Kotba | L-uġigħ li ssarraf f’kitba

Patrick J. Sammut jitkellem ma’ Nunziella Zahra Giglio dwar ir-rumanz awtobijografiku tagħha Mistura Wara l-Kanċell (BDL Publishing, 2024)

Patrick J. Sammut: Għaliex ħassejt il-bżonn li tikteb rumanz awtobijografiku bħal dan? 

Nunziella Zahra Giglio: X’aktarx li l-ewwel rumanz ta’ kull kittieb ikun l-aktar wieħed awtobijografiku. L-istess qed iseħħ fil-każ tiegħi, għalkemm fih ħafna esperjenzi personali, magħhom żidt l-element ta’ fantasija mingħajr ma warrabt dak soċjoreliġjuż u ħafna umanità. Xtaqt nuri kemm sibt imħabba fis-sorijiet u fil-ġenerożità tal-poplu Malti. 

Il-kanċell huwa dak l-oġġett litterali imma huwa wkoll dak li jġorr miegħu sens figurattiv ukoll. Tgħidilna xi ħaġa fil-qosor dwar dan? 

Il-Kanċell hu tassew dak li jifred il-ħajja tal-Istitut minn dik ta’ barra. Dan aktarx jista’ jikkonfermah min f’ħajtu għex f’xi tip ta’ istituzzjoni jew kunvent. Il-ħajja ta’ ġewwa tkun aktar ta’ ġabra, kalma u satra. 

Xi tgħid dwar il-kitba bħala mod kif tittaffa xi trawma partikolari? 

Jiena nużaha ħafna l-kitba bħala terapija. Għalkemm il-kitba ma ssolvilix il-problemi, għall-anqas jirnexxili noħroġhom minn qalbi biex inkun nista’ nanalizzahom b’mod aktar oġġettiv. Wara li nikteb, dejjem inħossni aħjar. Il-fatt li jiena persuna sensittiva ħafna ma jgħinix wisq. Ovvjament, biex minn sempliċement kitba terapewtika tgħaddi għal dik letterarja, trid impenn u dedikazzjoni. Inħoss il-bżonn li niddistakka ruħi kompletament minn dak li nkun ktibt f’mument ta’ wġigħ u nipprova nsaħħu bil-metafori u b’rakkont li jasal jintriga u jogħġob lill-qarrej. 

Drabi oħra l-istil għandu minn dak tal-ħrafa tradizzjonali bi tmiem hieni, waqtiet oħra jafu jnisslu tbissima. U dan kollu f’rabta mal-innoċenza tat-tfal u s-sens ta’ skoperta u stagħġib anki quddiem l-iktar ħwejjeġ sempliċi. Xi tgħid dwar dan? 

Ta’ tnax-il sena, fil-flett tagħna tal-istitut kont spiċċajt il-kbira. Qabel jorqdu, lit-tfal kont nirrakkontalhom l-istejjer. Nivvinta minn dak li kont naqra, nosserva u nimmaġina. Xi drabi kienu jkunu stejjer dwar tfal bħalna li jiġrilhom xi ħaġa u jsibu ruħhom f’xi bawxata. Inkella fl-istorja jiltaqgħu ma’ xi ħadd fil-bżonn u jgħinuh. Niftakar li dejjem kienu jkunu stejjer xi ftit umoristiċi u b’xi tagħlima, bħal dawk tal-ktieb Ġabra ta’ Ward. Niftakar li t-tfal kienu jieħdu gost meta kont indaħħlilhom isimhom fl-istorja. U mhux l-ewwel darba li l-għada jew xi ġimgħa wara, jitolbuni nkompli ma’ xi storja marbuta ma’ xi ħadd minnhom. 

Tiegħek hu rumanz li jinsisti ħafna fuq l-element “umanità” li hemm fina l-bnedmin, bil-ħażin, imma iktar u iktar bit-tajjeb li hemm fina. X’inhuma r-reazzjonijiet tiegħek għal din l-osservazzjoni? 

Il-bniedem hu msawwar bit-tajjeb u bil-ħażin. Fir-rumanz xtaqt nagħti stampa ċara ta’ dan, kemm fil-membri ta’ ġewwa l-kanċell, kif ukoll f’dawk ta’ barra, speċjalment il-benefatturi. Huma min huma, bit-tajjeb u l-ħażin tagħhom, l-umanità fihom kienet tmisslek qalbek. Jaraw lil min hu fil-bżonn u jnewlu minn dak li għandhom. Uħud iġibu l-ikel, oħrajn joffru dak li jafu jagħmlu, bħal xi sengħa jew għajnuna fil-homework, u kien hemm ukoll dawk li kienu jiġu joħorġuna xi nofstanhar magħhom bħal tat‘Third World Group’. 

L-istitut bħala spazju li joffri tagħlim speċjali: li ssib il-ġenna fil-post fejn tgħix. Xi tgħid dwar dan? 

Fl-istitut issib il-ġabra. Kollox f’ħinu u f’waqtu. Il-jum jibda dejjem bil-quddiesa u jispiċċa bit-talb ta’ qabel l-irqad. Jasal ukoll ħin ir-rużarju. Iżda qalb dan kollu, il-membri huma dawk li huma. Kull wieħed u waħda bil-karattri tagħhom, qed iġorru bagalja mimlija aktar b’esperjenzi tqal milli ħfief li diġà għaddew u għadhom qed jgħaddu minnhom. Għal tifel/tifla ta’ ftit snin dawn huma wisq! Biss, mal-mogħdija tas-snin, tibda tidra tgħix hemm ġew u tiskopri l-post li tista’ titgeddes fih u tidħol ‘fil-ġenna tiegħek’. Bl-Ingliż jissejjaħ ‘escapism’: il-ħarba minn dak li jtaqqlek jew idejqek, u tidħol f’sitwazzjoni li tħobb, jew almenu taljenak u tittrankwillizzak għal ftit tal-ħin. Xi eżempji: min jorqod, min jaqra, min jinżel fil-kappella jitlob, u min bħali; jiskot u joqgħod jisma’ n-natura tkellmu. 

In-natura bħala għalliema: “U ma’ kull nota nħossni ninbidel f’farfett, fi qronfla, f’gelgul ilma ...”. Dan il-kliem huwa reminixxenza tal-versi ta’ Karmenu Vassallo? 

Bħala persuna romantika ma nistax ma nħobbx in-natura, misteru affaxxinanti li dejjem jimlieni bil-ferħ. U biex norbot mal-mistoqsija ta’ qabel, kif nirrakkonta fir-rumanz, il-ġenna tiegħi kienet id-dehra tal-għelieqi mimlija fjuri, siġar, insetti u dak kollu naturali ... u jien bil-kitarra f’idejja minn taħt l-ilsien, kont indur lejn il-poeżiji ta’ Anton Buttigieg u Dun Karm, u f’daqqa waħda l-għelieqi ta’ quddiemi jinbidlu f’art tas-sħarijiet. Il-poeżiji ta’ Karmenu Vassallo kont inħosshom ifarrġuni. Kont nintebaħ li bħali kien ġarrab l-uġigħ u forsi wkoll twieled taħt stilla ħażina. Kont nitħassru, iżda fl-istess ħin kont inħossu qed jagħtini ħafna sapport. 

“Iva, ħriġt mill-kanċell u għalaqtu warajja, biss xi drabi, fid-dalma tal-lejl, inħoss li għadni msakkra warajh.” Il-qarrejja jistgħu jistaqsu: Għaliex għażilt li ttemm ir-rumanz tiegħek hekk? 

Għandhom raġun jekk jistaqsu hekk u din kienet mossa intenzjonata. Meta tkun wara l-kanċell, tiltaqa’ ma’ ċerti sitwazzjonijiet li jkollok tħabbat wiċċek magħhom. Meta toħroġ barra l-kanċell, tkun mingħalik li fl-aħħar sibt il-ħelsien. Iżda ma ddumx tgħix fis-sħab. Malajr jiġu mumenti meta tinduna li rġajt sibt ruħek wara kanċell ġdid. Tiltaqa’ ma’ wħud li jkunu jafu l-passat tiegħek, u minflok jgħinuk, tarahom jieħdu gost iweġġgħuk. U dak il-ħin tirrealizza li għax m’intix tal-istess natura tagħhom, tkun għadek imsakkra mal-uġigħ. Huma nnifishom ikunu l-kanċell ġdid tiegħek. Imma grazzi għall-għaqal u dik l-esperjenza li tkun immaturatek u kabbritek qabel iż-żmien, kif kont issib il-ġenna wara l-kanċell tal-istitut, hekk issibha barra wkoll; u tinjorahom! U kuljum titla’ x-xemx bis-sħana sabiħa tagħha. 

More in Arti