Kotba | Iljieli Profondi jew Iljieli mal-Baħħ?
Għall-ewwel paġna letterarja tas-sena 2025, Elena Cardona tagħżel ir-rakkonti qosra Iljieli Bla Rqad u Rakkonti Qosra Oħra (Klabb Kotba Maltin, 2024) ta’ Sergio Grech biex iġġarrab l-esperjenzi u l-ħsus tal-bniedem fil-ġeneru frisk tal-mikrostorja
Dejjem kont nismagħhom jgħidu li iktar ma tikber, iktar tiżdied il-probabbiltà li ma tibqax tgawdi minn iljieli twal ta’ rqad trankwill. Ħsieb bħal dan jinkwetani u ttamajt li ma nesperjenzax dan kollu. Imma f’din ix-xorti ma tantx daħkitli għax minn xahar ikolli ħamest iljieli fejn nispiċċa nitqalleb minn tarf għall-ieħor tas-sodda u niċċassa lejn is-saqaf. Le, qatt ma nipprova ngħodd in-nagħaġ jew inkella nidħol fuq Facebook. Kien propju għalhekk li ġietni l-kurżità li naqra Iljieli Bla Rqad u Rakkonti Qosra Oħra, biex inqabbel l-esperjenzi tiegħi ta’ nuqqas ta’ rqad ma’ dawk tal-karattri f’din il-ġabra. Il-protagonista, fir-rakkont li jġib l-istess isem tal-ktieb, kienet tqum “miljun darba mis-sodda, tibda sigħat ta’ passiġġati mal-erbat ikmamar li kellha l-Qawra” matul l-iljieli twal bla rqad. Għalxejn kienet tipprova tidħol torqod wara l-ħdax ta’ billejl għax dan il-metodu ma ħadimx. L-istess jiġrilu l-protagonist f’‘Iljieli Jwennsu l-Baħħ’. Il-protagonista “lejl wara lejl għajnejh mimlija dmugħ u ngħas, u hu xejn. Jistenna fuq l-imħadda biex jorqod iżda ma jorqodx”.
Dawn huma żewġ rakkonti qosra mill-ktieb il-ġdid ta’ Sergio Grech li ġie ppubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-2024. Fih wieħed isib aktar minn tmenin storja qasira li t-tul tagħhom mhux iktar minn mitejn kelma. Huma miktubin fl-ewwel jew fit-tielet persuna u jfuru bl-emozzjonijiet. Meta saqsejt lil Grech għaliex għażel li jikteb stejjer qosra jew aħjar mikrostejjer minflok xi ġeneru ieħor, stqarr li din kienet preferenza personali li jesprimi l-ħsus tiegħu b’dan il-mod. Irrakkontali kif kollox beda meta Ġorġ Mallia ħareġ bl-idea ta’ ‘Għidli Mitejn’. Minn hemm Grech beda jikteb dawn l-istejjer vera qosra li matul medda ta’ żmien issawru f’dan il-ktieb. Isostni li r-rakkonti qosra xorta għandhom l-isfidi tagħhom għax jitolbu impenn kbir fl-editjar speċjalment fejn jidħol l-ammont tal-kliem. Fil-fatt, li jikteb sa mitejn kelma serviet bħala awtodixxiplina. Barra minn hekk, il-ktieb ta’ Grech huwa stedina intriganti għal udjenza wiesgħa ta’ qarrejja. Fuq naħa, iħajjar lill-qarrejja li jsibuha diffiċli biex jikkonċentraw fuq plotts kumplessi jew jitilfu l-interess fi storja twila, waqt li min-naħa l-oħra, jiġi apprezzat immens minn qarrejja li huma interessati fil-ġeneru tal-istejjer qosra. Għalhekk żgur li se tieħdu gost tqallbu f’dan il-ktieb u timirħu f’ambjenti diversi.
Bħalma qal Ġorġ Mallia, dawn ir-rakkonti “[jgħarrxu] fil-qalba kumplessa ta’ ġrajjiet u karattri.” Fil-fatt il-kumplessità tal-ġrajjiet u l-karattri intrigatni ferm għax bqajt sorpriża kif minkejja l-limitazzjoni ta’ kliem dawn ir-rakkonti qosra jirnexxilhom jilħqu climax u ħafna drabi jġibu bidla mhux mistennija. Rakkont qasir partikolari li ġabli ’l qalbi ġunġliena hu ‘Fire Drill’. Ħafna drabi, aħna l-kbar lanqas nirrealizzaw kemm jinkwetaw it-tfal, bħal Celine, studenta fil-primarja. Kienet inkwetata ferm u ħadd ma kien jaf xi ġralha. Meta ommha indagat għaliex dan it-tħassib kollu, it-tifla żvelatilha li l-iskola kellhom prova tal-fire drill u peress li d-dar tagħhom kienet qrib l-iskola kkonfondiet li ommha setgħet tinħaraq.
Għall-kuntrast tat-tenerezza li tiżboq f’Celine, Grech jesponi realtajiet oħra bħall-mewt, li tispikka f’‘It-Toast’. Minkejja li t-titlu mhux marbut mal-mewt u jekk ikollok il-ġuħ iħajrek għal xi żewġ biċċiet ħobż mixwija, f’dan ir-rakkont tinħass ċerta assurdità li taqta’ ħesrem ir-rutina ta’ dawn iż-żewġ anzjani. Minkejja li l-karattri huma bla isem, il-qarrejja jindunaw li r-raġel kien ta’ kull filgħodu għas-sitta u nofs iġib toast u cappuccino lil martu. Kienu ġa għaddew tliet sigħat minn dan il-ħin sagrosant u t-toast kien għadu ma wasalx. F’salt ir-rakkont jieħu xeħta surreali għaliex qisu l-importanza tibda tingħata lil xi ħaġa ordinarja u mhux f’lokha. Waqt li l-qarrejja jibda jimmaġina lill-mara fis-sodda tistenna l-imbierek toast, ir-raġel kien ilu mejjet.
U din hi xi ħaġa oħra li għandhom speċjali dawn ir-rakkonti qosra. L-ordinarju jsir straordinarju jew aħjar l-ordinarju jieħu tifsira ġdida kif jużaha Grech. Ngħidu aħna f’‘Il-Cruiseliners’ dawn il-vapuri maestużi ma jibqgħux jiġu meqjusa bħala xi ħaġa li tpaxxi u tagħti gost, imma li serqet il-bint tal-protagonista. L-istess fir-rakkont qasir ‘Ponsonby’. Għal ħafna, din hija biss l-istejġ tal-linja fil-Gżira. Imma hawnhekk Ponsoby tieħu xeħta diversa għall-protagonista. L-istejġ isir iktar senswali – marbut mat-tfajla li telgħet mgħaġġla fuq tal-linja tigdem sausage roll. Iktar minn hekk Ponsoby huwa ċans mitluf, ċans li fih il-protagonista seta’ jitkellem ma’ din it-tfajla t’għajnejha blu u sider li jsaħħar. Meta wieħed jifli sew it-titli ta’ dawn ir-rakkonti l-qosra, magħmula minn ftit kelmiet, jirrealizza li dawn huma aktar suġġettivi milli jidhru. Barra milli ħafna minnhom jantiċipaw dak li se jiġri, oħrajn jenfasizzaw l-ironija tal-ħajja.
Lil Sergio Grech qabel kont nafu biss bħala editur tal-kotba Mid-Dinja Żgħira Tiegħi (Klabb Kotba Maltin, 2020) u Pawlu li Naf Jien (Klabb Kotba Maltin, 2024). Ikolli nammetti li l-kitba tiegħu saħħritni u apprezzajtu iktar bħala awtur, li mhux biss jgħarrex fil-madwar tiegħu biex jirriflettih f’kitbietu iżda jgħarrax l-esseri ta’ kull wieħed u waħda minna.
L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b’mod onest.