Knisja aktar Ħanina!
Frank Zammit dwar il-bidliet fil-proċess tal-annullament
Nhar is-solennità tan-Natività tal-Verġni Marija, il-Papa Frangisku ppubblika żewġ dokumenti li bihom irrivoluzzjona s-‘Sacra Rota’. Fil-fatt, il-proċess kanoniku għall-kawżi tad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwiġijiet kien baqa’ identiku għal dak ta’ tliet mitt sena ilu, sa minn żmien ir-riforma ta’ Benedittu XIV, Papa Lambertini. Skont id-dekan tas-Sacra Rota Romana, Dun Pio Vito Pinto, il-Papa segwa personalment l-iżviluppi kollha tal-kummissjoni li kienet qed tieħu ħsieb dan it-tiġdid tal-proċess tal-annullamenti taż-żwiġijiet u kien ikun infurmat perjodikament fejn tkun waslet fix-xogħol tagħha din il-kummissjoni.
Permezz taż-żewġ ittri appostoliċi, Motu Proprio Mitis Iudex Dominus Iesus li tfisser ‘L-Imħallef Klementi l-Mulej Ġesù u l-Mitis et Misericors Iesus, li tfisser ‘Il-Klementi, u l-Ħanin Ġesù’, il-Papa Franġisku indirizza din il-problema, tefa’ ċattra lil dawk li qed jegħrqu, kemm lil dawk li jipprattikaw fil-Knisja tar-Rit Latin, kif ukoll lil dawk il-fidili tal-Knisja Orjentali.
Imma x’jgħidu dawn iż-żewġ dokumenti li ħafna vatikanisti iddeskrivewhom bħala l-akbar deċiżjoni ta’ Franġisku mill-elezzjoni tiegħu lil hawn?
Il-Papa Franġisku fil-prefazju ta’ dawn iż-żewġ dokumenti jistqarr li din ir-riforma kienet iggwidata minn seba’ kriterji speċifici. Li huma:
Mhux se jibqa’ l-bżonn t’appell favur in-nullità taż-żwieġ sabiex il-partijiet jitħallew jidħlu fi żwiġijiet ġodda tal-Knisja. Iċ-ċertezza morali milħuqa mill-Imħallef tal-ewwel deċiżjoni se tibda tkun suffiċjenti għal-liġi.
In-nomina ta’ mħallef uniku fil-Qorti tal-ewwel deċiżjoni li dejjem għandu jkun membru tal-kleru li jitpoġġa taħt ir-responsabbiltà tal-Isqof li fl-eżerċizzju pastorali tal-qawwa ġuridika tiegħu jiggarantixxi li ma jkunx hemm xi laxkezza fil-każ li jkun qed jiġi eżaminat.
Ikollna Knisja differenti, Knisja aktar ħanina, Knisja li tagħder
L-Isqof Djoċesan ikun ukoll imħallef, anke bħala sinjal tal-konverżjoni tal-istrutturi ekkleżjastiċi, u b’hekk ma jkunx qed iħalli l-funzjoni ġuridika kompletament delegata lill-uffiċċju tal-kurja djoċesana fejn tidħol il-materja relatata. Dan anke sabiex it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II ikun tradott fil-prattika f’settur importanti bħal dan.
F’każi fejn l-akkużi fi proċess għall-annullament taż-żwieġ ikunu argumenti partikolarment evidenti, il-proċess tal-ġudizzju abbrevjat (imqassar) jista’ jpoġġi f’riskju l-indissolubbiltà tas-sagrament taż-żwieġ f’riskju. U dan ma ħarabx lill-Papa. Għalhekk il-Papa ddeċieda li f’każi bħal dawn, l-istess Isqof Djoċesan ikun l-Imħallef ta’ dawn il-proċessi li bil-qawwa tal-uffiċċju pastorali tiegħu, ikun mwaħħad ma’ Pietru li hu l-ogħla garanti tal-għaqda kattolika, kemm fil-fidi kif ukoll fid-dixxiplina.
Appelli quddiem is-Sede Metropolitana. Hu xieraq li l-appelli quddiem is-Sedi Metropolitani jerġgħu jiġu introdotti, minħabba li dak l-uffiċċju ta’ tmexxija kien ġie stabbillit mal-milja taż-żminijiet hu sinjal distintiv tas-sinodalità tal-Knisja.
Il-kompetenza tal-Konferenzi Episkopali – Il-konferenzi tal-isfqijiet li jridu jkunu misjuqa, mmexxija fuq kollox minn ħerqa kbira li tilħaq lil dawk il-fidili li jżommu ruħhom l-aktar ’il bogħod, għandhom jirrikonoxxu d-dmir li jikkondividu l-konverżjoni diġà msemmija u li assolutament jirrispettaw id-dritt tal-isfqijiet li jorganizzaw il-poter ġuridiku fil-knejjes lokali li huma jmexxu.
Appell lis-Sede Appostolika. Hu xieraq li jinżamm l-appell lit-Tribunal Ordinarju tas-Sede Appostolika, jiġifieri r-Rota Rumana. Dan anke sabiex ikun rispettat u rafforzat il-prinċipju ġuridiku antik, sabiex tinżamm l-għaqda bejn it-Tron ta’ Pietru mal-Knejjes Lokali. Trid tintwera kura f’kull każ, fid-dixxiplina u fl-użu ta’ kull imsemmi appell sabiex jikkontjeni xi, jew kull abbuż tad-dritt, sabiex ma jkun hemm l-ebda lok għal-taħsir tas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Bosta gazzetti Taljani ddeskrivew dan l-aġir tal-Papa Bergoglio bħala ‘Francesco Revolution’. Il-Papa ta d-delega lill-Isqof Djoċesan li jkun l-Imħallef f’dawn il-proċessi tan-nullità taż-żewġ meqjusa b’evidenza flagranti. Bħal per eżempju meta jkun hemm nuqqas ta’ fidi li tista’ twassal għas-simulazzjoni tal-kunsens, jew l-iżball li jiddetermina l-volontà, li wieħed jaħbi b’mod malinn l-isterilità tiegħu lil min ikun dieħel fi żwieġ miegħu, jew li wieħed jaħbi xi marda li tittieħed lil min ikun se jiżżewweġ, li wieħed jaħbi tfal minn żwieġ jew relazzjoni oħra minn ma’ dak li jkun dieħel mill-ġdid f’dan is-sagrament, jew li wieħed jiżżewweġ bl-unika intenzjoni għax ikun ħareġ tqila lit-tfajla tiegħu jew anke l-immaturità ta’ dawk li jkunu se jersqu għaż-żwieġ tista’ twassal għal dawn il-proċessi qosra li Franġisku qed jesiġi li jkunu preseduti mill-Isqof Djoċesan.
Papa li daħal għal din id-deċiżjoni bl-intenzjoni unika tas-salvazzjoni tal-erwieħ
Anke jekk l-Isqof jiddeciedi li jmur għall-proċess ordinarju, dan il-proċess m’għandux itawwal aktar minn sena fil-massimu, u s-sentenza ma jkollhiex bżonn appell kif kien jiġri s’issa u kif diġà ktibt.
Dan kollu dieħel fis-seħħ nhar il-festa tal-Kunċizzjoni, fl-ewwel jum tal-Ġublew tal-Ħniena. Dakinhar, ikollna Knisja differenti, Knisja aktar ħanina, Knisja li tagħder immexxija minn Papa li daħal għal din id-deċiżjoni bl-intenzjoni unika tas-‘salus animarum’ jigifieri bl-intenzjoni għas-salvazzjoni tal-erwieħ li hi wkoll il-liġi suprema tal-Knisja. Franġisku hu ragħaj per eċċellenza li jibqa’ jsegwi lin-nagħag tiegħu sal-aktar postijiet meqjusa perikolużi u mwiegħra!