Kollu wirt
Beppe Fenech Adami f’maratona ta’ appelli biex Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru
Kull Gvern jiret lil dak li kien hemm qablu. Fil-fatt ħafna mill-kontroversji u problemi li għandu dan il-Gvern ġejjin minn żmien l-ieħor. Mhix kwistjoni li nsemmu dak li għadda iżda dak li għadu. Jekk huwa trasport pubbliku, jekk huwa Sptar Mater Dei, jekk hija il-kwistjoni tal-enerġija u tal-fuel, dawn kollha huma problemi “brought forward”, f’termini ta’ “accountancy” politiku, li kellu u għadu jrid jseffaq wiċċu magħhom dan il-Gvern.
Anke l-kontroversja tal-Cafè Premier hija parti minn dan il-wirt. Il-kwistjoni nibtet u kibbret taħt l-amministrazzjoni l-oħra. Post mill-aktar ċentrali u storiku kien magħluq u destinat li jibqa’ magħluq għal snin sħaħ mingħajr ma jista’ jkun użat bl-aħjar mod possibbli. Fi żmien meta l-Belt Valletta għandha tkun il-Belt Kapitali tal-Ewropa, post ta’ valur tremend kien se jibqa’ magħluq.
Il-Gvern kellu żewġ għażliet. Jew li jagħmel kawża biex jieħdu lura billi jxolji ċ-ċens li għad fadallu snin twal jew li jsib l-iqsar triq possibbli biex kemm jista’ jkun malajr dan il-post jirritorna lura għand il-poplu. M’hemm ebda dubju li s-sidien ma kinux qegħdin joqogħdu għall-obbligi tagħhom għall-kuntratt. Xi ħaġa bilfors kellha ssir.
Iżda kawża bħal din bl-appell b’kollox, tajjeb jew ħażin, kienet tieħu snin biex tinqata’ u b’dubji serji dwar kemm jistgħu jinġabru d-danni mingħand is-sidien. Kieku dan il-Gvern għażel din it-triq dan il-post kien jispiċċa f’rovina. Għandna l-eżempju tal-White Rocks, li minħabba t-tul u l-indeċiżjoni tal-Gvern spiċċa f’rovina totali u kannibalizzat.
Bl-onestà kollha ma nemminx li din kienet l-aħjar triq. It-triq li tiftihem mas-siden biex neħduh lura kien l-unika għażla, xejn xejn minn dak li tħallas virtwalment lis-sidien, mar biex qata’ parti kbira tad-djun li kellhom lis-sidien f’taxxi u ħlasijiet oħra lill-Gvern. Inħossni urtat u mweġġa’ li l-Gvern f’ċirkostanzi bħal dawn, ikollu jħallas, anke jekk ma jkunx ħlas mistħoqq, biex jevita li jnaqqas mid-danni li sofra. Hekk ġara fil-każ tal-Cafè Premiere.
Iżda kull każ għandu warajh il-morali tal-istorja li jkun wassal għalih. L-ewwel tagħlima f’din l-istorja hi din: li s-suċċess tal-għażla ta’ offrenti fejn si tratta ta’ propjetà pubblika hija li jintgħażel tassew l-aħjar offerent. Meta ngħid l-aħjar ma jfissirx li min joffri l-aktar, iżda min tassew ikun lest joqgħod għall-obbligazzjonijiet kollha tiegħu. Min ma jasalx biex joqgħod għal dawn l-obbligazzjonijiet m’għandux jitħalla jerġa’ jittanta jidħol għall-kuntratti pubbliċi ta’ din ix-xorta.
It-tieni tagħlima hi, li mnalla hemm l-Awditur Ġenerali. Jiena dejjem kelli rispett illimitat għal din l-istituzzjoni għaliex kif irnexxielha tipprova, kemm taħt din l-Amminstrazzjoni u kif ukoll taħt l-oħra, dejjem uriet li m’għandha minn ħadd. Għalhekk għamel sewwa l-Gvern mill-ewwel iddikjara li se jistudja sewwa dan ir-rapport u janalizza l-miżuri li jistgħu jkun introdotti jew proposti mill-Awditur Ġenerali.
Fil-fatt tispikka d-differenza bejn kif dan il-Gvern laqa’ dan ir-rapport ma’ dak li kien jiġri qabel. Kull meta qabel L-Awditur Ġenerali kien jiċċensura l-mod kif kienu jsiru l-affarijiet kienu jaraw x’jgħidu biex ixajtnuh. Ma ninsa qatt lil Austin Gatt f’żewġ okkażjonijiet ma joqgħodx għal kritika ta’ din l-istituzzjoni. Fil-każ tal-Voice Of The Mediterranean bilkemm ma riedx jordna l-arrest tiegħu. Fil-każ tal-BWSC prova jwaqqa’ għaċ-ċajt lill-istess istituzzjoni li kienet qalet li jkun aħjar li toħroġ tender oħra.
Huwa minnu li kull Gvern jiret lil dak ta’ qablu. Iżda l-importanti li ma jintiritx l-attitudni li kellhom dawk li sa ftit ilu kienu fil-Gvern. Bħal meta kissru lill-Awditur tal-MEPA biex baqgħu sakemm baqgħu biex neħħewh. L-istess kienu għamlu lill-Perit Carmel Caccopardo li kien jassisti lil dan l-Awditur.
Bħal meta provaw ikissru lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li kixfet l-abbużi li kienu jsiru fil-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ għada. Bħal meta provaw ikissru lill-Ombudsman meta kixef l-abbużi politiċi li kienu jsiru fl-Armata u fl-Air Malta. Nittama li ma nirtux din l-attitudni li nħallu lill-istituzzjonijiet joperaw bil-libertà u s-serenità kollha tagħhom bħalma ġara fil-każ tal-Cafè Premiere.
Però l-aktar li nsib komika, hija l-maratona ta’ Beppe Fenech Adami, Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit, li ma jiqafx mill-maratoni ta’ appelli f’kull ħaġa u f’kollox, biex Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru. Hija ħasra, kif mhux qiegħed jinduna li ħadd mhu jieħdu aktar bis-serjetà għaliex anke jekk ma jorqodx bl-inbiegħ tal-kelb tal-ġar, żgur b’xi mod se iġebbidha biex sal-punt li jitlob ir-rizenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru. Il-kelma riżenja issa qiegħda f’ħalqhom, meta sa ftit ilu tant kien hemm affarijiet serji fejn persuni eċċellenti kellhom jirreżenjaw, iżda kienu nesew kif tippronunzjaha aħseb u ara kemm jitolbuha. L-aktar każ klassiku kienet iż-żieda fl-onorarja tal-membri tal-kabinett li dakinhar kienet deskritta mill-Awditur Ġenerali bħala eżempju ċar ta’ kif m’għandekx tamministra pajjiż. Jekk kien hemm lok għal riżenja żgur li kienet dakinhar, iżda l-pajjiż ma setax jgħaddi mingħajr kabinett sħiħ!
Jien ma kelli ebda dubju li dan il-każ se jiżvilluppa f’polverista politika. Iżda jekk tisplodi ma nafx lil min eżattament se ttajjar, jekk hux lill-Oppożizzjoni li trid akkost ta’ kollox tkun fil-poter jew lil Gvern li ta widen għal dak li qal l-Awditur Ġenerali. Nistennew u naraw.