Biex ħadd ma jibqa' lura

 minn Aaron Farrugia

Biex ħadd ma’ jaqa’ lura

 

Li wieħed jgħid illi l-ekonomija Maltija sejra tajjeb u li l-Gvern qiegħed jaħdem u jġib ir-riżultati ma hijiex sempliċiment fehma jew interpretazzjoni suġġettiva.

 

Jixhdu dan hemm l-agenziji ta’ kreditu internazzjonali - Moody`s u Standard and Poor`s fost oħrajn, kif ukoll is-sidien tal-intrapriżi kemm lokali u kemm dawk barranin li għandhom l-investiment tagħhom f`Malta.

 

Jeżisti kunsens ġenerali fost il-Maltin illi fil-pajjiż hawn dak li jissejjaħ bħala ‘feel good factor’, jiġifieri illi n-nies tħossha tajjeb u b’mod ġenerali, l-ottimiżmu huwa mifrux.

 

Dan ma seħħx waħdu. L-ispiża pubblika ġiet imrażżna. Qegħdin nixhdu tnaqqis fid-defiċit, tant illi l-Kummissjoni Ewropea ħarġet lil Malta mill-proċeduri dwar defiċit eċċessiv, jiġifieri xxx

“Għandu jkun il-baġit li jmiss li jgħin biex il-familji li jinsabu fis-saffi l-iktar baxxi jibdew iħossu, b`mod tanġibbli, il-ġid li qiegħed jinħoloq”

 

Minkejja dan, f`diskussjoni li kelli ftit tal-jiem ilu, xorta waħda ġejt mistoqsi għalfejn hawn numru ta’ persuni u anke familji, li jemmnu li l-ġid li hawn f`pajjiżna u t-tkabbir ekonomiku għadu mhux jissarraf minn dawk li qegħdin fl-aktar saffi baxxi tas-soċjetà.

 

Trickle down economics

Ftit tal-ġimgħat ilu, qrajt editorjal f'ġurnal lokali li kien jitkellem dwar dawk 'l hekk imsejħa ‘trickle down economics’. Fi ftit kliem intqal li l-fenomenu ta' din it-teorija mhuwiex jaħdem f’pajjiżna. Tajjeb nispjega illi t-teorija tat-‘trickle down economics’ tgħid illi jekk Gvern jgħin lil dawk li huma fis-saff ta’ fuq tas-soċjetà, inkluż dawk bin-negozju, billi joffri inċentivi fiskali u jżid il-flessibilità fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda - allura l-konsum jikber b’rata li permezz tagħha d-dħul tal-Gvern mhux biss jagħmel tajjeb għad-dħul anqas li jkun qiegħed idaħħal minħabba li jkun naqqas it-taxxi, iżda talli l-ġid li jinħoloq jilħaq ukoll lis-saffi ekonomiċi baxxi tas-soċjetà.

 

Lil’hinn mill-astrattiżmi ekonomiċi, dawk li jippridkaw il-benefiċċji ta’ din it-teorija spiss ixebbhuha ma’ mewġa; dawn jgħidu li mewġa tgħolli 'l fuq id-dgħajjes kollha - kbar u żgħar.

 

Nistqarr illi ma nemminx f`din l-istrateġija, liema dejjem ġiet użata minn gvernijiet konservattivi, b'mod partikolari fl-Istati Uniti mill-President Ronald Reagan. Lanqas dan il-Gvern ma jqis din l-istrateġija bħala dik preferuta, tant illi l-qafas tal-pjan ekonomiku tiegħu dejjem kien li joħloq klassi medja (middle class) ġdida, billi jgħolli l-qligħ ta’ dawk b’introjtu baxx bil-għan illi jitilgħu tarġa oħra fl-iżvilupp ekonomiku tagħhom u ta' familthom.

 

Klassi medja ġdida

 

Jibqa’ l-fatt illi dawk li jassoċċjaw it-teorija tat-‘trickle down economics' ma’ dan il-Gvern mhumiex kompletament żbaljati. Nifhem illi wieħed jista’, mad-daqqa t’għajn, iqis dan bħala kuntradittorju. Madankollu, ħarsa aktar mill-viċin tikxef distinzjoni importanti li turi illi l-istrateġija tal-Gvern hija waħda intelliġenti li trendi riżultati tanġibbli.

 

Wieħed irid jiftakar li waqt il-kampanja elettorali tal-2013, il-Gvern Nazzjonalista kien qiegħed jgħid illi jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, kien se jnaqqas it-Taxxa tad-Dħul għas-saffi ta' fuq tas-soċjetà. Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista poġġa fuq quddiem nett tal-proposti tiegħu r-roħs fit-tariffi tal-enerġija. Id-differenza kienet illi l-PL kien f`pożizzjoni illi jgħid li permezz tal-pjan ekonomiku tiegħu, seta' hu wkoll inaqqas it-taxxa tad-dħul bl-istess mod li kien qiegħed jipproponi il-Partit Nazzjonalista. B’riżultat ta’ dan, il-PN tilef is-saħħa li ħaseb li se jkollu fuq il-proposta tiegħu għar-roħs tat-Taxxa tad-Dħul f`dik il-kampanja elettorali. Aktar tard, il-PL fil-Gvern żamm mal-proposti elettorali tiegħu, tant li raħħas it-tariffi tal-enerġija u naqqas ukoll it-Taxxa tad-Dħul lil dawk li kienu jinsabu fis-saffi ta' fuq; dan kollu fuq  medda ta` sentejn, hekk kif kien pjanat. Fuq kollox, il-Gvern għamel pass akbar u wasal saħansitra sabiex ineħħi t-taxxa inġusta li kienet daħlet fl-amministrazzjoni preċedenti fuq dawk li jaqilgħu l-anqas. Dan, flimkien ma’ ħidma kontinwa fuq investiment barrani dirett u pjan ħolistiku biex titnaqqas il-burokrazija f`pajjiżna, flimkien ma’ inċentivi oħra li wasslu biex ikun hemm influss ta’ ħaddiema ġodda fid-dinja tax-xogħol. Dan kollu wassal biex jitkabbar il-prodott domestiku gross li fisser tkabbir ekonomiku. Kien dan li wassal biex uħud jassoċċjaw dan ir-riżultat mal-istrategija tat-‘trickle down economics.’

 

Inċentivi tanġibbli

Ħarsa lejn l-inċentivi li offra l-Gvern f`dawn is-sentejn turi  illi l-pjan ta' din l-amministrazzjoni huwa li taħdem u tistinka sabiex tinħoloq klassi medja ġdida. L-istess roħs fit-tariffi tal-enerġija - li ddaħħlu għall-ħafna u mhux għall-ftit, l-inċentivi fiskali għan-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol biex huma wkoll jagħtu kontribut fl-ekonomija, is-servizz ta' child care centre b’xejn, il-garanzija għaż-żgħażagħ, it-trażżin tan-nefqa pubblika u t-tnaqqis fid-defiċit - dawn kollha għenu biex ikollna familji b’aktar flus fil-but, f`soċjetà li titbiegħed mill-benefiċċji soċjali u tersaq għad-dinja tax-xogħol.

 

Baġit 2015/2016

Tal-fehma li l-baġit li jmiss għandu jgħin biex il-familji li jinsabu fis-saffi l-aktar baxxi jibdew iħossu b’mod aktar tanġibbli l-ġid li qiegħed jinħoloq.

 

Nifhem li l-Gvern se jkun qiegħed ipoġġi fuq quddiem nett ir-riforma fil-pensjonijiet u jagħti ħarsa lejn it-Taxxa tad-Dħul ta’ dawk li ma ibbenefikawx sal-lum mir-roħs li kien hemm fil-baġits preċedenti. L-investiment barrani dirett ukoll se jibda juri r-riżultati u l-proġetti kbar li bdew se narawhom jissarfu f'aktar impjiegi, issa li qed toqrob it-tielet sena tal-Gvern ta’ Muscat. Inħoss illi dan kollu huwa importanti biex persuna jkollha l-facilità li timxi minn impjieg għall-ieħor. Huwa hawn li persuna tkun tista' timxi minn saff għall-ieħor, jiġifieri tesperjenza il-mobiltà soċjali, billi timxi f'impjieg fejn il-kundizzjonijiet u s-salarju jkunu aħjar. Pajjiżna jinsab viċin ħafna illi jilħaq fost l-inqas livelli baxxi ta' qgħad.

 

Il-ħidma issa għandha tkun li ntejbu l-kundizzjonijiet preżenti, bil-għan li kull familja jkollha id-dħul li jkun biżżejjed biex tilħaq livell ta’ għixien diċenti. Iżda mhux biss. Il-Gvern għandu jibda programm wiesa', idealment b'fondi Ewropej, permezz ta’ liema kull persuna tingħata l-għajnuna biex ittejjeb il-ħiliet tagħha, u idealment, twessahom bil-għan li tkun tista' sservi fis-setturi l-ġodda. Min-naħa l-oħra, biex ikun jista’ jżomm dan ir-ritmu, jimplimenta dawn il-miżuri u jżomm mal-pass ta’ dan it-tkabbir ekonomiku, il-Gvern irid ikompli bil-politika monetarja u fiskali tiegħu, ikompli jeqred l-ekonomija s-sewda u jżomm lura milli jintroduċi taxxi ġodda. L-aspettattivi għal dan il-Gvern kienu u għadhom għoljin mhux għax hemm barra mhemmx maltemp jew biss għax il-poplu illum jinsab rasu mistrieħ li l-finanzi jinsabu fis-sod - iżda għax dan hu Gvern li jaħdem, iwettaq u jġib ir-riżultati.

Aaron Farugia huwa Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss

More in Il-punt