Il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru inkluża fir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO

'Dan huwa mument ta’ unur u għarfien li jikkonferma l-valur storiku u lingwistiku tal-Kantilena, u jsaħħaħ il-post tal-lingwa tagħna l-Maltin fuq livell internazzjonali'

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li l-Kantilena ta’ Pietru Caxaru li tifforma parti mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u li tinsab fl-Arkivju tar-Reġistri Notarili, ġiet uffiċjalment inkluża fir-Reġistru tal-Memorja tad-Dinja tal-UNESCO. 

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Dan huwa ġieħ mhux biss għad-dokument innifsu imma wkoll għall-ilsien Malti u l-wirt letterarju u kulturali ta’ pajjiżna, hekk kif issa l-Kantilena tingħaqad ma’ lista internazzjonali ta’ dokumenti li għandhom valur universali għall-umanità kollha.” 

Din l-aħbar ħarġet wara proċess metikoluż u tekniku li beda f’Novembru tal-2023, meta l-Arkivji Nazzjonali ħejjew u ssottomettew l-applikazzjoni permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO. Dan il-proċess kien ilu jinħadem għal aktar minn sena u nofs u jirrifletti dedikazzjoni bla qies lejn il-preservazzjoni tal-wirt tal-pajjiż. 

“Nirringrazzja lill-persuni kollha li taw sehemhom f’din l-inizjattiva, minn dawk li ħadmu fuq l-applikazzjoni sal-professjonisti li b’passjoni u kompetenza jkomplu jħarsu dan it-teżor nazzjonali fil-kollezzjoni tal-Arkivji Nazzjonali. Dan huwa mument ta’ unur u għarfien li jikkonferma l-valur storiku u lingwistiku tal-Kantilena, u jsaħħaħ il-post tal-lingwa tagħna l-Maltin fuq livell internazzjonali,” żied jgħid il-Ministru. 

Il-Kantilena hija l-eqdem xogħol letterarju bil-lingwa Maltija li qatt ġie skopert u tmur lura għall-perjodu aħħari tas-seklu ħmistax. Din il-poeżija mill-isbaħ kienet instabet minn Mikiel Fsadni u Godfrey Wettinger lura fl-1966.

More in Arti