“Aħna persuni b’diżabilità mhux diżabilità b’persuna”
"Il-ġenituri tiegħi kienu beżgħana iżda xorta ħallewni nieħu d-deċiżjonijiet kif ridt jien"
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ta’ kull sena tfakkar il-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabiltà b’diversi attivitajiet. Ewlenija fosthom, tant li kważi kważi nistgħu insejħulha tradizzjoni fi ħdan il-Kummissjoni, hija dik tal-pubblikazzjoni ta’ poster bi slogan jew tema differenti li jwassal messaġġ pożittiv fejn nidħlu aħna l-persuni b’diżabilità.
Xi ħaġa li lili minn dejjem laqtitni, hija kif dan il-messaġġ evolva maż-żmien. Dan l-islogan inqisu bħala s-sinjal taż-żminijiet ta’ meta sar u kull poster u slogan qishom dak li bl-Ingliż insejħu time capsule. Kull poster jiftaħ tieqa għad-dinja ta’ dak iż-żmien u kif kienet is-soċjetà dakinhar.
Għall-1988, il-messaġġ kien “Min hu l-Ħandikappat?” Ir-risposta għal din il-mistoqsija ingħatat is-sena ta’ wara bl-islogan, “Il-Ħandikappat hu wieħed minnha”. Hawnhekk ninnutaw li dak iż-żmien kienu jirreferu għalina bħala ‘ħandikappati’ mhux bħala ‘persuni b’diżabiltà’. Fil-fatt anki l-Kummissjoni kienet tal-ħandikappati, mhux tal-persuni b’diżabilità. Din il-bidla imbagħad saret aktar u fl-1993 l-islogan kien jisħaq fuq “Is-saħħa tal-Liġi”. Dan l-islogan kien imsaħħaħ bi kwotazzjoni ta’ Martin Luther King Jr li jgħid, “Il-liġi ma tibdilx il-qalb, imma trażżan lil min hu bla qalb.”
Maż-żmien il-messaġġ mess temi bħall-Opportunitajiet Indaqs, l-Aċċessibiltà, il-Ħajja Indipendenti, l-Inklużjoni, ix-Xogħol kif ukoll ir-Ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Il-messaġġ ta’ din is-sena jieħu laqta kemxejn differenti u jfisser ħafna għalija fuq livell personali. Jien twelidt b’diżabilità fiżika u l-ġenituri tiegħi bħal oħrajn li sabu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, beżgħu jħalluni nieħu deċiżjonijiet waħdi u li ngħix ħajti kif nixtieq jien. Iżda għalkemm il-ġenituri tiegħi kienu beżgħana, xorta waħda ħallewni nieħu d-deċiżjonijiet kif ridt jien, u b’hekk stajt nagħmel dak li xtaqt u kif ridt.
Minn mindu kont tifel, kelli ċ-ċans li mmexxi ħajti jien, ovvjament bil-gwida tal-ġenituri tiegħi, kif ukoll tal-għalliema. Għalfejn qed insemmi dan kollu? Qed insemmi dan peress li t-tema ta’ din is-sena hija “Id-Deċiżjoni tiegħi, il-Futur tiegħi”.
Jien nemmen li kulħadd għandu d-dritt u d-dmir li jagħżel x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għalih innifsu. B’hekk biss, wieħed jista’ jilħaq il-milja tal-inklussività u jgħix verament dik li nsejħulha ċittadinanza attiva. Dan id-dritt għandu jitgawda minn kull persuna b’diżabilità għax aħna persuni b’diżabilità mhux diżabilità b’persuna.
Fost il-miżuri pożittivi li kien hemm fil-baġit din is-sena, kien hemm il-miżura fejn persuni b’diżabilità se jkunu qed jiġu rrapreżentati fuq bords ta’ entitajiet u awtoritajiet differenti. Dan ser jkun qed isaħħaħ il-futur tagħna bħala persuni b’diżabilità minhabba l-fatt li issa ser immorru mill-miktub għall-prattika. Tajjeb li jibda jiġi kkunsidrat dak li nipproponu aħna biex b’hekk id-deċiżjonijiet li jittieħdu, ikunu aktar miftuħa għal kulħadd.
Għaldaqstant, mhuwiex aċċettabbli li xi ħadd jibqa’ jsostni li persuni b’diżabilità intelletwali jew b’nuqqas ta’ saħħa mentali jiġu mċaħħda dan id-dritt bl-iskuża tal-fakultà mentali tagħhom. Soċjetà ġusta hija dik li tipprovdi assistenza lil min ma jistax jieħu deċiżjoni waħdu. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn xulxin bħallikieku xi ħadd għandu xi ħaġa inqas minn ħaddieħor. Ma nistgħux niftaħru bl-inklużjoni soċjali ta’ fuq il-karta iżda rridu jkollna l-kuraġġ li ngħelbu l-biża’ u l-pessimiżmu.
Aħna l-persuni b’diżabilità msejħin nagħmlu l-parti tagħna u nieħdu l-post li jistħoqqilna f’din is-soċjetà li nagħmlu parti minnha. Ma nistgħux anzi, ma naffordjawx noqgħodu nibku lilna nfusna u nippuntaw subgħajna lejn il-bqija tas-soċjetà u nagħtuha t-tort talli maħniex qed inkunu inklużi. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nagħmlu ħafna ħsara lilna nfusna. Anzi, jiena nemmen li aħna rridu nkunu fuq quddiem biex inkomplu naħdmu flimkien biex insaħħu l-inklużjoni soċjali f’pajjiżna. Irridu nemmnu fina nfusna għax jekk ma nkunux aħna tal-ewwel li nemmnu fina nfusna, kif nisgħu nippretendu li ħaddieħor jeħodna bis-serjetà?
Oliver Scicluna huwa ċ-ċermen tal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità