Opinjoni | Logħba
L-opinjonista u eks kandidat tal-PN Joe Ellis jgħid illi l-Att dwar iż-Żwieġ kien 'eżerċizzju kosmetiku intiż għal skopijiet propaġandistiċi u sabiex ikompli jħawwad lill-Partit Nazzjonalista'
Il-ġimgħa l-oħra l-Parlament approva l-att illi ġie mlaqqam l-Att dwar l-Ugwaljanza taż-Żwieġ għalkemm dwar ugwaljanza fiż-żwieġ ma jgħid assolutament xejn. Minn 67 deputat, wieħed biss, Edwin Vassallo ma segwiex il-whip tal-Partit Nazzjonalista u vvota kontra. Sar ħafna diskors dwar dan l-att imma meta wieħed jiflih ftit, wieħed jara illi ma fih xejn ta’ barra minn hawn u ċertament, issa li għadda, mhux ser tikkrolla ċ-ċiviltà.
Jiena ma kellix l-opportunità illi nara l-att kif finalment ġie approvat mill-Parlament għax għadu ma ġiex ippubblikat. Qed nibbaża l-kummenti tiegħi fuq ħarsa fuq fuq li tajt l-abbozz li ġie ppubblikat fis-26 ta’ Ġunju 2017. F’anqas minn ħmistax, dan l-abbozz ta’ 97 klawsola ġie approvat mill-Parlament għax il-gvern kellu għaġla tremenda illi jsir hekk.
Minn dawn is-97 klawsola, sebgħa biss jemendaw l-Att dwar iż-Żwieġ u bosta minn dawn l-artikli huma kosmetiċi għal aħħar. Imkien ma int ser issib illi issa persuni tal-istess sess jistgħu jiżżewġu. Li nbidlet hu illi l-formula ta’ kif il-miżżewġin jiddikjaraw illi ser jiżżewġu. L-artiklu 15(2) tal-Att dwar iż-żwieġ illi qabel kien jaqra “(2) Ir-Reġistratur jew l-uffiċjal l-ieħor li quddiemu jsir iż-żwieġ għandu jistaqsi lill-persuni li jkunu ser jiżżewġu, l-ewwel lil waħda minnhom u mbagħad lill-oħra, jekk hu jridx jieħu jew hi tridx tieħu lill-persuna l-oħra bħala martu jew żewġha rispettivament, u meta kull waħda mill-partijiet jiddikjaraw li hekk iridu, mingħajr ebda kondizzjoni jew kwalifika, hu għandu jiddikjarahom bħala miżżewġin.” Issa sar “matul iċ-ċerimonja r-Reġistratur jew l-uffiċjal l-ieħor li quddiemu jsir iż-żwieġ għandu jistaqsi lill-persuni li jkunu ser jiżżewġu, l-ewwel lil waħda minnhom u mbagħad lill-oħra, jekk din il-persuna tridx tieħu lill-persuna l-oħra bħala l-konjugu jew il-konjuga tagħha u meta kull waħda mill-partijiet jiddikjaraw li hekk iridu, mingħajr ebda kondizzjoni jew kwalifika, hu għandu jiddikjarahom bħala miżżewġin.”
Imma kif nafu l-Parlament jista’ jiddeċiedi illi l-ħmir itiru u Helena Dalli kienet deċiża illi ma takkomoda l-ebda waħda mit-tmenin emenda tal-oppożizzjoni Joe Ellis
Bidla qajla rivoluzzjonarja u mhi xejn ħlief kosmetika. Fil-fatt, l-Att dwar iż-Żwieġ imkien ma kien jipprojbixxi lill-persuni tal-istess sess milli jiżżewġu. Wieħed jiskanta, kif kont ikkummentajt snin ilu meta għaddiet il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili, għala l-moviment gay f’pajjiżna qatt ma sfida l-applikazzjoni ta’ din il-liġi fil-Qorti. Kieku saret kawża ta’ natura amministrattiva jew kostituzzjonali, wieħed kien jistenna illi l-Qorti kienet tirrikonoxxi d-dritt ta’ persuni tal-istess sess illi jifformalizzaw l-għaqda tagħhom blli jiżżewġu skont il-liġi. Meta fil-Kostituzzjoni daħlet il-projbizzjoni kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sesswalità, wieħed qajla jista’ jikkontempla illi żwieġ bejn persuni tal-istess sess ma jistax isir.
Madankollu, Alla jbierek il-lobby potenti gay f’pajjiżna qatt ma deherlu li għandu jisfida l-mod kif kien qiegħed jiġi applikat l-Att dwar iż-Żwieġ. Minflok ikkonvinċa liż-żewġ partiti prinċipali sabiex iwiegħdu ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess fil-manifest elettorali tagħhom. U wara r-rebħa elettorali Laburista, din il-liġi ġiet proposta bħala l-ewwel liġi tal-parlament il-ġdid li għaddiet b’veloċità impressjonanti.
Min m’għandux fejn joqgħod, kemm jekk omo jew eterosesswali, mhux ħa jsib faraġ b’din il-liġi. U l-istess mingħandu pensjoni baxxa u ma jistax ilaħħaq mal-ħajja. Joe Ellis
Kif għidt, minn 97 klawsola, sebgħa biss jirrigwardaw l-Att dwar iż-Żwieġ. Il-kumplament tal-att jikkonsisti f’tindifa tal-liġijiet f’isem in-newtralità tal-ġeneru ħalli titneħħa kwalunkwe referenza għal raġel jew mara, missier jew omm jew miżżewweġ jew miżżewġa. Personalment, ma nara xejn ta’ barra minn hawn f’dan imma naħseb illi qed nesaġeraw. Ma nifhimx verament din in-newtralità tal-ġeneru x’effett prattiku ser ikollha. Fi kwalunkwe każ, l-Att dwar l-Interpretazzjoni diġà jgħid “kliem li juru ġens maskil jinkludu l-ġens femminil.” Imma l-leġislatur issa jrid jinnewtralizza d-differenzi bejn sess u ieħor u dana sabiex żwieġ ta’ koppja eterosesswali u ta’ koppja omosesswali jitpoġġa fuq l-istess livell anke semantiku. Minflok “żewġ jew mart" jew “raġel jew mara” issa rridu ngħidu "il-konjugu jew il-konjuga" u flok “missier” jew “omm” issa rridu ngħidu “ġenitur.” Nixtieq inkun naf kemm ser ikun hawn tfal, anke ta’ koppji omosesswali illi lil ommhom jew missierhom ser isejħulhom “ġenitur”. Imma kif nafu l-Parlament jista’ jiddeċiedi illi l-ħmir itiru u Helena Dalli kienet deċiża illi ma takkomoda l-ebda waħda mit-tmenin emenda tal-oppożizzjoni illi lkoll ġew rifjutati f’eżerċizzju provokattiv u mgħaġġel għall-aħħar.
Hemm prova aħħarija kemm dan l-għaġeb kollu mhux xejn ħlief eżerċizzju kosmetiku intiż għal skopijiet propaġandistiċi u sabiex ikompli jħawwad Partit Nazzjonalista illi mhux għaddej mill-aktar epoka feliċi tiegħu. Din tinstab fi klawsola 95 tal-liġi illi tgħid illi koppji li jinsabu f’unjoni ċivili ċċelebrata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom ħames snin sabiex jikkonvertu l-unjoni ċivili tagħhom fi żwieġ u meta jsir hekk, “iż-żwieġ li jirriżulta għandu jitqies li ilu jeżisti mid-data ta’ meta l-unjoni ċivili tkun ġiet kostitwita." Min qiegħed f’unjoni ċivili jista’ issa jdawwar din l-unjoni ċivili fi żwieġ imma hu ferm evidenti illi mhu qed jakkwista l-ebda drittijiet addizjonali b’dan il-pass. Huwa ċar daqs il-kristall illi meta għaddiet il-liġi dwar l-Unjoni Ċivili dan kien żwieġ f’kollox ħlief fl-isem tant illi l-imsieħba setgħu jaddottaw tfal u anke setgħu jinstabu ħatja ta’ bigamija. Il-leġislatur stess qed jirrikonoxxi dan għax issa, b’sempliċi dikjarazzjoni, l-unjoni ċivili tibda tissejjaħ żwieġ u dan iż-żwieġ jibda jgħodd minn dakinhar li daħlet fis-seħħ l-unjoni ċivili.
Altru illi “we made history.” U hawnhekk tajjeb li wieħed isaqsi min ħallas għall-manifestazzjoni li saret fi Pjazza Kastilja nhar l-Erbgħa. Nittama li mhux minn but min iħallas it-taxxi. Deher ċar ukoll illi l-moviment gay qiegħed jaħdem id f’id mal-gvern Laburista sabiex iwettaq kolpi propaġandistiċi bla ebda sugu. U dan għandu jħasseb lil mingħandu għal qalbu d-drittijiet tal-gay għaliex żgur illi tali assoċjazzjoni ma’ partit partikolari mhijiex fl-interessi fit-tul tal-moviment gay.
Deher ċar ukoll illi l-moviment gay qiegħed jaħdem id f’id mal-gvern Laburista sabiex iwettaq kolpi propaġandistiċi bla ebda sugu. U dan għandu jħasseb lil mingħandu għal qalbu d-drittijiet tal-gay Joe Ellis
Fl-opinjoni tiegħi, it-tibdila meħtieġa u mixtieqa illi persuni tal-istess sess jistgħu jiżżewġu messha saret b’mod anqas provokattiv u konfrontazzjonali u mingħajr dina l-istrumentalizzazzjoni kollha. Imma dan il-gvern jiddilletta f’dawn ix-shows mentri jonqos milli jindirizza kwistjonijiet oħra importanti. Min m’għandux fejn joqgħod, kemm jekk omo jew eterosesswali, mhux ħa jsib faraġ b’din il-liġi. U l-istess mingħandu pensjoni baxxa u ma jistax ilaħħaq mal-ħajja. Waqt il-kampanja elettorali ltqajt ma’ mara ta’ 70 sena illi trid tgħix fuq €400 fix-xahar u din ma kinetx l-unika waħda illi ltqajt magħha illi trid tgħix fuq pensjoni baxxa.
Issa illi l-parlamentari qablu kważi unanimament fuq l-hekk imsejħa ugwaljanza fiż-żwieġ, tajjeb kieku jkunu koerenti u jaqblu illi anke fil-qasam tal-pensjonijiet, għandu jkun hemm ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha. Għandhom jaqblu bl-istess għaġla u ħeġġa li wrew din il-ġimgħa illi m’għandhomx ikomplu igawdu minn trattament privileġġjat fejn jidħlu l-pensjonijiet tagħhom, privileġġi illi issa ġew estiżi għall-membri tal-ġudikatura. Din il-kolonna ilha snin tħeġġeġ rinumerazzjoni adekwata għall-parlamentari tagħna imma n-nuqqas ta’ tali rinumerazzjoni adekwata m’għandux jiġi kkumpensat b’pensjoni illi ċ-ċittadini normali qatt ma jista’ jkollhom.
Ħa naraw kemm verament nemmnu fl-ugwaljanza. Ma tantx jien ottimist illi xi ħadd ser jirrinunzja għall-privileġġi tiegħu kif ġib u laħaq.