Kotba| Fil-laħam il-ħaj

Wara li ra skipp ifur bl-irjus tal-ħnieżer b’għajnejhom baqgħu miftuħin, Daniel Pisani qaleb għall- veganiżmu. Mark Vella jintervista lill-awtur ta’ A Plant-Based Maltese Kitchen, volum mill-isbaħ li jista’ jirrivoluzzjona l-mod kif nieklu u nikkunsmaw. 

Qatt ma ħsibt li se nikteb dwar ktieb tal-kċina, imma ħabat tajjeb li kont ftehemt mal-gazzetta u mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li dil-paġna nerġgħu ngħammduha Kotba u mhux Letteratura. Anki għaliex l-għerf u l-għarfien mill-kitba jistgħu jiġu wkoll minn xogħlijiet mod ieħor, u mhux biss kotba b’apirazzjonijet hekk imsejħa elevati. Mhux għax il-kċina mhijiex suġġett ta ’importanza, saħansitra soċjali: l-ikla fqajra Maltija għandha tradizzjoni relattivament żgħira imma interessanti ta ’kotba u studji li jmorru lil hinn mis-sempliċi elenku ta ’riċetti, u li jtellgħu l-ikel u n-nutrizzjoni għal lenti fuq is-soċjetà u d-drawwiet tagħha.

Daniel Pisani nistgħu ngħidu li huwa l-aħħar tarġa riċenti f’din l-elevazzjoni, fejn il-ktieb tiegħu mhuwiex biss riċettarju iżda wkoll stqarrija ideoloġika f’waqtha kontra l-konsum sfrenat tal-ikel industrijali u ppakkeġġjat kif iddettat mir-ritmi ma jaqtgħu xejn tal-kapitaliżmu feroċi. Il-passjoni li smajt jien u nintervistah tinstab daqstant qawwija fid-daħla għall-ktieb, fejn Pisani jagħti l-istorja tiegħu ta ’kif mexa lejn il-veġeterjaniżmu u l-veganiżmu, tant li daħal, l-aktar waqt il-pandemija, għall-produzzjoni minn fuq s’isfel ta ’volum meraviljuż li għandu jkun fil-kċina ta’ kull wieħed u waħda minna.

Aktar minn hekk, din mhix konverżjoni b’kapriċċ, imnebbħa mill-modi u x-xejriet, jew imsejsa fuq fehmiet arkani u astratti. Hija konverżjoni kważi-Damaxxena daqs ta ’San Pawl: Pisani ma jaqax minn fuq żiemel mgħammex minn dawl qawwi, iżda jitwieled u jitrabba f’familja tan-negozju li tixtri l-annimal mejjet biex imbagħad tipproċessah u tippakkeġġjah għall-konsum tal-massa. X’aktarx ilkoll iltqajna mal-prodotti tagħhom waqt li qed nixwu għal xi barbecue, fuq gradilja tikwi ma tistax tlaħħaq mal-borġ burgers, zliezet u koxox tat-tiġieġ mitfugħa bl-addoċċ fuqha. Il-griljata, drawwa li xorta waħda tinstab fil-Mediterran, imma x’aktarx b’ikel differenti u miġjub minn sorsi oħrajn, u mhux il-verżjoni Amerikana-Awstraljana li donna addottajna, fejn l-aġġeġġ tax-xiwi, li jekk tarah taħt dawl il-qamar tistħajlu xi strument medjavali għat-tortura, jservi wkoll bħala estensjoni maċista tal-kap tax-xiwja ixejjer il-furkettun f’idu.

Pisani, imrobbi s-Swieqi fil-ġenn urban tal-periferiji tan-naħa ġewwiena tal-Port, jistudja l-informatika, jaħdem f’uffiċju bħal kull min studja bħalu, u jara b’regolarità l-karkassi tal-ħnieżer, il-baqar u l-ħrief jitqattgħu, lesti mill-qatla li b’xorti tajba ma rahiex. Sakemm jum minnhom, minn skipp tal-ħadid, bħal dawk li jużaw għall-iskart tal-ġebel, jixirfu l-għajnejn mejta imma ħajjin fħ’arsithom simbolika, tal-bqija tal-ħnieżer li ma kienx għad fadlilhom użu. Pisani jispiċċa eventwalment jitlaq mix-xogħol, jibda jaħdem part-time f’farm, sakemm jispiċċa jgħix fuqha u tibda l-ħolma tiegħu.

L-eżempju jkaxkar. Pisani kien xettiku dwar l-eliminazzjoni tal-laħam minn ħajtu, u kellha tkun il-persistenza ġentili ta ’tnejn minn sħabu li fl-aħħar ġegħlitu jara d-dawl u forsi jaqa ’f’daqqa minn fuq iż-żiemel Pawlin. Ikellimni dwar kif l-ikel huwa marbut tant sfiq mal-ħajja, b’dak li ndaħħlu ġo fina li jsir parti minnha u mill-kompożizzjoni ġenetika tagħna. Mill-pjanta tieħu l-benna tal-art, u mil-laħma pproċessata u mgeżwra f’pakkett ilellex, tieħu l-ormoni u l-kimika meħtieġa għall-preżervazzjoni fit-tul, imma x’aktarx ukoll tal-kefrija tal-bniedem biex iwassallek dil-ħaġa mejta fuq il-platt.

Pisani għalhekk jirrakontali wkoll dwar il-bidliet li seħħew bħ’ajtu bis-saħħa ta ’din il-konverżjoni. Il-piż li fl-aħħar qagħad, mhux daqqa tiela ’u daqqa nieżel, il-kontribut għas-saħħa mentali, l-enerġija mġedda li qalgħetu minn fuq is-sufan, ħarġitu mill-belt, u issa żżommu jterraq bejn l-Imġarr, il-Mellieħa u Għawdex. Imma minkejja dan li donnu seħer, bħallikieku maġija wara li tibla ’l-eliżir tal-ħajja ideali, dan proġett li jaf jintemm b’togħma qarsa. Jgħidli, fil-fatt, li dal-ktieb iħossu bħala tribut għal ħajja li qed taħarbilna minn idejna, mehdija kif sirna bil-ġirja wara l-flus u l-akkwist, li tittraduċi lilha nnifisha anki fil-mod kif nieklu, il-volumi li mhux biss nikkunsmaw imma li niddivoraw qisu xi ħadd qed jiġri warajna, u nibqgħu dejjem irridu u rridu.

Id-diskors, għalhekk, bilfors idur għal x’baqa ’mill-Malta tagħna, li tant inħobbu, mhux biss il-Malta ta’ tfulitna li m’għandniex ċens perpetwu fuqha għal kif irriduha tibqa’, imma l-pajjiż li jagħtina l-identità tagħna: storja li ma tistax titħassar iżda li donnha nagħmlu l-impossibbli biex neqirduha. Il-kċina Maltija, u dan narawh mhux biss mill-ktieb ta ’Pisani, kienet storikament u tradizzjonalment dejjem waħda fqira, fil-fatt waħda bbażata fuq il-pjanti u l-ħxejjex, bil-laħam lussu ta ’darba fil. L-ikel u kif nikluh jurina għalhekk kif qegħdin ngħixu u x’għażliet qed nagħmlu, sa ma bilfors nispiċċaw niddiskutu l-problemi tal-bini bla rażan, iż-żieda fit-tniġġis, id-dipendenza fuq il-karozzi: fil-qofol, ħajja mgħaġġla u rgħiba li ma taqbilx mal-ispirtu essenzjali ta ’pajjiżna u l-kultura tiegħu kif żviluppat tul iż-żminijiet.

Daniel jaf jitlaq minn Malta, bħala ħafna żgħażagħ oħra, li xebgħu jaraw il-ħolm u l-ideali tagħhom jinqatlu mat-twelid, kważi metafora tat-tbiċċir tal-annimali għall-konsum tal-massa. L-aħbar ħażina stajt ħallejtha għall-aħħar, għax kienet żgur tagħmel aktar effett, imma dan ktieb ta ’min jiċċelebrah, minkejja kollox. U allura ngħaddu għall-ikel. Ktieb imqassam skont l-istaġuni, u kontra kotba oħra simili, mhux imballat b’għaxriet ta ’riċetti u verżjonijiet sfurzati, imma tassew l-essenzjali. Daniel jitnebbaħ, bħala bosta minna, mit-tisjir ta ’nanntu, u jżomm mat-tradizzjoni tal-kċina Maltija anki fil-mod kif jipproponi r-riċetti tiegħu. Jiġifieri, l-ebda sorpriża li taħsad, ħlief l-attenzjoni għall-ingredjenti: minn naħa, il-frisk u l-lokali, prodott minn tant bdiewa żgħar, u mill-oħra, is-suġġeriment etiku għal sostituti xierqa bħal fil-każ ta ’prodotti tal-ħalib bħall-bajd u l-ġobon.

Jien u nqalleb fil-ktieb malli wasalli, flejt il-werrej ta ’wara u rajt li hemm riċetta sew tal-istuffat tal-fenek sew taz-zalzett Malti. Għidt f’qalbi, miskin ma setax jgħaddi mingħajrhom dawn u kellu jdaħħal il-laħam xorta. Imma nsib li minflok fenek juża l-faqqiegħ tal-ferla, u z-zalzett, li s-soltu jsir mill-aħħar fdalijiet u l-bċejjeċ tal-ħnieżer, huwa taħlita ta ’għazz, fażola bajda u żerriegħa tal-kittien. Insaqsih: allura dawn min se jikolhom? kif se tbigħhom lill-wikkiel Malti? U hawn nibdew nifhmu x’inhu tassew il-laħam.

L-ewwel xogħol, dawn riċetti ppruvati, imtiegħma u mikula. Fil-każ tal-fenek, kulħadd qallu kemm il-faqqiegħa, meta mqiegħda fit-togħmiet taz-zalza tradizzjonali Maltija, tixbah fit-tessut u l-gidma il-laħam abjad. Min-naħa l-oħra, ir-riċetta taz-zalzett ħareġ biha missieru, il-patrijarka tal-laħam, li issa (imma kienet triq iebsa u twila), ikkonvinċa ruħu mil-missjoni t’ibnu, tant li d-ditta saret ukoll timporta s-sostituti tal-laħam, u uża l-għarfien espert tiegħu biex joħroġ b’daz-zalzett li mejjet biex nippruvah. Għax, kif jgħidli Daniel, is-sigriet taz-zalzett Malti huwa fit-taħwira tal-bżar u l-kosbor (li ovvjament qegħdin ukoll f’din ir-riċetta ġdida), u bħal fil-każ tal-fenek, il-laħam jassorbi t-togħmiet li titfagħlu, u kieku mhux għalhekk, ma għandu togħma ta ’xejn. Jew aħjar, żgur mintix se ttiegħem dak li s-soltu tassoċja ma ’biċċa stejk tistrieħ f’dik it-tikka għadira demm.

A Plant-Based Maltese Kitchen jaf ikun ir-rigal alternattiv u etiku f’dawn iż-żminijiet tal-vaganzi. Jiċċelebra r-rikezza tal-kultura Maltija kif anki espressa fl-ikel, anki kif naraw mir-ritratti mill-isbaħ li bih huwa miżgħud il-ktieb, li Pisani jikkwalifikahom billi jinsisti li mhuwiex fotografu. Bħalma jinsisti wkoll li mhuwiex kok. Jaf għax dal-ktieb huwa wisq aktar minn hekk. Mhuwiex ħarsa nostalġika lejn Malta li għebet jew waslet biex, imma aktarx sejħa biex inbiddlu ħajjitna, jew aħjar biex nesploraw u nerġgħu niskopru l-ġid li għandna quddiem għajnejna u li tant sirna nwebbsu rasna biex ma narawhx.

Il-parir tar-reċensur: Kumpann inużwali u umoristikament kritika għar-riċetti ta ’Daniel Pisani: Iżżewwiġt Vegana ta ’Favio Brizzi, maqlub għall-Malti minn Ludvic Azzopardi Ferrando (Merlin, 2016)

 

More in Arti