Paula Mifsud Bonnic | Kull tajra tifraħ b’rixha

Joseph Muscat neża l-maskra li kienet tiġih perfettament qabel l-elezzjoni

Joseph Muscat neża l-maskra li kienet tiġih perfettament qabel l-elezzjoni
Joseph Muscat neża l-maskra li kienet tiġih perfettament qabel l-elezzjoni

Proverbju adattat l-aktar bħalissa hekk kif fil-11 ta’ April li ġej il-poplu se jkun qed jiddeċiedi jekk f’Malta tibqax il-kaċċa fir-rebbiegħa jew le. Deċiżjoni li hija kompletament f’idejn il-poplu bla ma l-partiti politiċi jieħdu pożizzjoni jew sehem attiv f’dan ir-referendum.

Madankollu, dan il-proverbju jfakkarni aktar f’dan il-Gvern u f’dak ta’ qablu għal raġunijiet kemxejn differenti minn xulxin. Għalkemm matul is-snin, il-Gvern Nazzjonalista għamel xita ta’ proġetti, investimenti u inizjattivi favur kwalità ta’ ħajja aħjar għal kull wieħed u waħda minnha ftit li xejn kien jiftaħar bihom. Fil-fatt, lanqas qatt ma kien jiftaħar xejn b’rixu. Illum għandna Gvern li l-ħin kollu jiftaħar b’rixu sfortunament għal raġunijiet kompletament żbaljati. Nemmen li n-nuqqas ta’ ftaħir min-naħa tal-Gvern Nazzjonalista kien għal kollox ħażin u nazzarda ngħid li dan in-nuqqas seta’ kkontribwixxa wkoll sabiex il-PN iġarrab l-akbar telfa li qatt ġarrab imma daqstant ieħor ngħid li hu ħażin li jkollok il-Gvern bħal tal-lum li jagħġen l-atroċitajiet u jagħżel konsapevolment li jiftaħar bihom.

U l-poplu llum, wara sentejn ta’ Gvern Laburista, qegħdin jagħmlu dawn il-mistoqsijiet –

Jagħmel sens li l-Prim Ministru Joseph Muscat jiftaħar li ħallas €4.2 miljun lil kumpanija privata minn flus il-poplu Malti meta nhar it-Tlieta li għadda, l-Awditur Ġenerali ħammar wiċċ il-Gvern billi ħareġ fil-beraħ it-tmexxija dgħajfa u n-nuqqas ta’ trasparenza tal-Gvern li mexa biha l-Gvern f’dan l-iskandlu tal-Premier u ta’ kif dan il-Gvern ħallas commissions li ma kellhomx jitħallsu?

Jagħmel sens li Joseph Muscat jiftaħar bit-trasparenza u l-kontabbilità u joħroġ jiddefendi lill-Ministru Helena Dalli dwar nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti meta nhar it-Tlieta li għadda, il-MEPA rrifjutat applikazzjoni biex tissanzjona l-illegalitajiet li saru fil-farmhouse tagħha?

Jagħmel sens li Joseph Muscat jiftaħar fuq it-trasparenza biex imbagħad nhar it-Tnejn li għadda l-Ombudsman kien kostrett jiftaħ kawża kontra l-Gvern sabiex jingħata d-dritt li jinvestiga l-promozzjonijiet fl-armata li kienu ngħataw f’Settembru 2013?

Jagħmel sens li Joseph Muscat isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet jiftaħar bi traħħis ta’ żewġ ċenteżmi fil-petrol u diesel meta rajna l-prezzijiet baxxi li qegħdin igawdu popli Ewropej oħrajn u dan ukoll meta bejn Ġunju u Diċembru li għadda l-prezz internazzjonali taż-żejt niżel minn 100 dollaru l-barmil għal 44 dollaru l-barmil?

Jagħmel sens li Joseph Muscat jiftaħar li proprju f’dan ix-xahar il-powerstation il-ġdida kienet se tkun lesta meta l-poplu Malti llum spiċċa b’xiber imnieħer?

Jagħmel sens li Joseph Muscat joqgħod jiftaħar fuq id-drittijiet tal-ħaddiema meta jkollok membri fil-Kabinett li jheddu lill-ħaddiema tagħhom stess jew ikollok ħaddiema bħal, pereżempju, fl-Enemalta li sal-lum ma jafux x’se jkun id-destin tagħhom?

Jagħmel sens li Joseph Muscat joqgħod jiftaħar tant fuq is-settur tas-saħħa u wiegħed l-anġli jtiru fis-swali tal-Isptar Mater Dei meta llum ħlief pazjenti fil-kurituri m’hemmx?

Jagħmel sens li Joseph Muscat joqgħod jiftaħar li d-dinjità tal-anzjani tiġi l-ewwel u qabel kollox għalih u mbagħad issib li qed ipoġġi anzjani fil-play area miżbugħa bil-karattri ta’ Disney fil-Paediatric Day Care fl-Isptar Mater Dei?

Jagħmel sens li Joseph Muscat jiftaħar tant li se jeqred il-faqar f’pajjiżna biex insiru nafu li skont l-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-faqar żdied b’6,000 persuna oħra s-sena l-oħra?

Dawn huma biss eżempji riċenti ta’ dak kollu li Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu qegħdin jiftaħru bihom. M’għandix l-ispazju sabiex nelenka dak kollu li smajna, qrajna u rajna f’dawn l-aħħar sentejn ta’ Gvern Laburista iżda joħroġ biċ-ċar li Joseph Muscat għadu ma rrealizzax li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Kemm hu faċli twiegħed l-ilma jiżfen iżda kemm hu aktar diffiċli twettaq dak li tipprietka! Il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu se jkunu jistgħu biss iwettqu dak li jipprietkaw jekk jintebhu li jrid ikollhom verament pjan serju u roadmap dettaljata u perfetta li tiggwidahom tajjeb – roadmap li sfortunament intilfet fid-9 ta’ Marzu 2013. Nispera u nittama biss li dan il-Gvern irrealizza kemm kien żbaljat meta b’ingann kbir ta’ x’jifhem lill-poplu Malti u Għawdxi li kellu s-soluzzjoni maġika għal kull problema li teżisti.

Jekk mhuwiex se jagħmel dan, sfortunament se jibqa’ jkollna Gvern fejn il-livell u l-eleganza tal-proġett ta’ Renzo Piano se jwaqqgħu f’medjokrità bil-monti fin-nofs u bi stalls tal-ħabba gozz; se jibqa’ jkollna Gvern fejn l-ambjent ta’ madwarna se jbiddlu f’ambjent maħtuf minn ‘tagħna lkoll’; se jibqa’ jkollna Gvern fejn minflok settur tas-saħħa modern se jagħtini minflok settur nieqes mill-kura bażika bin-nies imutu fil-kurituri tal-Isptar; se jibqa’ jkollna Gvern fejn minflok trasport pubbliku effiċjenti u affordabbli għal kulħadd se jagħtina transport pubbliku biz-zalza Spanjola; se jibqa’ jkollna Gvern fejn il-politika ġenwina u onestà tinbidel f’ċirklu b’Joseph Muscat jibqa’ ċass u għajjien quddiem l-abbużi kollha ta’ sħabu.

Fi żmien tant qasir, Joseph Muscat neża l-maskra li kienet tiġih perfettament qabel l-elezzjoni ġenerali u għandna Joseph Muscat ieħor li qiegħed jiddeludi ħafna nies li sfortunament diġà ntebhu li mhuwiex tal-kelma u li ma tistax tafdah. Imma, sadanittant, erħilu jibqa’ jiftaħar b’rixu – xi ħaġa li fiha jibbrilla u jaċċella!

Paula Mifsud Bonnici hi President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit u Shadow Minister għall-Politika Soċjali

More in Il-punt