Id-dritt għall-identità tal-ġeneru huwa dritt fundamentali
Idaħħlu liġijiet kontra d-delitti ta’ mibgħeda li tipprovdi protezzjoni speċifika lil persuni trans minn atti kriminali ta’ natura transfobika
Is-sena li għaddiet il-Gvern ressaq b’suċċess il-Liġi dwar l-Unjoni Ċivili li tat l-istess dinjità lill-koppji tal-istess sess u koppji ta’ sess differenti. Issa qed nippreżentaw proposta ta’ liġi – l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess - li għandha twassal għal qabża oħra fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni LGBTIQ – speċjalment dawk trans, genderqueer u intersess.
Għalkemm hemm ħafna x’jingħad fuq dan l-abbozz ta’ liġi, se nikteb mill-perspettiva ta’ x’jgħidu istituzzjonijiet u għaqdiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni trans u intersess.
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2009 ippubblika Issue Paper intitolata “Id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Identità tal-Ġeneru” li kienet bagħtet messaġġ importanti lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-gvernijiet, li l-problemi tal-persuni trans ma setgħux jibqgħu jinkinsu taħt it-tapit. Il-Kummissarju kien irrakkomanda lill-Istati Membri li:
1. Jimplimentaw l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-identità tal-ġeneru fil-liġi nazzjonali li tindirizza d-diskriminazzjoni.
Dan daħħalnieh f’dan l-abbozz u morna lil hinn minn hekk billi daħħalna obbligu ta’ ugwaljanza.
2. Idaħħlu liġijiet kontra d-delitti ta’ mibgħeda li tipprovdi protezzjoni speċifika lil persuni trans minn atti kriminali ta’ natura transfobika.
Filwaqt li dan diġà jifforma parti mil-liġi Maltija, aħna qed insaħħu dan il-provediment bi protezzjoni ġdida għall-persuni genderqueer u intersess.
3. Jinkludu l-proċeduri għar-rijassenjar tal-ġeneru, bħat-trattamenti ormonali, kirurġiċi u appoġġ psikoloġiku fis-sistema nazzjonali tas-saħħa pubblika u aċċessibbli għal persuni trans.
Il-Baġit 2015 ta indikazzjoni li l-gvern kommess li jiffaċilita dan il-proċess u jevalwa kif l-aħjar isir u sa fejn nistgħu naslu.
4. Jiżviluppaw proċeduri għall-bdil tal-isem u s-sess tal-persuni trans fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, il-karta tal-identità, il-passaport, iċ-ċertifikati tal-edukazzjoni u ċertifikati oħra mingħajr dewmien u b’mod trasparenti.
5. Jabolixxu tar-rekwiżit tal-isterilizzazzjoni u obbligi oħra għal trattamenti mediċi bħala parti mir-rekwiżiti legali sabiex l-identità tal-ġeneru tal-persuna tkun rikonoxxuta skont il-liġi li tirregola l-proċess tal-bdil tal-isem u s-sess fuq id-dokumenti uffiċjali.
6. It-tneħħija tar-rekwiżit li persuni trans iridu jkunu single jew inkella jiddivorzjaw sabiex jibdlu l-identità tagħhom u minflok jitħallew jibqgħu fi żwieġ eżistenti meta jkun inbidlilhom il-ġeneru fuq dokumenti uffiċjali.
Dawn it-tliet rakkomandazzjonijiet kollha ġew milqugħa u inklużi fl-Abbozz.
7. Il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki sabiex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni li jħabbtu wiċċhom magħha l-persuni trans fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni u fis-saħħa.
Dan l-abbozz ipoġġi obbligu fuq il-Gvern sabiex kull dipartiment u kull uffiċċju tiegħu jiżgura l-ugwaljanza. Barra minn hekk, ministeri diversi qed jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet differenti li jaffettwaw ir-realtajiet ta’ kuljum ta’ persuni trans.
8. L-involviment tal-persuni trans u l-organizzazzjonijiet tagħhom fl-iżviluppar u l-implimentazzjoni tal-politika u miżuri legali li jirrigwardawhom.
Dan għamilnieh b’ħidma sħiħa mal-Kunsill Konsultattiv LGBTI.
Transgender Europe (TGEU) bagħtitilna sottomissjoni ta’ inkoraġġiment u awgurju li dan l-abbozz ikun addottat u qalet hekk:
“TGEU tilqa’ din il-proposta ta’ liġi bħala ground-breaking bl-attenzjoni konsegwenti tagħha fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni trans.
It-test propost qed jistabbilixxi punt ta’ referenza ġdid għal-leġislaturi fl-Ewropa dwar ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ persuni trans fil-proċeduri ta’ rikonoxximent tal-ġeneru u oqsma oħra tal-ħajja...
Il-proċedura ppreveduta se tissodisfa l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-proċeduri ta’ rikonoxximent tal-ġeneru biex ikunu “trasparenti, aċċessibbli u jsiru f’qasir żmien.” TGEU tinkoraġġixxi stati oħra biex jirrevedu u jirriformaw il-leġislazzjoni tagħhom bl-istess għan u f’dan l-ispirtu tal-liġi Maltija.”
Rakkomandazzjoni oħra dwar persuni intersess ġiet mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2013 fejn talbet lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ebda tarbija jew minuri ma tkun suġġetta għal trattament mediku jew kirurġiku li mhux għall-bżonn mediku tal-persuna, imma jkun ta’ natura kosmetika.
L-Assemblea talbet li l-integrità fiżika tkun garantita, u bħalha l-awtonomija u l-awtodeterminazzjoni tal-persuna konċernata. L-Assemblea rrakkomandat ukoll li l-familji bi tfal intersess jingħataw counselling u appoġġ skont kif ikollhom bżonn.
Dan kollu qed nagħmluh.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wkoll ġibed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni preżenti tal-persuni intersess f’Mejju li għadda meta kien fostna għall-konferenza tal-IDAHO.
Fil-Human Rights Comment tiegħu intitolat A boy or a girl or a person – intersex people lack recognition in Europe hu talab lill-gvernijiet Ewropej sabiex jirrevedu l-liġijiet u l-prattiċi mediċi tagħhom u jidentifikaw in-nuqqasijiet preżenti fil-protezzjoni tal-persuni intersess, u jintroduċu miżuri li jindirizzaw dawn is-sitwazzjonjiet. Hu talab lill-policymakers biex jinvolvu s-soċjetà ċivili bħall-Organisation Intersex International Europe (OII-Europe) u l-ILGA-Europe f’din il-ħidma.
Aħna ħdimna bis-sħiħ mal-OII-Europe u l-ILGA-Europe li saħansitra bagħtulna sottomissjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika.
OII-Europe bagħtitilna sottomissjoni ta’ tama li dan l-Abbozz ikun addottat mill-Parlament Malti u li jservi ta’ ispirazzjoni għal gvernijiet oħrajn madwar id-dinja, u qalu hekk:
“Waqt li s-sena 2014 tiġi fi tmiemha, riforma storika qed iseħħ fi ħdan il-kodiċi legali Maltija. Biż-żieda tal-karatteristiċi tas-sess fl-abbozz, qed jittieħdu passi storiċi li se jtemmu kirurġiji ġenitali kosmetiċi u mhux medikament neċessarji fuq trabi intersess iggwidati mill-aspettattivi soċjali li huma infurzati mill-mudell tas-sess binarju...
OII-Europe tħeġġeġ lill-gvernijiet ta’ pajjiżi oħra, flimkien mal-Parlament Ewropew u lill-entitajiet ta’ teħid ta’ liġi oħra biex iħarsu lejn ir-riforma tal-liġi f’Malta u jadottaw riforma simili f’pajjiżhom u fir-reġjun tagħhom. B’hekk jiġu fit-tmiem tagħhom l-għexieren ta’ snin ta’ interventi riparattivi abbużivi u interventi kirurġiċi li huma “gender confirming” li għadhom iseħħu madwar id-dinja kollha.”
Din il-liġi tilħaq l-istandards kollha tal-lum tad-drittijiet tal-bniedem. Din hija opportunità biex fil-Parlament Malti naħdmu flimkien u nilleġislaw favur dan l-Abozz, favur id-dinjità u d-drittijiet ta’ persuni trans, genderqueer u intersess.
Helena Dalli hija l-Ministru tad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili