Titjib fil-ħajja taċ-ċittadini bil-fondi Ewropej

Ian Borg jikteb il-punt ta' din il-ġimgħa

Fil-ġranet li għaddew, kellna żviluppi importanti ħafna u ta’ ġid kbir għal pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-Fondi Ewropej.  Ġew approvati mijiet ta’ miljuni ta’ ewro mill-Kummissjoni Ewropea  biex jiġu investiti fi proġetti u inizjattivi li se jgħinuna naffaċċjaw l-isfidi li għandna quddiemna fis-snin li ġejjin. Se nużaw dawn il-fondi wkoll biex inkomplu ntejbu l-kompetittività u s-sostennibiltà tal-ekonomija ta’ pajjizna u b’hekk noħolqu aktar ġid u intejbu l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Bla dubju, l-aktar żvilupp importanti kien l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-Programm Operattiv 1, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Il-valur ta’ dan il-programm operattiv huwa ta’ €717 miljun li jridu jintużaw fis-seba’ snin ta’ bejn l-2014 u l-2020.

L-oqsma li se ninvestu dawn il-miljuni ta’ ewro fihom, diġà huma identifikati. Dan sar wara proċess twil u wiesa’ ta’ konsultazzjoni ma’ diversi setturi fil-pajjiż, mal-pubbliku ġenerali  kif ukoll mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Dawn l-oqsma jinkludu fost l-oħrajn ir-ricerka, u innovazzjoni u żvilupp fit-teknoloġija biex nilħqu l-mira tagħna li sal-2020, tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku jiġu investiti fir-riċerka u żvilupp.

Se naħdmu biex insaħħu l-kompetittività ta’ Malta permezz ta’ investiment fl-intrapriżi żgħar u medji sabiex ikun hemm zieda ta’ 20% fis-sena għal dak li huwa valur miżjud minn dawn l-intrapriżi. 

Se nkomplu ninkoraġixxu l-investiment f’riżorsi alternattivi ta’ enerġija bil-għan li l-kapaċità tal-enerġija ġġenerata permezz ta’ pannelli fotovoltajċi  tiżdied b’ħames darbiet u b’hekk, jgħin biex pajjiżna jilħaq il-mira tiegħu li sal-2020, għaxra fil-mija tal-produzzjoni tal-enerġija tiġi minn sorsi alternattivi.

Li nkomplu nnaqsu l-figura ta’ nies f’riskju ta’ faqar hija wegħda elettorali li qed nindirizzaw bl-akbar serjetà.  Huwa għalhekk li se ninvestu f’dan il-qasam sabiex sal-aħħar tal-programm operattiv, madwar 6,500 persuna  ma jibqgħux f’riskju ta’ faqar. Mira ambizzjuza iżda konvinti li se nilħqu.

Oqsma oħra li se ninvestu fihom jinkludu fost l-oħrajn, l-ambjent billi  nħarsu l-beni kulturali u naturali tagħna. Se jiġu allokati fondi sabiex noħolqu soċjetà aktar inklussiva soċjalment. Dawn il-fondi Ewropej se jintużaw ukoll biex intejbu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni, fit-taħrig u fit-tagħlim tul il-ħajja.  Qasam importanti ieħor li se ninvestu fih huwa t-trasport sabiex insaħħu l-impenn tal-Gvern li jindirizza l-problema kbira ta’ trasport li writna mingħand ta’ qabilna .

Żvilupp importanti li ħabbarna wkoll fil-ġranet li għaddew kien l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ programm operattiv ieħor, din id-darba indirizzat speċifikament għal inizjattivi minn intrapriżi żgħar u medji. Il-valur ta’ dan il-programm operattiv huwa ta’ €15-il miljun. Dan l-investiment f’forma ta’ garanziji bla limitu mill-Fond Ewropew għall-Investiment, mistenni jikber b’erba’ darbiet u jilħaq €60 miljun jew aktar. 

Dan il-programm operattiv huwa inizjattiva  bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew għall-Investiment li kien tħabbar mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru tas-sena li għaddiet.  Dakinhar, il-Kunsill kien ħeġġeġ lill-istati membri biex jagħmlu użu minn din l-inizjattiva li għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli għal intrapriżi żgħar u medji li jakkwista finanzjament biex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom u b’hekk, joħolqu aktar impjiegi.

Kif jagħmel dejjem il-Gvern Laburista, meta jara opportunità ta’ benefiċċju għall-pajjiż, jidħol għaliha. Hekk għamilna f’dan il-każ tant li l-programm li ssottomettiet Malta kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li ġie adottat għall-perjodu 2014-2020. Bis-sahha ta’ hekk, l-intrapriżi żgħar u medji Maltin se jkunu l-ewwel fost intrapriżi simili fl-Ewropa li se jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ self ġodda u aktar favorevoli mill-banek Maltin.   Dan juri l-impenn tal-amministrazzjoni Laburista li tagħmilha aktar faċli għall-intrapriżi żgħar u medji li jkollhom aċċess għal finanzjament biex ikomplu jinvestu fl-intrapriżi tagħhom u jkomplu jikbru.

Mill-esperjenza tas-snin l-imgħoddija tgħallimna li filwaqt li huwa importanti li pajjiżna jakkwista dawn il-fondi Ewropej, l-ikbar sfida hija li tkun kapaċi tuża dawn il-flus għaliex inkella jintilfu. Fil-fatt, meta jien assumejt ir-responsabbiltà tal-fondi Ewropej f’Marzu tas-sena li għaddiet, skoprejt li għall-perjodu 2007–2013, Malta kienet assorbiet 30% biss tal-fondi li kienu allokati għal pajjiżna. Saħansitra, l-aġenzija ta’ kreditu Moody’s kienet irrimarkat li Malta kienet it-tielet mill-aħħar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assorbiment ta’ fondi Ewropej għall-perjodu 2007-2013. 

Dan l-istat ta’ fatt kien qed ipoġġi f’riskju numru ta’ proġetti  li fi żmien l-Amministrazzjoni Nazzjonalista kienu waqgħu lura, jew lanqas biss kienu varati. Fost dawn, ta’ min isemmi x-xogħol fuq it-triq tal-Kosta tas-Salini, ix-xiri tal-ewwel ħelikopter għall-Forzi Armati, ix-xogħol ta’ restawr fuq iċ-Ċittadella f’Għawdex, il-proġett tal-ilma tal-għargħar u l-ħlasijiet taħt l-iskemi tal-ETC li kienu waqgħu lura b’ħafna snin. 

Fil-Parlament, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi fuq il-Ministeru li nagħmel parti minnu, il-kollega tiegħi il-Membru Parlamentru Nazzjonalista l-Onor. Antoine Borg kien ta l-impressjoni li aħna sibna dawn il-proġetti lesti. 

L-Onor. Borg f’dak li qal, ma setax ikun aktar ’il bogħod mill-verità. Huwa bis-saħħa tal-inizjattivi li ħadet l-amministrazzjoni Laburista mill-ewwel ġranet tagħha, kif ukoll bl-impenn li wrew il-ħaddiema kollha responsabbli mill-amministrazzjoni tal-fondi Ewropej, li sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, rnexxielna ntellgħu l-persentaġġ ta’ assorbiment tal-fondi għall-perjodu 2007-2013 minn 30% għal 75%.

Dan l-impenn ser nibqgħu nuruh anke issa meta nibdew noħorgu s-sejħiet għal proposti biex nibdew nutilizzaw il-fondi għall-perjodu 2014-2020.  Għalaqna n-negozjar fuq il-Programmi Operattivi fl-istess żmien ta’ pajjiżi membri oħra. Kellna ċertifikat tajjeb anke fuq il-programmazzjoni tal-Partnership Agreement.

Fl-aħħar nett, qed nittama wkoll li fil-ġranet li ġejjin ikolli l-okkażjoni nħabbar l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-Programm Operattiv 2 li jkun ifisser aktar investiment fil-ħiliet tan-nies, fit-taħrig u l-edukazzjoni sabiex ngħollu dejjem aktar il-livell tal-għixien taċ-ċittadini tagħna. 

Ian Borg

Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017 u Fondi Ewropej

More in Il-punt