Premiere tal-Oratorju ‘Divo Petro’

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, se ttella' l-Premiere tal-Oratorju Mużikali Sagru u Korali ‘Divo Petro’

Sabiex tfakkar it-tielet deċennju mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990, se ttella' l-Premiere tal-Oratorju Mużikali Sagru u Korali ‘Divo Petro’ li ġie kkummissjonat lis-Surmast Ray Sciberras fuq versi tal-Poeta Sebastian Saliba, b’riċerka u b’referenza bibblika ta’ John Saliba.  Dan l-Oratorju se jittella’ fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl tal-Imdina nhar is-Sibt 24 ta’ Lulju 2021 taħt il-Patroċinju Distint tal-E.T. il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella.

Il-Banda Birżebbuġa se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Mro Michael Bugelli li wkoll qed jiċċelebra t-tletin sena tiegħu fit-tmexxija tal-banda.  Flimkien mal-Banda se jieħdu s-sehem it-Tenur Charles Vincenti, il-Baritonu Louis Cassar u l-Alto Pamela Bezzina.  Se jieħdu sehem ukoll il-Kor ‘Mirabitur’ taħt it-tmexxija ta’ Mro Mario Attard; il-Kor ‘Xmun Pietru’ taħt id-direzzjoni ta’ Mro Christopher Bonnici u s-Sinjura Marouska Bonnici; u l-Kor tat-tfal ‘Harmonic Ensemble Children’s Choir’ taħt it-tmexxija ta’ Mro Ritienne Azzopardi u Mro Joseph Chircop.  Jippreżenta Anton Falzon.

Kulħadd mitlub ikun f’postu fit-08:15pm. L-Oratorju jibda fit-08:30pm.

Dan l-Oratorju qed jittella’ bil-permessi sħaħ rilaxxati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.  Biljetti jinkisbu billi wieħed jagħmel kuntatt mas-Segretarju Eżekuttiv Henry Bonnici fuq 79470804 jew billi wieħed jibgħat messaġġ fuq il-facebook page uffiċċjali tas-Soċjetà.  Il-biljetti huma limitati u jingħataw biss lil dawk li huma vaċċinati b’mod sħiħ kontra l-COVID19 u li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċinazzjoni, liema ċertifikat se jiġi mitlub fid-dħul fil-Katidral.

Għal aktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lis-Segretarju Eżekuttiv Henry Bonnici fuq 79470804.

 

More in Arti