Iż-Żwieġ għadu jagħmel sens għalik?
minn Kevin Mercieca
Fil-preżent, kulħadd jirrikonoxxi l-fatt li qed ngħixu f’soċjetà sekulari fejn ir-reliġjon ma tiddettax id-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu, kif ukoll soċjetà aktar pluralista fejn għandek nies ta’ reliġjonijiet, kulturi u klassijiet soċjali differenti li jħaddnu r-reliġjon tagħhom fis-soċjetà. Dan kollu li għadni kif semmejt japplika wkoll għaż-żwieġ.
L-istatistika turi li ż-żwieġ bil-knisja għadu relattivament b’saħħtu f’pajjiżna. Madankollu, xorta waħda joħroġ biċ-ċar li diversi koppji żgħażagħ qed jagħżlu li jiżżewġu biċ-ċivil, jikkoabitaw jew saħansitra jibqgħu jgħixu waħedhom. Fil-fatt, diversi studji kemm lokali kif ukoll internazzjonali juru li l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tal-lum saru aktar individwalisti u jridu aktar spazju għalihom infushom. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, jirriżulta li fl-1980, ir-rata taż-żwieġ għal kull 1,000 persuna f’pajjiżna kienet ta’ 8.5%. Sal-1994 din niżlet għal 6.7% filwaqt li sal-2009, din niżlet għal 5.7% għal kull 1,000 persuna. Minkejja dan, ir-rata taż-żwieġ bil-Knisja f’pajjiżna hija xorta waħda ogħla minn ta’ diversi pajjiżi oħra Ewropej. Min-naħa l-oħra, ż-żwiġijiet biċ-ċivil raw żieda sinnifikanti, fejn fl-1990 kienu jammontaw biss għal 6% tat-total ta’ żwiġijiet reġistrati, dan in-numru tela’ għal 32% fl-2010. Il-maġġoranza ta’ dawk li żżewġu biċ-ċivil fl-2010 kienu barranin, u terz biss kienu ċittadini Maltin.
Għalina l-Kattoliċi, iż-żwieġ apparti li narawh bħala fenomenu sagru, nikkunsidrawh ukoll bħala sagrament minnu nnifsu. Il-valuri primarji taż-żwieġ huma li l-familja turi rispett soċjali u tikkonforma għax-xewqat tal-familja u l-komunità, u anke tħalli stampa pożittiva tal-familja fis-soċjetà fejn tgħix. Min- naħa l-oħra, il-valuri konvenzjonali taż-żwieġ huma l-ġid tal-koppja, u t-tnissil u l-edukazzjoni tal-ulied, iżda dan mhux neċessarjament japplika għar-realtajiet tal-lum fejn għandek persuni li jiżżewġu u jagħżlu li ma jkollhomx tfal, għal raġunijiet differenti.
Kull individwu huwa responsabbli għas-suċċess jew falliment tiegħu jew tagħha, indipendentement mill-istruttura tal-komunità jew il-kundizzjonijiet soċjali
Iżda, kif elenkajt fil-bidu, ir-realtajiet tal-lum huma differenti minn tal-imgħoddi u għaldaqstant, is-sinnifikat taż-żwieġ għal ċertu individwi, qed jieħu xejra differenti. Għandek numru ta’ nies illum li l-ħsibijiet matrimonjali tagħhom huma konċernati fuqhom infushom biss, la fuq Alla, u laqas fuq kif jidhru fis-soċjetà f’għajnejn in-nies ta’ madwarhom. ‘Jekk niżżewiġx jew le hija affari tiegħi u ta’ ħadd aktar,’ dan huwa r-ragunament ta’ dawn in-nies. La s-soċjetà, u lanqas Alla m’għandu jiddetta ċertu regoli jew obbligi fuq l-imġiba personali tal-persuna u ħadd m’għandu dritt jisforza lil oħrajn jiżżewgu lil persuna li ma jixtiqux, kif kien jiġri fl-imgħoddi meta konna ngħixu fi stat konfessjonali. B’hekk, kull individwu huwa responsabbli għas-suċċess jew falliment tiegħu jew tagħha, indipendentement mill-istruttura tal-komunità jew il-kundizzjonijiet soċjali.
Żwiġijiet li ma jirnexxux
Diversi esperti u professjonisti f’dan il-qasam huma tal-fehma li ż-żwieġ attwalment qed jaffaċċja numru ta’ sfidi ġodda għax il-familja saret waħda fragmentata. L-istituzzjoni tal-familja tbiddlet minn istituzzjoni bijoloġika li hija ffukata fuq it-trobbija tat-tfal u l-benessere tagħhom, għal istituzzjoni li tenfasizza fuq il-bżonn u x-xewqat emozzjonali ta’ żewġ persuni lejn xulxin. Oħrajn jemmnu li ċertu żwiġijiet qed jitfarrku minħabba l-ħajja konsumerista li qed jgħixu fiha, li hija kkaratterizzata minn stress, materjaliżmu u ġirja waħda biex tlaħħaq mal-ħin.
L-istituzzjoni tal-familja tbiddlet minn istituzzjoni bijoloġika li hija ffukata fuq it-trobbija tat-tfal, għal istituzzjoni li tenfassiza fuq il-bżonn u x-xewqat emozzjonali ta’ żewġ persuni
Apparti minn hekk, hemm raġunijiet oħra bħalma huma: i) il-bidliet demografici, bħal per eżempju meta n-nies kienu jgħixu inqas kien hemm inqas żwiġijiet li ma jirnexxux, ii) ħafna nies jibbażaw l-imħabba tagħhom fuq ir-romantiċiżmu, u din maż-żmien tonqos, minħabba li tonqos il-passjoni sesswali, iii) illum in-nisa saru inqas dipendenti fuq l-irġiel minħabba li ħarġu jaħdmu u għandhom aspettattivi aktar għoljin għalihom mill-imgħoddi, iv) id-divorzju m’għadx hemm stigma dwaru, allura dak li jkun isibha aktar faċli li jagħmel użu minnu u v) kif semmejt fil-bidu, il-fatt li sirna aktar nies individwalisti fejn jimpurtana aktar li nkunu kuntenti u nagħmlu suċċess mill-att personali milli mill-familja jew il-partner tagħna.
It-triq ’il quddiem
Jien naf diversi familji li ilhom miżżewġin għal snin twal, jiġifieri stejjer pożittivi vis-a-vis ż-żwieġ jeżistu wkoll. Naf koppja partikolari li ilhom miżżewġin sittin sena, u kelli l-opportunità sabiħa li niltaqa’ ma’ din il-koppja u saqsejtom x’kien is-sigriet biex iż-żwieġ tagħhom jirnexxi. Bla tlaqliq ta’ xejn, qaluli li fiż-żwieġ tagħhom, argumenti kellhom ħafna iżda kienu jsibu ħin għal xulxin biex jitkellmu u jinħabbu. Fil-verità intom li qed taqraw dan l-artiklu u li forsi għaddejjin minn żminijiet diffiċli fiż-żwieġ tagħkom, kemm qed issibu ħin biex tagħtu attenzjoni lil xulxin u tiftħu qalbkom dwar id-diffikultajiet li hemm ta’ bejnietkom?