Id-divorzjati u l-iskomunika
...l-Knisja għandha tagħti aktar spazju lill-mara fix-xogħol tal-Knisja
Fix-xhur li għaddew, is-Sinodu tal-Isfqijiet ippubblika l-‘Instrumentum Laboris’, id-dokument bażi li permezz tiegħu trid issir id-diskussjoni fis-Sinodu tal-Familja f’Ottubru li ġej.
Il-kardinali u l-isfqijiet flimkien mal-Papa Franġisku qed jippreparaw ruħhom sabiex jaffrontaw dibattitu deċiżiv dwar it-temi tal-familja: Kif il-Knisja Universali ser tieħu ħsieb il-feriti tal-familja: Il-problemi tal-persuni separati, tad-divorzjati kemm dawk li reġgħu daħlu f’unjoni oħra, kif ukoll dawk li baqgħu jgħixu waħedhom.
L-aktar tema taħraq li kienet ġiet diskussa fis-Sinodu straordinarju dwar il-familja li seħħ f’Ottubru tas-sena l-oħra, kienet it-tema tal-komunjoni ta’ dawk divorzjati li reġgħu żżewgu. Din id-diskussjoni naħseb anke b’ċerta strateġija min-naħa tal-Papa, ppreċediet lis-Sinodu Ordinarju t’Ottubru li ġej. Ir-riżultati tas-Sinodu tas-sena l-oħra kienu ntbagħtu lura fil-knejjes lokali għad-diskussjoni u wara tmien xhur ta’ xogħol u taħdit, f’Ġunju li għadda, ġie ppubblikat dan id-dokument li ser ikun l-iskeletru li ser jitlaħħam mil-prelati li ser jiddiskutu dawn it-temi delikati.
Dan l-‘Instrumentum Laboris’ jitlaq bir-relazzjoni finali tas-Sinodu Straordinarju tas-sena l-oħra u kif ġew ivvutati paragrafu wara l-ieħor tad-dokument kollu.
“Kull persuna, indipendentement mit-tendenza sesswali tagħha, għandha tiġi rrispettata fid-dinjità tagħha u għandha tiġi milqugħa b’sensibbiltà u b’delikatezza”
Fuq il-Paragrafu 52, dak approvat b’maġġoranza ‘żgħira’ ta’ 56% li jafferma li għall-bażi tal-konsultazzjoni u tal-istudju effetwat fil-każ ta’ divorzjati li reġgħu żżewgu li qed jgħixu f’konvivenza ‘irriversibbli’ imma li fl-istess ħin qed jitolbu li jitqarbnu, għandu jkun hemm ftehim dwar il-possibbiltà ta’ itinerarju ta’ rikonċiljazzjoni jew ta’ triq ta’ penitenza taħt l-awtorità tal-isqof djoċesan. Ma jittrattax biss is-sagrament tal-Ewkaristija, imma tal-integrazzjoni lura. Din it-triq, li xhur ilu kienet spjegata mit-teologu l-Isqof Bruno Forte u mill-Kardinali Peter Erdo u Lorenzo Baldisseri, għadha mhix miftuħa. Id-dokument jiċċara li dan għad għandu jiġi propost lil dawk li ser jieħdu sehem fis-sinodu. Id-deċiżjoni tagħhom u l-vot tagħhom, ikollu t-toqol deċiżiv għax fis-sinodu ordinarju sabiex deċiżjoni tiġi aċċettata trid tirbaħ il-maġġoranza kwalifikata tad-due terzi.
Irrid ngħid li fl-aħħar ġimgħat, il-Papa Franġisku beda sensiela ta’ lezzjonijiet b’temi tal-familja, qisu qed jipprepara l-momentum tiegħu lejn dan l-avveniment hekk importanti t’Ottubru li gej.
Jiem ilu, il-Papa Franġisku qal hekk dwar id-divorzjati: “Hu neċessarju li nilqgħu b’merħba fraterna u attenta lil dawn l-imgħammda li stabbilew konvivenzi ġodda wara l-falliment taż-żwieġ sagramentali tagħhom. Dawn il-persuni mhumiex skomunikati u m’għandhomx jigu trattati hekk!”
Dan is-sinodu mhux ser jittratta biss il-kriżijiet taż-żwieġ biss, iżda anke temi delikati oħra fejn il-Knisja trid turi aktar inklużjoni, imħabba u rispett lejn persuni omosesswali. Fis-sinodu tas-sena l-oħra kien intqal li l-unjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess qatt ma tista’ titqabbel ma’ żwieġ bejn mara u raġel. Tema li kienet ħolqot ħafna kuntrast fis-sinodu tas-sena l-oħra u li finalment din il-kitba kienet għosfrot mid-dokument finali. Id-dokument ta’ din is-sena jgħid li kull persuna indipendentement mit-tendenzi 0 sesswali tagħha għandha tigi rrispettata fid-dinjità tagħha u għandha tiġi milqugħa b’sensibbiltà u b’delikatezza kemm fil-Knisja kif ukoll fis-socjetà. Ikompli jgħid li l-proġetti pastorali djoċesani għandhom jirriżervaw attenzjoni speċifika fl-assistenza ta’ familji fejn fihom jgħixu persuni b’tendenzi omosseswali u anke favur l-istess persuni b’tendenzi omosseswali.
“Il-proċess [biex żwieġ isir null], għandu jsir aktar aċċessibli u possibilment mingħajr ħlas ta’ miżati”
Fost ħafna temi oħra ser ikun diskuss ukoll il-proċess tan-nullità taż-żwieg fejn fost l-oħrajn, dan il-proċess għandu jsir aktar aċċessibbli u possibbilment mingħajr ħlas ta’ miżati. Kull djoċesi għandha tiggarantixxi s-servizz ta’ informazzjoni, konsulenza u medjazzjoni li jkunu kollegati mal-pastorali tal-familja l-aktar mal-persuni separati jew mal-koppji fi kriżi.
Fl-istess dokument hemm paragrafu li jitkellem dwar li l-Knisja għandha tagħti aktar spazju lill-mara fix-xogħol tal-Knisja.
Nagħlaq dan l-artiklu b’dak li qal il-Papa fl-ewwel udjenza ġenerali wara l-waqfa ta’ Lulju li għadda. Il-Knisja hija d-dar dejjem miftuħa tal-Missier. Qatt bil-bibien magħluqa, anzi bil-bibien miftuħa beraħ! Kulħadd jista’ jipparteċipa fil-ħajja ekkleżjali, kulħadd jista’ jagħmel parti mil-komunità! B’dan l-eżerċizzju l-Knisja tixtieq titfa’ l-balzmu fuq il-feriti tal-batut, tal-ferut. Knisja aktar Omm, Knisja aktar tħobb!