Iċ-Ċrieket

Edward Borg Bonaci u Nicholas John Vella
Edward Borg Bonaci u Nicholas John Vella

F’dawn l-aħħar jiem inħolqot daqsxejn ta’ kontroversja għax Patri Mark Montebello ntalab ibierek iċ-ċriket waqt ċerimonja bejn żewġ persuni gay li xtaqu li r-relazzjoni tagħhom jkollha endorsement fuq dan il-livell spiritwali.  

Kif nafu, Patri Mark anke jekk jagħtas jinħoloq kjass, aħseb u ara t-textix li qabdu kulħadd xħin ra dawk ir-ritratti fuq il-gazzetti.  Ġie pprojettat qisu xi skandlu tal-millenju!  U naturalment infetħu l-bibien kollha u kulħadd irid jgħid tiegħu jekk li għamel kienx tajjeb jew le.    

Issa jien kif għedt kemm ’il darba pubblikament, Kattoliku prattikanti.  Ara ma taħsbux li niekol l-għatba tal-Knisja, imma mmur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd u t-tifsila tal-valuri tiegħi taf l-għeruq tagħha fil-Knisja Kattolika.  Dak li jien tant appasjonat fuqu, cioè, il-ġustizzja soċjali, il-ħtieġa ta’ komunità li tgħix flimkien, id-distribuzzjoni ġust tal-ġid, il-ġlieda biex jingħeleb il-faqar, il-bżonn t’inklużjoni soċjali, il-ħtieġa tal-welfare – huma kollha prinċipji li huma msensla mill-influwenza tat-trobbija Kattolika li tant  ngħożż.  

Apparti hekk il-persuna ta’ Ġesù Kristu taffaxxinani, għax l-lealtà tiegħu  dejjem kienet mhux lejn xi regola, xi ħaġa li kiteb xi ħadd, jew lejn dawk li donnhom jgħixu fuq livell u fuq pjattaforma aktar għolja minn kulħadd u jqattgħu ħajjithom jippuntaw subgħajhom.  Le Gesù Kristu, kif naqrah fil-Bibbja, kif ‘wasal għandi’, huwa dak il-personaġġ li jrid jgħix ma’ kulħadd, irid jqasam ma’ kulħadd il-ferħ u l-isfidi.  U f’ħajtu hekk għamel.  U kien jixrob u jiddeverti, u kien jappassjona ruħu u jħobb il-kumpanija, għax għal Gesù li naf jien dak kien importanti u mhux ir-ritwal. In-narrattiva għalih kienet fondamentali.

U l-każ taċ-ċrieket għalhekk darrasni.  

U jdarassni wisq aktar il-bigottiżmu ta’ xi wħud li mbagħad probabli jkunu minn tal-ewwel li bierku l-karozza (għax-xorti t-tajba) jew jgħidu l-patri jberkilhom il-ġebel tad-dar u jwaħħlu xi werqa żebbuġa ħalli l-mara ma teqlibilhomx, jew inkella jieħdu z-zebra finch l-Imnarja għat-tberik!  

X’qatta’ oqbra mbajda.   

Xi dwejjaq jaqbadni b’ dawn it-tip ta’ nies.  

Dawn huma l-istess nies li ħafna drabi jkunu bla skrupli, li ma jiddejqux ‘jaqlu’ fuq il-post tax-xogħol, li ma jaħsbuhiex biex jgħidu kontra s-‘suwed’, li mhux ha jaħsbuha darbtejn biex lit-tfal tagħhom jgħalmuhom li ‘charity begins at home’!

Imma nsomma lura għaċ-ċriket.  

Jekk irridu nimxu mar-regoli, ma’ xi ktieb ta’ x’għandu u x’m’għandux isir miktub minn xi teologu ’l bogħod mir-realtà, aktar milli x-xemx hija bogħod mid-dinja, wisq probabli hemm klawsola li ma tippermettix li dan isir.  

Imma dan Patri Montebello li għamel kien li mar jiċċelebra ma’ żewġ persuni gay li jħobbu lil xulxin b’ imħabba straordinarja, li jivvalutaw il-Knisja u l-fidi tagħhom, għax kieku mhux ha jitolbu li qassis ikun hemm magħhom speċjalment meta nafu kemm din il-minorità batiet minħabba l-pożizzjonijiet li ħadet il-Knisja.  

Issa s-simbolu fih innifsu taċ-ċurkett huwa qaddis. 

Ċurkett huwa tond għax jissimbolizza l-eternità, il-ħajja ta’ dejjem, l-għotja sħiħa għal kemm wieħed idum ħaj.  U anke t-toqba taċ-ċurkett jingħad li hija simbolika - tfisser li ħa tidħol għall-esperjenza fejn hemm ħafna aktar li ma tfax fuqu milli li taf fuqu u allura l-akkumpanjament ma’ Alla huwa tant importanti.  

F’kelma oħra, iċ-ċurkett huwa simbolu tal-unjoni tal-qlub.  

Għalhekk verament ma nistax nifhem x’ inhi l-kwistjoni li għandna quddiemna. 

Għalhekk ma nistax nifhem Patri Mark x’ kellu jispjega lill-Arċisqof (li donnu ried jagħmel il-punt li huwa jmexxi u għalhekk kien jaf kulħadd li bagħat għalih).  U l-Arċisqof m’għandix dubju jaf, kif naf jien bħala fatt, li diversi patrijiet u qassissin jkunu involuti f’tali ċelebrazzjonijiet kemm ma’ koppji li jgħixu flimkien u mhux miżżewwġin, kemm ma’ koppji li ġejjin minn relazzjonijiet miżżewwġa u kemm ma’ koppji gay.  

Fil-fehma tiegħi din l-ewwel sfida li kellu l-Arċisqof Scicluna ma ħariġx tajjeb fuqha.  

Qisu wera li dak li kien jiġri qabel ser jibqa’ jiġri cioè nammonixxu mhux dawk ir-reliġjużi u l-qassisin li ma jagħmlu xejn, li jaħlu ħinhom , li mhumiex t’eżempju għall-oħrajn, imma moħħna fil-ftit qassisin u reliġjużi li qed jagħmlu dak li tgħidilhom il-missjoni tagħhom, jiġifieri li jkunu viċin tan-nies.  

L-ironija ta’ din is-sitwazzjoni hija li wara numru ta’ ġimgħat mill-ħatra uffiċjali tal-Arċisqof, donnu ħlief fuq xi program u waqt xi diskusssjoni dan l-Ariċsoqf sparixxa. Jien għal darb’oħra kont qed nimmaġina li mhux biss jinħatar il-Vigarju Ġenerali imma jtiru l-irjus tal-akkarija li hemm fil-Kurja u li għamlu tant ħsara bl-approċċ bigott tagħhom - dawk il-membri tal-Kurja li kienu aktar moħhom biex jostakolaw u jżommu l-Arċisqof ta’ qabel f’ morsa milli kien jinteressahom jagħtu tifsila ġdida lil Knisja f’ Malta.  

Wara numru ta’ ġimgħat mhux biżżejjed illi tagħmel minn ġewwa imma li ‘tidher’ li qed tagħmel.  L-image ta’ Knisja għajjiena, ‘il bogħod mill-komunitajiet, distanti u donnha magħluqa fl-erba’ ħitan tal-Knisja għadha ma telqitx.  Għalhekk il-kwistjoni taċ-ċurkett lili dejqitni.  

Għax il-Knisja li jien u ħafna nies oħra jixtiequ jaraw hija Knisja qrib in-nies u mhux Knisja taz-zuntier u tat-tombla.  Il-Knsija li qed nimmaġina jien hija Knisja li terġa’ tieħu lura s-settur soċjali u mhux ċedietu u spiċċat mingħajr missjoni tanġibbli.  Il-Knisja li qed nimmagina jien mhux dik imdallma kif inhi l—Kurja imma Knisja  li tirrikonċilja l-komunita’, li takkumpanja mingħajr ma tiġġudika, li dak li huwa tajjeb tbierku, li r-regoli ma jibilawhiex, li l-kostumi u t-tradizzjonijiet ma jieħdux over. 

Jien nibqa’ nittama, għax dik l-aħħar li tmut it-tama.

It-tama hija li tkun Knisja tan-nies u mhux tar-regoli, Knisja tal-qalb u mhux tar-raġunamenti, Knisja li takkumpanja u mhux li tiġġudika. 

Dr Andrew Azzopardi hu Senior Lecturer fid-Dipartiment għall-Istudji dwar iż-Żgħażagħ u l-Istudji tal-Komunità, fil-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fl-Università ta’ Malta u xandar – Għandi xi Ngħid.

www.andrewazzopardi.org 

More in Il-punt