Kotba | Il-poeżija inkolta
Mark Vella jilqa’ bi pjaċir l-aħħar ġabra ta’ poeżiji ta’ Mario Cardona, leħen awtentiku attent għar-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum u kapaċi jrodd toqol poetiku lil dak li jgħix il-poplu
Ġieni f’moħħi li l-aktar żewġ affarijiet li nitkellem fuqhom mal-ftit nies li nagħmilha magħhom huma l-kotba u l-ballun. Jaf jew riflessjoni ta’ ħajja limitata, inkella xi mkien bejn deformazzjoni tal-mestier u passjonijiet li jiskulaw fil-ħajja ta’ kuljum, u li spiss jiltaqgħu ma’ xulxin, bħal fil-każ ta’ eks studenta li m’ilux fakkritna li l-futbol il-ħin kollu nsemmih waqt il-lekċers, imqar biex inqajjem tikka interess fir-rumanzi ta’ Ġużè Muscat Azzopardi. M’ilux ukoll, tkellimt ma’ xi ħadd li darba spjegajtlu x-xena letterarja Maltija bid-diviżjonijiet bħal ta’ league tal-football, bl-Olimpu bħala l-Premier, u mbagħad id-diviżjonijiet inferjuri b’salt timijiet telgħin u neżlin, bejn kittieba minuri u minimi, il-one-hit wonders u l-ħarbiexa, sew frekwenti sew okkażjonali. Il-format tal-UEFA Nations League narah joqgħod pinna għal din il-fantasija tiegħi, li nissuspetta ispirata mill-kritika strutturalista u t-tendenza tiegħi li nikklassifika u nqiegħed fil-garżelli. Fil-kategorizzazzjoni tat-timijiet għalhekk, bejn l-erba’ taqsimiet tal-grupp A tal-kbar u daqstant tal-grupp D tal-batuti u tal-pajjiżi ż-żgħar, iċ-ċaqliq mhux li huwa wieħed kbir: il-kompetizzjoni qalila, in-natura hi dik li hi, u l-ħuta ż-żgħira qajla tiekol il-kbira.
Dan mhux Eurovision. Huwa l-ballun li mid-dehra l-aktar li għallem lil Camus dwar il-ħajja, ngħidu aħna. U għal-letteratura naraha l-istess: ħaġa li sseħħ kullimkien fid-dinja, kemm tkellem lill-kittieba, u f’Malta tista’ tiġi segwita aħjar minħabba ċ-ċokon. L-artist u l-kittieb li huma dak li huma, tendenzjalment se jkollhom ego minfuħ, drabi jaf anki bir-raġun, li jaħdmu skont sistemi kumplessi ta’ riflessjoni dwarhom infushom biex jew ikomplu jippumpjawh jew inkella jissieltu kuljum biex jiżvujtawh minn kull arja sħuna li għandha mnejn tidħollu. Il-ħabib li kont spjegajtlu l-klassifika m’ilux tefagħli oħra mill-aforiżmi tiegħu, stil Tony Wilson u ‘Jazz is the last refuge of the untalented’, fejn stqarrli li l-poeżija hi l-vejjikolu jew għall-imbeċilli jew għall-ġenji.
F’din l-ironija tal-abjad u l-iswed, li ironika preċiżament għan-nettezza tal-kategorizzazzjoni, jaf hemm tikka verità. Mhux għax prożatur ma jidħolx fil-klassifika tan-Nations League tal-kittieba, imma mifruxa t-tendenza li l-poeżija hija arti li kapaċi tinħafen minn kulħadd, basta tferra’ l-emozzjonijiet tiegħek kif jiġu u tinsisti li din ħaġa personali u l-interpretazzjoni suġġettiva u sebaħ u dalam, filwaqt li l-att narrattiv donnu jimplika organizzazzjoni u dixxiplina wisq akbar. U allura, jien u nagħmel it-tabelli f’moħħi ta’ “who’s hot and who’s not”, kemm ngħaddi siegħa żmien, niftakar f’ħemel ilħna jippruvaw isabbtu saqajhom u jsemmgħu leħinhom, indinjati li ħadd mhu jagħti kashom. Għal darb’oħra, mhux kwistjoni Maltija biss, imma b’għajn attenta, faċli tara t-teoriji tal-konfoffa dwar il-klikek daqskemm hu faċli tindividwa li l-klikek xorta mhumiex funzjoni; bħalma tista’ wkoll tara l-kategorija tal-għeneb qares, kieku d-Diviżjoni D tan-Nations League, li ma jilagħbux bid-dinjità taż-żgħar bħal Malta u San Marino, imma li jinsistu li xogħolhom ma jitqiesx minħabba l-għira u disinni kumplessi kontrihom, u jsostnuh dan bil-kuruni tar-rand, in-nomini u l-premji li tant iħufu ħarkiena biex jiksbuhom.
Illum ġejjin biċ-ċajt, donna, imma dil-minestra inkosegwenzjali ta’ ħsibijiet li qed nieħu gost inkewwes fiha, donnha ilha ttektek minn mindu wasalli Allat tal-Landa (Horizons, 2022), l-aħħar ġabra ta’ poeżiji ta’ Mario Cardona, imma speċjalment mid-daħla xierqa għall-aħħar ta’ Adrian Grima li takkumpanja x-xogħlijiet. Bħalma ktibt qabel, nagħtu kas dwar il-kumment ta’ Immanuel Mifsud għan-novelli ta’ Toni Abela, hemm okkażjonijiet fejn id-daħla kritika, lil hinn minn ċelebrazzjoni ħawlija miktuba minn ħabib jew inkella biex tirfed bil-fama tal-analista, hija saff ieħor tal-esperjenza tal-qari li jagħmel ġustizzja lix-xogħol. Grima, fil-fatt, jitkellem dwar xogħol Cardona (u bid-distanza professjonali minkejja li sieħbu) billi jdaħħal kunċett – li almenu jien ma niftakarx li qatt issemma wisq fil-kritika Maltija – tal-poeżija ‘kolta’, jiġifieri dik li Cardona ‘ma jiktibhiex’, fis-sens li t-tnebbiħ tiegħu jiġbed tista’ tgħid għalkollox mill-ħajja ta’ kuljum kif mgħejxa mill-kultura popolari.
Bħalm’hi qarrieqa d-distinzjoni bejn il-mużika serja u dik leġġera, taf tidher infeliċi d-distinzjoni mill-poeżija kolta, għax timplika dak li qatt ma jissemma, iżda li huwa l-oppost naturali li ma stajtx nirreżisti nużah għat-titlu. L-inkolt, imma ovvja li f’dan il-każ, m’aħniex nitkellmu dwar l-injoranza jew inkella, biex inżommu max-xbieha agrikola oriġinali, il-mhux imsoqqi u l-mhux saqwi, iżda x’aktarx dak li verament għandna nifhmu b’kultura, jiġifieri dik id-dinja ta’ għarfien tant vasta u mifruxa, u anki mhux elitarja, li tant tista’ takkomuna nies u tressaqhom lejn l-arti, il-ħsieb u s-sbuħija.
Hija missjoni dik ta’ Cardona li tfakkarna fl-edukaturi l-kbar u t-teoriċi tal-kultura tal-poplu, fil-fatt, minn Don Milani sa Paulo Freire u, lil hinn milli nirrepeti l-ħsibijiet inċisivi ta’ Grima, nista’ biss inżid magħhom li l-ewwel saħħa ta’ dawn ix-xogħlijiet – anki kif ġa rajna fl-ewwel xogħol tal-awtur Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ’l Isfel (Horizons, 2019) – hija fil-fatt l-immersjoni totali f’espressjoni impenjata li tiżgiċċa mill-iċċassar lejn żokritna li poeta jista’ jingaġġa fih. Minkejja li hemm dagħbien enormi u qawsalla mifruxa bejn l-imbeċilli u l-ġenju, hemm ukoll taqsima tal-ispettru li anki tagħżel, jekk mhux bejn is-sinċerità u l-awtentiċità, is-sens tal-missjoni ta’ dak li jagħżel li jkun poeta: il-fedeltà lejn ix-xbihat li jossessjona fuqhom, ix-xogħol li jdaħħal biex joftoq il-ħajja u jkompli jinterpreta u jfittex fiha mingħajr ma jsib tweġiba, id-dmir ta’ arti li sseħħ mhux għax moħħha fiha nfisha.
Ta’ Cardona hija faċilment poeżija tat-triq, li magħha ġġorr l-ironija u l-leħħiet strambi tal-ħajja li jinkisbu anki b’sempliċi passiġġata fi kwartier traffikuż. Anki meta tkun personali, xorta waħda ma titbegħidx lejn l-astrattiżmu, anki għall-fatt li tibqa’ tiġbed mill-ħsus tal-poplu, li huma wara kollox tal-awtur imfannad fl-art, bħallikieku, bl-għeruq u x-xniexel, sew kampanjol sew urban, imma dejjem ċittadin. Attitudni li faċli timxi għall-politiku u għall-impenjat, li jintwera ċar mill-attitduni ġenerali ta’ Cardona, iżda lil hinn minn dan, hemm dejjem dak is-sens ta’ poeżija li tista’, lil hinn milli tinftiehem u tinħabb, tinħafen. Mertu kbir narah għalhekk il-potenzjal tal-poeżija li tista’ żżurhom tassew lin-nies u tkellimhom bi lsienhom, mhux fis-sens ta’ riduzzjoni lingwistika lejn l-iktar denominatur komuni baxx, iżda, anzi, it-tiftixa ta’ dak id-denominatur, u minn hemm l-essenzjalità politika u soċjali, li tista’ tlaqqa’ lin-nies mal-arti u mas-sbuħija tal-espressjoni u tal-kelma.
Cardona huwa wkoll poeta lokali fis-sens li kliemu ssibu f’postijiet li jintgħarfu minnufih, u kif spiss nagħmel għal ġabriet ta’ poeżiji u novelli, sikwit nagħżel biċċa li tkun tassew emblematika, f’dal każ ‘Ħal Qormi 2’ li tiġbor l-essenza ta’ raħal qadim f’belt moderna, anki l-laqgħa msemmija qabel tal-kampanjol u tal-urban, bħala mikrokożmu ta’ Malta tal-lum, bil-koeżistenza kumplessa tal-pompa tal-petrol mifgugħa fid-dħahen tal-karozzi mal-każini tal-banda u l-fran sinonimi mar-raħal. Għandha l-essenza ta’ innu lil belt bħalm’hi l-kanzunetta Napule È ta’ Pino Daniele, l-odi lill-‘carta sporca’ li hi beltu, u tinżel tassew fil-qiegħ ta’ xi tfisser il-konvivenza soċjali fi spazju kulturali u storiku determinat, anki bl-użu tad-djalett li jibda jiskula fil-poeżija kulma jmur li tikber l-intensità tagħha.
Cardona wieħed minn dawk li jikteb ftit, donnu, imma jikteb sew meta tassew ikollu xi jgħid. Poeżija mill-ħajja ta’ kuljum, dwar il-ħajja ta’ kuljum, għax dik l-unika ħajja li għandna, u jekk tisfida l-‘kultura’ u l-modi ħżiena kif nużaw dan it-terminu li sikwit isir għelm ta’ firda, huwa preċiżament biex ireġġa’ l-qawwa tal-espressjoni lura għal fomm u moħħ il-poplu, li jgħixha, anki forsi mingħajr ma jagħrafha, ta’ kuljum dil-poeżija.