L-attur leġġendarju Christopher Plummer imut ta' 91 sena
Ħadem f'għexieren ta' films imma jibqa' mfakkar ma' miljuni għal parti li lagħab f'The Sound of Music
Illejla tħabbret il-mewt tal-attur popolari u veteran Christopher Plummer, Kanadiż magħruf għal bosta films illi fihom kien attur prinċipali, iżda fuq quddiem hemm The Sound of Music, The Man who would be King u All the Money in the World. Huwa kellu 91 sena.
Kienet il-famija tiegħu li kkonfermat il-mewt ta' Plummer, b'martu Elaine Taylor ta' 53 sena maġenbu.
Lou Pitt, il-maniġer tiegħu għal 46 sena u ħabib personali ddeskriva lil Plummer bħala persuna straordinarja li kien iħobb u jirrispetta l-professjoni tiegħu ... permezz tal-umanità u l-kapaċità fl-arti mess qalbna u l-ħajja leġġendarja tiegħu se tibqa' għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin."
Il-film The Sound of Music tal-1965 imbuttah għall-popolarità li mbagħad kompla jikseb matul is-snin, sal-aħħar snin meta deher f'diversi produzzjonijiet. Il-film mużikali ta' Rodgers and Hammerstein huwa dwar il-familja Von Trapp fl-Awstrija fl-ewwel snin tan-Nażizmu, bi Plummer jilgħab il-parti ta' Captain Von Trapp.
Iżda hu ħa sehem f'għexieren ta' films oħrajn bil-parti f'The Last Full Measure tkun l-aħħar u Stage Struck fl-1958, tkun l-ewwel.
Intant il-gazzetta ILLUM tal-Ħadd 14 ta' Frar li ġej se tagħti ħarsa lejn il-karriera ta' Plummer fil-paġni ddedikati għaċ-ċinema u films.