Qabbadna l-pass lill-proġetti li kienu wieqfa
Il-Ministru Joe Mizzi jitkellem dwar dak li qed jagħmel għat-toroq Maltin
Studju ppubblikat riċentament, janalizza s-sitwazzjoni tat-traffiku fl-2012, li kienet it-tieni sena mir-riforma tat-trasport pubbliku - riforma li minkejja l-aspettattivi li nħolqu minn Gvern preċedenti, is-servizz tant ma kienx dak mixtieq u l-pubbliku qata’ qalbu jużah, li l-patronaġġ naqas drastikament u reġa’ kien hemm żieda fl-użu tal-karozzi privati. Dan bla dubju, wassal għal żieda wkoll fit-traffiku f’pajjiżna.
Minħabba f’hekk kif ukoll minħabba problemi finanzjarji kbar, il-kumpanija li kienet tmexxi t-traspost pubbliku, kellha titlaq u s-sena li għaddiet, is-servizz tmexxa mill-Gvern sakemm instab operatur ieħor.
Statistika uffiċjali turi li matul dan il-perjodu, kien hemm irkupru fil-bejgħ ta’ biljetti kif ukoll żieda fil-patrunaġġ u dan grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Gvern, li minkejja li ma nefaqx ewro f’konsulenzi, wettaq ċertu bidliet fir-rotot biex is-servizz reġa’ beda jlaħħaq mad-domanda.
Filwaqt li l-bidliet fir-rotot kollha jidħlu fis-seħħ gwardwalment matul ix-xhur li ġejjin, iċ-ċifri juru li din id-direzzjoni ħalliet riżultati pożittivi.
Fil-kuntest ta’ dan, wieħed ma jistax ma jsemmix li filwaqt li fl-2011, kien hawn 220,685 sewwieq ġdid, sal-aħħar tal-2013 dawn telgħu għal 235,109. Dan kien l-istess perjodu meta daħlet fis-seħħ ir-riforma tat-trasport pubbliku.
Hawn wieħed jirrealizza li l-problema ma nħolqotx ilbieraħ, però sfortunatament, kien hemm żmien, fl-amministrazzjoni preċedenti, fejn konna niftaħru b’dawn iċ-ċifri, minflok ħadna l-miżuri li kien hemm bżonn.
Jiena nifhem il-frustrazzjoni tal-pubbliku u dan il-Gvern, sa mill-bidu nett irrikonoxxa din il-problem.
Sa mill-ewwel ġranet fl-amministrazzjoni ċentrali, ħtart kumitat dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, li fih uffiċjali minn Transport Malta dwar l-immaniġġjar tat-traffiku u s-sigurtà fit-toroq, kif ukoll membri tal-Korp tal-Pulizija. Il-kumitat jiltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa u ninvolvu wkoll lill-Kunsilli Lokali u entitajiet bħall-GRTU.
Matul dawn il-laqgħat, nevalwaw ir-rispons li nkunu qed nirċievu u nieħdu deċiżjonijiet short-term, biex nindirizzaw l-ilmenti tal-pubbliku.
Niftakar sew meta f’Marzu 2013, sibna li l-proġett ta’ Triq Diċembru 13 kien ilu wieqaf għal għadd ta’ xhur b’sitwazzjoni ta’ traffiku li kien kuljum jakkumula fil-ħruġ mill-Belt.
L-aċċess li nfetaħ mit-triq tal-Marsa Shipbuilding għadhom jgħaddu minnu mijiet ta’ karozzi kuljum, tant li t-traffiku fil-Marsa llum naqas ħafna.
Ħadna diversi miżuri oħrajn fuq short-term li ħadmu b’suċċess wara perjodu ta’ prova u oħrajn li ma ħallewx ir-riżultat mixtieq, tneħħew wara konsultazzjonijiet mal-esperti u mal-pubbliku.
Imbagħad hemm il-miżuri l-oħrajn fuq medium-term, bħall-proġett MODUS, li ra l-introduzzjoni ta’ karreġġjati tal-linja ġodda biex tingħata prijorità lill-karozzi tal-linja u b’hekk, ma jinħeliex ħin prezzjuż fit-traffiku.
Riċentament introduċejna miżura fejn il-karreġġjati tal-linja issa jistgħu jintużaw minn ċiklisti, sewwieqa ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew gass, kif ukoll sewwieqa bi tliet passiġġieri, biex nippromwovu l-kunċett ta’ car-pooling
Il-Gvern, permezz ta’ Transport Malta, alloka €300,000 għal skema li tinkoraġixxi sewwieqa biex jixtru vetturi tal-elettriku, kif ukoll tajna inċentiv lil min jaqleb il-vettura bl-autogas u lil min jixtri karozza ġdida u jiskrappja l-antika.
Dan biex pajjiżna jindirizza wkoll il-miri ambjentali biex intejbu l-kwalità tal-arja ta’ madwarna.
Fuq livell infrastrutturali, infakkar li Gvern ġdid sab proġetti weqfin fejn kieku ma ħadniex passi mill-ewwel, konna f’riskju kbir li nitilfu l-fondi Ewropej.
Sibna li l-proġett ta’ Triq il-Kosta, minkejja li kien hemm l-istudji lesti, ix-xogħol kien għadu ma bediex.
Biex inkomplu fuq il-proġetti li huma mmirati li jindirizzaw it-traffiku, niġu għall-proġett tal-Kappara, li kien ilu fuq il-karti sa mis-sena 1995.
Konxji li l-infrastruttura li bniet fil-pajjiż matul is-snin mhijiex adegwata biex tilqa’ għall-bżonnijiet tal-lum u konxji li żewġ proġetti ta’ dak il-kalibru ftit ’il bogħod minn xulxin ma jistax ikunu għaddejjin flimkien, l-aħjar deċiżjoni kienet li meta l-proġett ta’ Triq il-Kosta jitlesta, ikun jista’ jibda l-proġett tal-Kappara.
Proġett li qed jipproponi l-Gvern huwa dak tal-Addolorata junction, fejn it-traffiku fis-sigħat l-iktar iffullati qed jiswa lill-ekonomija madwar €5 miljun kull sena.
Il-proġett, stmat li jiswa iżjed minn €80 miljun, mhux se jkollu dwal tat-traffiku, roundabouts u zebra crossings, biex jiġi żgurat andament mexxej ta’ traffiku.
Meta Pat Cox żar pajjiżna s-sena li għaddiet, kien iddikjara li TEN-T network jimmira li jkun hemm rotot ta’ trasport mingħajr interruzzjonijiet bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u qal li se jgħin lil Malta fl-applikazzjoni tagħha għal fondi Ewropej.
Il-politika ta’ dan il-Gvern hija wkoll li nappoġġjaw inizjattivi ta’ forom alternattivi ta’ traffiku, fosthom servizzi bil-baħar u diġà għandna servizz li jaħdem tajjeb u b’mod effiċjenti fil-port tagħna.
Fuq pjan aktar fit-tul, issemma’ wkoll il-monorail, proġett kbir li jiswa ħafna flus u li pajjiżna ma jistax jattwah mingħajr fondi Ewropej.
Fl-aħħar mill-aħħar, irridu naslu biex ikollna servizz ta’ trasport pubbliku effiċjenti li jħajjar lin-nies jużawh.
9 minn kull 10 passiġġieri llum jixtru l-biljett minn fuq il-karozza tal-linja. Is-sewwieq huwa responsabbli mis-sigurtà tal-passiġġier, u waqt li qed joħroġ il-biljett, irid jiċċekkjah, iżomm il-flus u jagħti l-bqija, waqt li l-passiġġieri jistennew u l-karozza wieqfa żżomm it-traffiku warajha.
Din il-kultura trid tinbidel għax qed tikkontribwixxi għal nuqqas ta’ effiċjenza. Għaldaqstant, il-Gvern se jkun qed jiddiżinċentiva lil dawk li se jibqgħu jixtru l-biljett minn fuq tal-linja billi jżomm il-prezz ogħla milli kieku jinxtara minn qabel.
B’rieda tajba minn kulħadd - il-Gvern, kull min għandu r-responsabbiltà li joffri servizz, kif ukoll il-poplu, nistgħu naslu biex fl-aħħar mill-aħħar innaqqsu l-vetturi mit-toroq tagħna.