Martirju ta' poplu
L-opinjonista tal-ILLUM Joe Ellis jitkellem dwar il-martirju li għaddej minnu l-poplu Sirjan u r-reazzjoni ta' Trump
Meta Saddam Ħussein invada l-Kuwait fit-2 t’Awwissu 1990, kienet qamet kontroversja sħiħa dwar laqgħa ftit jiem qabel fil-25 ta’ Lulju kellu mal-ambaxxatriċi amerikana f’Bagħdad, April Glaspie. F’din il-laqgħa, Glaspie mid-dehra qalet lil Ħussein illi l-kwistjoni illi kellu mal-Kuwait kienet waħda bejn l-Għarab u l-Amerika ma kellha xejn x’taqsam magħha. Bosta nterpretaw dan id-diskors bħala indikazzjoni illi Ħussein setgħa jagħmel li jrid fir-rigward tal-Kuwait u illi l-Amerika ma kienetx ser tintervjeni. Jaħsbu illi kieku l-ambaxxatriċi ndikat lil Ħussein illi l-Amerika ma kienetx ser toqgħod tħares jekk l-Iraq jinvadi l-Kuwait, Ħussein ma kienx jordna l-invażjoni. U l-istorja ta’ dawn l-aħħar snin kienet tkun ferm differenti.
Dan kollu ftakartu il-ġimgħa l-oħra wara illi l-President Amerikan Trump ordna l-attakk ta’ ajrudrom sirjan f’Al Shajrat barra mill-belt ta’ Ħoms fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Skond l-intelliġenza amerikana, minn dan il-mitjar kienu telqu l-ajruplani illi jumejn qabel kienu bbumbardjaw l-belt ta’ Khan Sheikhoun fil-provinċja ta’ Idlib fis-Sirja tat-tramuntana. Din il-provinċja hija kkontrollata minn allejanza ta’ gruppi ribelli, fosthom fazzjoni b’rabtiet ma’ Al-Qaeda. Jidher illi ta’ l-anqas 85 ruħ mietu f’dan l-attakk, fosthom 20 tifel u tifla. Kollox jindika ukoll illi ntuża gass ferm, is-sarin. Tifel ġie ffilmjat qed jifga mal-art b’sidru jintefaħ u ħalqu jinfetaħ u jingħalaq bħal ħutha barra mill-ilma. Filmati oħra wrew il-vittmi bir-ragħwa f’ħalqhom jitawgħġu mal-art sabiex jippruvaw jieħdu n-nifs. Ftit wara dan l-attakk, sar attakk ieħor mill-ajru fuq il-klinika illi fiha kienu qed jiddewwew in-nies, attakk illi bosta jaħsbu kien attentat da parti tar-reġim sirjan sabiex jelimina l-provi tal-attakk barbaru li wettaq.
Tajjeb illi nfakkru ftit ir-raġuni formali għall-invażjoni tal-Iraq : l-eżistenza ta’ armi ta’ qerda ta’ massa u speċjalment, ta’ armi kimiċi. Minkejja illi bosta konvenzjonijiet internazzjonali jipprojbixxu l-użu ta’ armi kimiċi, l-Iraq kien użahom fil-gwerra tiegħu kontra l-Iran ta’ bejn l-1980 u l-1988. Hu stmat illi mietu 100,000 iranjan b’dawn l-armi kimiċi. Barra minn hekk, l-Iraq kien uża armi kimiċi kontra niesu stess f’Ħalabja fil-Kurdistan fis-16 ta’ Marzu 1988. F’dan l-attakk kienu mietu bejn 3,200 u 5,000 ruħ u bosta eluf oħra mietu wara minħabba kumplikazzjonijiet, difetti tat-twelid u mard. Minkejja illi Saddam kien iddikjara illi kien elimina l-armi kimiċi kollha, ħadd ma emmnu. Bosta kienu jaħsbu illi fil-fatt, Saddam kien żamm ħażniet sigrieti ta’ dawn l-armi kimiċi. Madankollu, wara l-invażjoni, dawn l-armi kimiċi ma nstabu mkien.
Tifel ġie ffilmjat qed jifga mal-art b’sidru jintefaħ u ħalqu jinfetaħ u jingħalaq bħal ħutha barra mill-ilma. Filmati oħra wrew il-vittmi bir-ragħwa f’ħalqhom jitawgħġu mal-art sabiex jippruvaw jieħdu n-nifs Joe Ellis
Mal-waqgħa ta’ Saddam, dittatur ieħor ħa dehxa u Muammar Gaddafi ddikjara fl-2004 illi pajjiżu kellu 25 tunnellata ta’ gass mustarda bħal dak li kien intuża fl-ewwel gwerra dinjija. Il-Libja aċċettat illi teqred dawn l-armi u tirrinunzja għall-armi bioloġiċi kif ukoll nukleari illi kienet qiegħda tiżviluppa. Imma s-Sirja ma wetqet l-ebda ġest simili u baqgħet siekta jekk għandhiex armi ta’ dan it-tip.
Il-konflitt sirjan f’Marzu li għadda għalaq sitt snin. Kont ktibt dwaru fl-artiklu tiegħu “Anniversarju Mdemmi” tas-16 ta’ Marzu 2014. Minn xi sena u nofs ‘l hawn kif ir-reġim ta’ Bashar al-Assad deher f’xifer il-kollass, l-intervent dirett russu biddel kompletament il-qagħda militari. Issa r-ribelli tkeċċew mill-bliet il-kbar kollha, inkluż l-akbar belt sirjana, Aleppo. Dan wara offensiva mdemmija illi matulha l-qawwiet tal-ajru russi u sirjani kkommettew atroċitajiet kbar b’ibbumbardjar ripetut ta’ sptarijiet u faċilitajiet mediċi oħra. Progressivament, il-forzi ta’ Assad rebħu territorju kkontrollat mir-ribelli li spiċċaw eżiljati, flimkien mal-populazzjoni ċivili, fil-provinċja ta’ Idlib fejn illum hemm igħixu 3.3 m ruħ.
Għalhekk sa ġimgħa ilu, l-affarijiet kienu jidhru ferm tajbin għal Assad u r-reġim tiegħu. It-Turkija ma baqgħetx tinsisti aktar fuq it-tneħħija ta’ Assad kif kienet ilha tagħmel u ħadet sehem fit-taħdidiet ta’ Astana dwar il-futur tas-Sirja. F’dawn it-taħdidiet ma ħadux sehem l-Amerikani, l-Ewropej u s-Sawditi. Anke l-Amerikani permezz tas-segretarju tal-istat, Rex Tillerson u l-ambaxxatriċi għall-Ġnus Magħquda, Nikki Haley stqarrew ġimgħa qabel l-attakk illi t-tneħħija ta’ Assad m’għadhiex priorità għall-Amerika. Wara kollox, il-president Trump m’ilux illi ħa l-poter u esprima x-xewqa illi jaħdem aktar mill-qrib mar-Russja, il-protetturi ta’ Assad fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku.
Assad seta jħossu sodisfatt illi l-istrateġija tiegħu qiegħda tagħti l-frott. Għin sabiex jissaħħaħ l-Istat Iżlamiku u b’hekk iddeleġitimizza l-opposizzjoni Sirjana li qamet kontrih. Ippreżenta ruħu bħala tarka kontra l-Istat Iżlamiku u possibilment, setgħa jittama illi ser jipparteċipa fl-alleanza mmexxija mill-Amerikani kontra l-istess Stat Iżlamiku. Setgħa anke jibda jaspira illi t-tmexxija tiegħu ser tiġi leġitimata u hu jibqa’ fil-poter meta jispiċċa l-konflitt sirjan. Wara d-dikjarazzjonijiet imsemmija tal-Amerikani, żgur illi ma stenniex illi ser ikun hemm xi reazjoni da parti tagħhom jekk ifettillu juża l-armi kimiċi.
Fil-fatt, din m’hux l-ewwel darba illi l-gvern ta’ Assad uża l-armi kimiċi. Il-president Obama kemm il-darba kien qal illi malli jintużaw, tinqabeż linja ħamra u jkun hemm lok għall-intervent amerikan. Verament, l-Amerika ta’ Obama li kienet qiegħda tipprova toħroġ mill-konflitt afgan u iraqin ftit kellha aptit għall-avventura militari fis-Sirja. Madankollu, tali intervent deher illi ser iseħħ meta Assad sfida lill-komunità internazzjonali f’Awwissu 2013. Il-forzi tiegħu bbumbardjaw subborg ta’ Damasku bil-bombi tal-gass sarin u kkawżaw il-mewt ta’ 1,700 ruħ. Madankollu, ir-Russi ntervenew u l-gvern Sirjan intrabat illi jirrinunzja għall-armi kimiċi kollha tiegħu. Bħala parti minn dan il-ftehim, l-Amerika u r-Russja ntrabtu illi jaġixxu kontra r-reġim sirjan jekk jerġa juża l-armi kimiċi.
B’kollox, xi 1,300 tunnellata ta’ armi kimiċi ġew meqruda fis-Sirja. Madankollu, matul is-snin baqa’ jkun hemm użu sporadiku ta’ armi kimiċi, speċjalment tal-kloru illi huwa anqas qawwi mis-sarin. Imma xejn drammatiku daqs l-attakk ta’ din il-ġimgħa illi kif għidna, setgħa kien provokat mis-sensazzjoni illi ħadd m’hu ser jieħu azzjoni kontra r-reġim qattiel sirjan.
B’din il-mossa xejn mistennija, Trump jidher illi laħaq bosta objettivi. Fl-ewwel lok, bagħat messaġġ lil Assad kif ukoll lill-protetturi tiegħu, ir-Russi u l-Iranjani illi ż-żejjed hu kollu żejjed Joe Ellis
Bosta spekulaw fuq il-motiv tal-president Trump sabiex jadotta deċiżjoni diametrikament opposta għall-politika isolazjonista illi ppriedka waqt il-kampanja elettorali tiegħu. Trump stqarr illi kien impressjonat bl-immaġini mis-Sirja ta’ tfal qegħdin jifgaw u li l-ebda tifel t’Alla m’għandu jmut b’dan il-mod. Waqt illi kien f’ċena mal-president ċiniż fil-lukanda tiegħu fi Florida, ordna l-attakk fuq il-bażi sirjana.
B’din il-mossa xejn mistennija, Trump jidher illi laħaq bosta objettivi. Fl-ewwel lok, bagħat messaġġ lil Assad kif ukoll lill-protetturi tiegħu, ir-Russi u l-Iranjani illi ż-żejjed hu kollu żejjed u ma jistax jagħmel li jrid. Assad u r-Russi setgħu jibbumbardjaw l-isptarijiet u l-kliniċi kollha f’Aleppo u m’hux biss mingħajr ħadd ma ħa azzjoni imma l-użu ta’ armi kimiċi hija xi ħaġa kompletament differenti.
Madankollu, din l-azzjoni kellha ukoll bosta implikazzjonijiet oħra. Trump neħħa minn fuqu ftit mill-pressjoni li għandu minħabba l-allegati rabtiet illi l-kampanja tiegħu kellha mar-Russi. Il-bosta investigazjonijiet illi għaddejjin fir-rigward, fosthom tnejn tal-Kungress, kienu qegħdin dejjem iheddu l-posizzjoni tiegħu. Fl-istess waqt, Trump bagħat messaġġ lill-Korea ta’ Fuq u lill-protettur tagħha, iċ-Ċina illi m’hux ser joqgħod lura jekk il-Korea ta’ Fuq tibqa’ għaddejja bil-programm provokattiv ta’ armi interballistiċi tagħha.
Fil-kampanja elettorali, Hilary Clinton kienet akkużata illi tkeskes il-gwerra mentri Trump ta x’jifhem illi m’hux ser jagħti każ il-konflitti f’artijiet imbiegħda. Propju ftit ħin qabel l-attakk amerikan, Hillary Clinton stqarret f’intervista illi hija kienet favur azzjoni militari kontra s-Sirja, posizzjoni illi hija kellha meta kienet segretarju tal-istat. Anke s-suċċessur tagħha, John Kerry qabel ma l-attakk kif għamlu żewġ senaturi repubblikani li spiss jopponu lil Trump, John McCain u Lindsey Graham. Bosta alleati tradizzjonali amerikani ukoll qablu mal-azzjoni u r-re saudita feraħ lil Trump.
Min-naħa l-oħra, ir-reazzjoni tar-Russi kienet ferm irrabjata u l-possibilità ta’ rapprochement bejn l-Amerikani u r-Russi tbiegħdet ferm. Ir-Russja ġġorr responsabilità kbira għall-martirju tas-Sirja. Il-komunità internazzjonali qatt ma setgħet tieħu azzjoni konkreta kontra r-reġim qattiel ta’ Assad minħabba s-seba’ veti illi r-Russja s’issa eżerċitat fil-Kunsill tas-Sigurtà. Fl-istess ħin, ir-reġim sirjan għadu fuq saqajh minħabba l-appoġġ militari li r-Russi qed jagħtuh. Suppost ir-Russi intervjenew fis-Sirja sabiex jiġġieldu l-Istat Iżlamiku imma din kienet biss propaganda għax l-isforzi militari russi kienu konċentrati kontra r-ribelli Sirjani u m’hux kontra l-Istat Iżlamiku.
Id-demm ta’ ulied is-Sirja għandu tassew igħabbi l-kuxjenza ta’ Vladimir Putin u s-sostenitur kbir tiegħu, il-partijarka Kirill ta’ Moska. Hija r-Russja li qiegħda timblokka l-possibilità ta’ ftehim aħħari għall-konflitt sirjan bir-riżultat ta’ mijiet ta’eluf ta’ mwiet u miljuni ta’ rifuġjati. Hija r-Russja illi qiegħda tappoġja lil Assad u r-reġim tiegħu minkejja illi żgur m’għandhux appoġġ populari. Is-Sirja għandha tkun pajjiż sekulari fejn kulħadd ikollu d-dritt illi jipprofessa r-reliġjon tiegħu u jieħu sehem fil-proċess politiku imma r-Russja qiegħda timblokka kwalunkwe żvilupp f’din id-direzzjoni. Hija sitwazzjoni ta’ swied il-qalb illi ħadd m’hu qed jara tmiem għaliha fil-mument. Tassew ta’ swied il-qalb kbir.