħa li għadda rajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni bil-kmiem tal-qmis imxammrin jipprietka quddiem miġemgħa partitarji, stħajjiltu Steve Jobs jipprova jbiegħ xi prodott teknoloġiku ġdid. Il-problema ta’ Simon Busuttil jidher li ma tantx irnexxielu jsolviha malajr bil-lezzjonijiet tal-privat li ġegħluh ipoġġi għalihom l-istrateġisti tad-Dar Ċentrali. Ma tgħallmu xejn mhux biss għaliex il-prodott mhu ġdid xejn iżda wieħed li ppruvaw jikkupjaw mill-Partit Laburista iżda għaliex deher biċ-ċar li l-qoxra dekorattiva l-ġdida li ppruvaw iżejnu biha lill-Kap tagħhom ftit li xejn ġabet bidla fl-istil ta’ politika addottat minnu matul dawn l-aħħar jiem.
Bidlu ħafna wċuħ mill-kamra tal-aħbarijiet iżda l-messaġġ baqa’ wieħed identiku, negattiv u distruttiv. Pruvaw jibdlu u baqgħu l-istess għaliex il-bidla kienet biss waħda kożmetika, waħda għad-dawl tal-cameras u r-ritratti, bidla li qabel tibda verament tinħass mill-poplu trid tkun waħda magħmula b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza politika.
Lezzjoni fil-Konsistenza – minn konservattivi għal partit radikali?
Żgur li Partit Nazzjonalista bir-reġiment ta’ deputati u uffiċjali li għandu fil-preżent, attivisti li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienu qed jitkellmu kontra l-aktar drittijiet bażiċi bħal introduzzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ċivili u d-divorzju ma jistgħux jiddiskutu b’mod liberu u frank suġġetti bħal ewtanasja u l-abort.
Nemmen li qabel jibda jiddiskuti dawn is-suġġetti l-Partit Nazzjonalista għandu l-ewwel u qabel kollox jagħmel apoloġija mad-diversi minoritajiet f’pajjiżna, l-ewwel u qabel kollox lill-komunità LGBTI tal-weġgħat li kkawża fid-diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ aktar drittijiet wiesa’ favurihom. Qabel jagħmel dan żgur li l-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jiġi fdat sabiex imexxi diskussjoni dwar libertajiet oħra li huma ferm aktar radikali u kontroversjali mid-drittijiet ċivili ġodda li ħadem favurihom gvern Laburista matul dawn l-aħħar snin. Il-libertajiet ċivili m’għandhom qatt jintużaw bħala lixka elettorali għall-elementi liberali!
Privat fl-Ekonomija
Jidher li Simon Busuttil għadu ma poġġiex għal-lezzjonijiet tal-privat fl-ekonomija, jew jekk poġġa għalihom baqa’ ma tgħallem xejn! Malli semgħu li l-gvern se jkun qed jagħti żieda ta’ 58ċ fil-ġimgħa bħala żieda għall-għoli tal-ħajja malajr fetħu l-kanuni sabiex jisparaw bl-addoċċ u jirbħu xi żewġ punti politiċi. Ftaħru fuq li ftaħru li fi żmienhom, bil-livell għoli ta’ inflazzjoni li ħolqu, wassal sabiex il-mekkaniżmu tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja kien ferm għola mill-58ċ li se jagħti l-gvern f’dan il-baġit.
Dan kollu f’numri jfisser li llum il-ġurnata gvern ġdid irnexxielu jniżżel il-livell ta’ inflazzjoni għall- 0.3%, l-inqas rata rreġistrata fl-aħħar 30 sena. Rata li hija disa’ darbiet inqas mir-rata ta’ inflazzjoni medja (2.6%) matul l-aħħar ħames snin ta’ gvern Nazzjonalista. Dan kollu jkompli jiġi kkonfermat meta skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru jidher li filwaqt li taħt l-amministrazzjoni preċedenti kienu 63% tal-familji li kienu nkwetati fuq l-għoli tal-ħajja, llum din ir-rata niżlet għal 26%. Turija oħra ċara tal-istabilità fil-prezzijiet li ġab miegħu Gvern Laburista.
Huwa għalhekk li jidher ċar li Simon Busuttil jew ma fehem xejn mil-lezzjonijiet li ngħata fl-ekonomija, fil-fatt propona biss ħaġa waħda, dik li jżid il-bolla għall-ħaddiema u għal min iħaddem, żball ieħor li kieku twettaq mill-gvern kien se jerġa’ jitfa’ piżijiet kbar fuq il-ħolqien tal-ġid f’pajjiżna.
Lezzjoni elementari fil-qasam tal-enerġija
Missieri jgħidli li l-agħar forma ta’ injoranza hija dik ta’ min ma jkun jaf xejn u jippretendi li jaf ħafna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux talli ma jaf xejn talli mingħalih jaf ħafna u qed jipprova jgħallem lill-Gvern kif għandu jimxi. Żgur però li jekk xi ħadd irid jieħu xi lezzjoni dwar l-enerġija l-aħħar alternattiva li jista’ jdur fuqha hija l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Oppożizzjoni li l-unika viżjoni li kellha fuq dan il-qasam kienet dik li tixtri powerstation minn fuq il-Yellow Pages. Oppożizzjoni li kieku reġgħet ingħatat il-fiduċja tal-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienet tispiċċa tagħmel mill-Enemalta storja oħra bħalma ġara bit-Tarznari tagħna.
Id-differenza bejn dan il-gvern u l-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam hija waħda bażika, serjetà u professjonalità fit-tmexxija. Ħdimna sa mill-ewwel ġurnata biex nagħmlu mill-Enemalta mhux biss kumpanija li tkun finanzjarjament waħda sostenibbli iżda wkoll kumpanija li tkompli tiġġenera x-xogħol u wara diversi snin tiġġenera wkoll profitt. Ħdimna sabiex bl-investiment tal-Kumpanija Ċiniża Schangai Electric u kif wkoll il-Consortium Electro Gas ninvestu f’power station li taħdem b’enerġija aktar nadifa u kif wkoll b’mod aktar ekonomiku.
Waqajna ftit xhur lura għaliex illum fil-formula “Enemalta” hemm investituri barranin li huma sieħba strateġiċi magħna li huma wkoll qed ipoġġu fuq il-mejda tad-diskussjonijiet. Però dak li wegħedna wettaqnieh, raħħasna l-kontijiet għall-familji u minn Marzu li ġej se nkunu qed nagħtu r-roħs ukoll lill-industrija u n-negozji. Madwar 30 miljun ewro aktar fil-bwiet tal-familji u 50 miljun ewro aktar fil-bwiet tal-industrija tagħna, injezzjoni pożittiva li wasslet ukoll sabiex inżommu l-livelli ta’ inflazzjoni taħt kontroll.
Lezzjonijiet supplimentari
Dan kollu huwa indikazzjoni ċara li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu bżonn ftit sigħat after-school mhux ħażin. Jidher li ma tgħallem xejn jew tgħallem ftit wisq mill-privat li ngħata, hemm bżonn li fl-interess tad-demokrazija Simon Busuttil jibda jaqdi rwol ta’ oppożizzjoni serja, oppożizzjoni li verament taqdi r-rwol kostituzzjonali tagħha, dik li verament tkun għarbiel għal dak li jressaq ’il quddiem il-gvern fejn bi kritika kostruttiva u li tagħmel sens tgħin u tiggwida lill-gvern fid-deċiżjonijiet li jieħu. Pajjiżna fl-aħħar elezzjoni ġenerali tana lezzjoni waħda, li jrid stil ta’ politika ġdida, però jidher biċ-ċar li din il-lezzjoni bażika Simon Busuttil baqa’ ma fehemhiex!
Dr. Alex Saliba hu l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti