Tlaqna bi qbil imma t-triq hija twila

L-Editorjal tal-ILLUM

Inżiduha jew le l-paga minima? Nibdew mill-ewwel billi ngħidu xi ħaġa li jaqbel magħha, jew għall-inqas jidher li qed jaqbel magħha kulħadd. Il-paga minima kif inhi llum ma tirriflettix il-bżonnijiet bażiċi ta’ min qed jgħix biha, għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, għax il-ħajja u l-prodotti bażiċi li neħtieġu biex ngħixu ‘komdi’ dejjem jiżdiedu fil-prezz u t-tieni, u aktar importanti, għax il-mekkaniżmu li bih titkejjel l-għoli tal-ħajja ma jirriflettix ir-realtà u l-prezzijiet fis-suq. Fil-fatt, minkejja l-preġji kollha tar-rapport tal-Caritas, kif qed jinnota tajjeb Peppi Azzopardi fil-kummenti tiegħu f’paġna 7 ta’ din il-gazzetta, dan ir-rapport huwa konservattiv ħafna fil-kalkoli tiegħu għal dak li hemm bżonn biex individwu jew familja jkollhom dak li hu bażiku. 

Jiġifieri, l-ewwel u qabel kollox, din il-gazzetta tixtieq tingħaqad ma’ diversi ilħna, fosthom tal-UĦM, għal reviżjoni ta’ kif jitħaddem il-makkinarju li bih tkun determinata l-COLA. B’hekk, iż-żieda tkun ikkalkulata fuq ir-realtà tal-lum, mhux ta’ 30 sena ilu.

Lil hinn minn dan iżda, 16-il għaqda nhar is-Sibt li għadda proponew li l-paga minima tiżdied b’€950 fuq medda ta’ tliet snin. Mal-prinċipju ta’ din iż-żieda, din il-gazzetta taqbel, jekk xejn minħabba li huwa fatt aċċettat minn kulħadd li l-miżerja ta’ €4.20 fis-siegħa llum tħallik tiġri b’ilsienek barra, biex forsi, forsi jkollok ikel sal-aħħar tax-xahar. Naqblu li l-paga minima għandha tibqa’ dik ix-xibka li kemm jista’ jkun iżżomm lil eluf ta’ individwi milli jgħixu fil-miżerja tal-faqar. Naqblu wkoll, kif aċċennajna diversi drabi, ma’ dawn l-għaqdiet li t-tkabbir ekonomiku jeħtieġ jasal għand kulħadd.

Imma, issa ejja nitilqu naqra mill-prinċipju u nħarsu lejn it-tħaddim ta’ żieda proposta fir-realtà.

L-ewwel nett wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix, jekk irid ikun politikament ġust, li dan il-Gvern, speċjalment bil-miżuri tal-aħħar baġit qiegħed iwettaq ħidma, jew beda jwettaq ħidma biex il-ġid li qed jinħoloq jasal għand kulħadd, l-aktar għand il-vulnerabbli. Wieħed ma jistax jarmi fil-ġenb miżuri bħal żieda fil-pensjoni ta’ diżabbiltà, żieda fil-pensjoni tal-wens u żidiet fil-pensjoni minima nazzjonali. Bħalma wieħed ma jistax jarmi fil-ġenb miżuri bħal żieda konsiderevoli fl-għajnuna supplimentari, l-irduppjar tas-sussidju fuq il-kirjiet privati u mela le, anke l-iskema tal-First Time Buyers li permezz tagħha tfal ta’ familji fil-faxex t’isfel u dawk medji qed jiffrankaw bejn €4,500 u €5,000 f’taxxa tal-boll. Jiġifieri wieħed irid jitfa’ din id-diskussjoni dwar żieda fil-paga minima fil-kuntest ta’ Gvern li rrikonoxxa l-bżonn li jgħin lil min l-aktar li qiegħed fil-bżonn u qed jagħmel xi ħaġa dwarha.

It-tieni nett, tajjeb li f’dan il-pajjiż mhux nieqfu biss fuq li nqabblu ċ-ċifri globali ta’ tkabbir u nieqfu hemm. Tajjeb li jsir eżerċizzju li nqabblu l-valur reali tal-istess paga. Huwa vera li l-Irlanda, li ekonomikament qed tiġri bħalna, għandha rata ta’ għoli tal-ħajja ogħla minn tagħna. Imma tajjeb ukoll li nitqabblu f’termini ta’ valur ta’ paga. Ma nistgħux nagħżlu li nitqabblu maż-żwiemel tat-trott fejn jaqblilna, imbagħad fejn jidħlu l-pagi nikkuntentaw nitqabblu mal-agħar pajjiżi.

It-tielet: Is-16-il għaqda qed jagħmlu, tal-inqas fil-fehma ta’ din il-gazzetta, żball ikrah, żball li sa ftit ilu din il-gazzetta kienet takkuża lil Gvern bih. Qed taqbad lil kulħadd f’basket wieħed u qed targumenta li la kulħadd qed jagħmel il-miljuni fil-profitt, mela issa huwa ż-żmien li nżidu l-paga minima. Huwa argument diffettuż, għax m’hemm l-ebda evidenza xjentifika li ‘kulħadd’ qed jagħmel dawn il-profitti kbar. Fil-fatt, minn rapporti fuq din il-gazzetta l-Ħadd li għadda u ta’ qabel, jirriżulta li hawn ħafna negozji żgħar f’dan il-pajjiż, l-aktar ħwienet żgħar u medji tal-ħwejjeġ u mijiet ta’ ħwienet tal-merċa li mhux talli sejrin tajjeb, talli qed ikollhom ibigħu bid-dejn biex iżommu l-klijenti.

Jiġifieri tajjeb li qabel tiżdied il-paga minima fuq kull min jimpjega, b’mod ugwali, jeħtieġ ikun hemm studju serju ta’ min jiflaħ u min le. U biex nagħmlu dan jeħtieġ nitilqu mill-punt li kuntrarjament għall-ħafna fanfarri, il-miljuni kbar fi profitti qed imorru għand numru ristrett ta’ kumpaniji, mhux għand il-maġġoranza kbira tan-negozji ż-żgħar li minkejja l-ħafna għajjat ta’ pro-business ħafna minnhom baqgħu fejn kienu tliet snin ilu.

Meta nitkellmu fuq ‘ħaddiem’ u ‘żgħir’ irridu noqogħdu attenti li ma nfissrux biss, min qed jaqla’ paga iżda wkoll min għamel sagrifiċċji kbar biex fetaħ negozju żgħir. Dawn ‘żgħar’ u ‘ħaddiema’ wkoll.

U fl-aħħar jeħtieġ ikun determinat jekk min illum qed jaqla’ l-paga minima bil-benefiċċji bħall-għajnuna supplimentari, hux se jitlef dawn il-benefiċċji b’żieda fil-paga bir-riżultat li jibqa’ fejn hu, jekk mhux imur għall-agħar ukoll.

Tlaqna minn punt ta’ qbil. Issa jeħtieġ, kif fil-fatt indika l-Prim Ministru, li ssir diskussjoni li tmur lil hinn mill-passjoni u r-retorika u li tiddetermina l-aħjar triq ’il quddiem, biex min ħaqqu jkompli jintrefa’ ’l fuq.

 

More in Il-punt