
Il-Konferenzi mhux għal LinkedIn Biss
Aħna l-Maltin, ħa nibqgħu nibżgħu nitkellmu dwar il-politika? Jew agħar minn hekk, nitkellmu dwarha qisna tfal mistħija? Il-kittieba Maltin, kif qed jersqu lejn il-politika bis-saħħa tal-kelma Maltija li jafu jħaddmu? Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb tħares lejn il-kontribuzzjonijiet tal-akkademiċi f’konferenza li ttellgħet is-sena l-oħra dwar il-proża politika Maltija

Il-konferenza, jew aħjar l-idea ta’ konferenza, iddejjaqni. Ħafna drabi, mill-conferre tan-nies jinġabru flimkien, tispiċċa ġabra tal-istess erba’ wċuħ, jew stennija għas-sandwiches u r-ruġġata bejn il-laqgħat (kemm hu agħar li kulma jagħtuk tazza ilma!), inkella omaġġ għal ritratt fuq LinkedIn. U madanakollu, il-letteratura, kif ifakkarna Gramsci, hija sit ta’ ġlieda eġemonika, konferenza li tirrifletti f’kull min jaqraha. F’dan l-ispirtu, In-Niggieża tan-Narrattiva: Il-Proża Politika hija konferenza li ammontat għal ħafna iżjed minn pjattaforma għal ċapċip fieragħ.
Din hija t-tielet ħarġa f’sensiela ta’ konferenzi traskritti li jesploraw ir-relazzjoni bejn il-politika u l-letteratura f’Malta. Wara sessjonijiet dwar Oliver Friggieri u l-politika tar-retorika, dan il-volum jikkonċentra fuq il-‘proża politika’ — terminu inkredibbilment wiesa’ u diffiċli biex iddur miegħu fi spazju ta’ diskors ta’ 20 minuta. Imma forsi proprju għalhekk hemm bżonn dawn l-isforzi: mhux biex jaslu għal definizzjoni, imma biex juru kemm hu diffiċli li nippretendu waħda.
Meta dal-volum jolqot il-mira, jolqotha tassew. Hemm stqarrijiet li huma eċċezzjonali, kemm fil-kontenut, kif ukoll fl-istil. Huma awturi li mhux biss isemmu l-kunċetti — iżda jgħixuhom. Il-kitba tagħhom hi ċara mingħajr ma tkun sempliċi, għanja mingħajr ma tkun tqila. Il-kontribuzzjonijiet li jmorru l-aħjar huma dawk li jirnexxilhom jittraduċu l-astratt f’esperjenza palpabbli, li jmorru mill-universali għad-dettall lokali b’eleganti. Hemm ukoll mumenti ta’ kuraġġ artistiku ġenwin: diskussjoni dwar Malta fit-80ijiet permezz ta’ Castillo mingħand Justine Somerville, u innovazzjoni dwar il-mikrofinzjoni mingħand Luke Buhagiar, u l-intertestwalità simbolika u politika ta’ Immanuel Mifsud, u l-għeluq b’saħħtu u ta’ affirmazzjoni ta’ Adrian Grima. U hawnhekk wieħed jiftakar li l-lingwa, f’idejn tajba, tibqa’ sit ta’ reżistenza u għerf. B’mod simili għal kif La Comédie Humaine ta’ Balzac qabad il-Franza borġiża, jew kif Dario Fo kixef l-ipokresija fl-Italja kontemporanja, hawnhekk għandna testijiet dwar testijiet li jilqgħu lill-Malta b’għajnejn ġodda — kultant kwir, kultant postkolonjali, kultant radikalment poetiċi.
L-introduzzjoni tpoġġi l-kollezzjoni f’kuntest meqjus, u tispjega b’mod konvinċenti għaliex il-proża politika għandha importanza — u għaliex għandha importanza proprju hawn. Ma tonqosx mill-onestà intellettwali, u lanqas ma taqa’ f’paternaliżmi akkademiċi li jippruvaw jagħtu sens lil ħaġa li forsi għandha tibqa’ nieqsa minn sens wieħed biss.
Kien hemm ukoll kontribuzzjonijiet li jippruvaw jinfdu f’art ġdida — qari kwir f’Romeo Roxman Gatt, esplorazzjoni intersezzjonali f’Marta Marta mingħand Kurt Borg, u mikrofizzjoni riflessiva ispirata minn Cioran ta’ Buhagiar. Dawn kollha jagħtu ħjiel ta’ x’jista’ jiġri meta l-letteratura tiġi trattata mhux bħala artefatt, iżda bħala ġrajja ħajja li tiltaqa’ mal-qari kontemporanju. Hawnhekk naraw ukoll kif il-lingwa tista’ tkun strument ta’ verità kontra l-istrutturi tas-silenzju.
Il-ktieb iggustajtu. Mhux bl-istagħġib ta’ skoperta ġdida, imma bil-pjaċir familjari li tara nies jitħabtu jitkellmu mal-iskomdu fil-pubbliku. Kif ifakkarna Edward Said, ir-rwol tal-intellettwali huwa li jkun dissonanti — li jikxfu l-kunflitti, mhux biex isolvuhom, imma biex ifakkruna li għadhom hemm. Il-letteratura u l-politika f’Malta mhumiex żewġ oqsma separati. L-imbierka stakes kienu — u għadhom — għoljin, anki jekk il-proża mhix dejjem jirnexxilha tilħaq dak il-livell għoli. Konferenzi bħal dawn, għalhekk, joffru aktar minn spazju ta’ skambju ideoloġiku — huma att ta’ memorja kollettiva, att ta’ kontestazzjoni.
Madankollu, il-wegħda tal-proġett tiġi mfixkla mill-eżekuzzjoni tiegħu. Xi kontributuri, minkejja f’minoranza, jonqsu mill-iktar livell fundamentali: ma joffru xejn ġdid lill-qasam, jew huma biss analiżi preliminari, inkella jitkellmu b’mod didattiku. Il-mistoqsija tar-riċerka, jew mhijiex preżenti, jew inkella tant vagament espressa li jsir diffiċli tifhem x’qed jipprova jgħid l-awtur.
Xi testi, bil-mertu kollu tagħhom, jiddependu b’mod esaġerat fuq qafas teoretiku internazzjonali li mhux dejjem jiltaqa’ mal-kuntest kulturali tagħna, inkella jisfgħu vittma ta’ dak il-fetish (li nbati minnu anke jien) ta’ ismijiet kbar, iżjed milli l-ideat tagħhom. Kultant, donnu kollu eżerċizzju ta’ dokumentazzjoni, mhux diskussjoni — mod kif jingħad “dan ġara” iżda mhux “dan għaliex hu importanti”, interpretazzjoni ta’ dak li ilu jingħad ad nauseam fil-letteratura Anglo-Amerikana. Forsi kien jistħoqqlu wkoll aktar riflessjoni dwar min qed jirrakkonta l-politika llum — u f’liema lingwaġġ.
Hemm ton persistenti ta’ ċelebrazzjoni li, f’xi ħinijiet, ma jidħolx fi djalogu kritiku biżżejjed mal-materjal ippreżentat. Minflok ma jiġu mistħarrġa l-opri letterarji Maltin bl-istess rigur kritiku li bih jiġu analizzati opri internazzjonali, diversi awturi jistrieħu fuq retorika ta’ “importanza nazzjonali” u “gwida essenzjali” għas-soċjetà Maltija. Dan l-approċċ, għalkemm jinftiehem f’kuntest fejn il-letteratura nazzjonali għadha qed tfittex spazju stabbli, jista’ jitqies bħala limitazzjoni, għax kultant jiddawwar l-iskop akkademiku f’wieħed ta’ validazzjoni istituzzjonali aktar milli ta’ kritika letterarja serja.
“There are crooks everywhere you look. The situation is desperate.” Din il-frażi saret eku mhux biss tal-pajsaġġ politiku Malti, imma anke ta’ dak letterarju. U din il-kollezzjoni tagħti ħjiel ta’ dawn il-kitbiet politiċi, għax kif insibu fl-introduzzjoni “il-kelma mitkellma ttir, imma l-kelma miktuba tibqa’”. U xi drabi, il-kitba jirnexxilha tibqa’ tgħajjat ukoll.